F’intervista waqt il-programm What’s On Newsbook fuq RTK103 Benjamin Flores Martin, li jaħdem maż-żgħażagħ u li fil-passat għamel il-Masters fil-Youth Ministry – il-ħidma pastorali maż-żgħażagħ spjega x’inhu dan il-kors u kif jista’ jkun ta’ benefiċċju għal dawk kollha li jiddeċiedu li jidħlu għal dan l-impenn.
Ix-xewqa tiegħu li jagħmlu ġiet għax diġà kien qed jagħmel pastorali maż-żgħażagħ kemm b’mod volontarju u anke b’mod uffiċjali fi ħdan il-Malta Catholic Youth Network – il-fergħa taż-żgħażagħ fil-Knisja lokali.
Masters in Youth Ministry huwa kors ta’ tliet snin part time taħt il-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta. Fit-tieni sena jkun hemm ukoll il-prattika fil-pastorali u t-tielet sena tagħmel it-teżi. Għalih l-isbaħ ħaġa hi li fil-kors tkun qed tiltaqa’ ma’ żgħażagħ oħra li qed iservu f’pastorali maż-żgħażagħ.
“Il-gruppi taż-żgħażagħ fil-Knisja ma għandhomx ikunu hemm biex jgħaddu l-fidi u tlaqna ‘l hemm” stqarr Flores Martin filwaqt li qal li għandhom ikunu orjentati lejn żvilupp ħolistiku kif ħafna minnhom diġà huma.
Hu ġie mistoqsi wkoll dwar l-opportunitajiet li hemm f’dan il-kors u waħda minnhom hi li meta tlestih ikun hemm proċess li jseħħ li bih tiġi akkreditat bħala youth worker. Tista’ sservi fil-gruppi taż-żgħażagħ b’aktar formazzjoni imma wkoll hemm opportunitajiet ta’ ħidma bħala chaplain fi skejjel tal-Gvern jew tal-Knisja u rwoli oħra ta’ akkumpanjament f’diversi istituzzjonijiet.
Fl-intervista tkellimna ukoll dwar it-tranżizzjoni meta filli qed tmexxi grupp t’adoloxxenti imbagħad tgħaddi biex tmexxi grupp ta’ żgħażagħ, il-bżonn tal-formazzjoni u t-teżi tiegħu dwar in-narrativa tal-Evanġelju bħala narrativa għas-soċjetà tal-lum.
Segwi l-intervista kollha:
Dan il-programm bi produzzjoni u preżentazzjoni ta’ Gabriel Lia jixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa wara l-aħbarijiet tal-12pm fuq RTK103.