L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ma noqogħdux niskandalizzaw ruħna bil-Fariżej u l-kittieba. Ejjew inqisu li dan il-kliem Ġesù qiegħed jgħidu lilna. Nistaqsu lilna nfusna: aħna li għandna tant tradizzjonijiet u sbieħ, u tant aħna kburin bihom, imma dawn ħadu post il-Kelma t’Alla, ħadu post l-Evanġelju ta’ Ġesù? Jien nista’, pereżempju, inżeffen l-istatwi tal-qaddisin, imbagħad nidgħi? Nagħmel festa tal-qaddisin, imbagħad għandi lanzita, bir-rispett kollu, daqshiex għal ħija jew għal oħti. X’inhu l-iżjed importanti, iżżeffen statwa tal-kartapesta jew tal-injam; jew li tħobb lil ħuk u lil oħtok, tieħu paċenzja, taħfer, tgħin lill-fqir u l-batut? Jekk nagħmluhom it-tnejn, barka Alla u s-sliem, għax b’hekk il-festi tagħna jkunu tassew festi ta’ vera, jekk qed jesprimu l-qalb li tħobb, li taħfer, li fuq il-media soċjali ma tużax kliem iżjed tqil mill-ġebel. Xi tfisser li tagħti somma kbira ta’ flus lill-kappillan biex jagħmel opra, u forsi tippretendi li jkun hemm ismek fuqha, jekk mhux l-arma tal-familja; imbagħad il-ħaddiem li għandek m’għandux ktieb jew m’għandux protezzjoni, jew m’għandux ħlas xieraq?
Ġesù qed jgħidilna: ‘Ieqfu ftit, x’inhu l-iżjed importanti? Isemmi dan l-eżempju, ta’ xi ħadd li jkollu l-ġid tiegħu u lil ommu u l-missieru jgħidilhom: ‘jiddispjaċini, veru li għandkom bżonn l-għajnuna, imma issa tajt kollox: “Qorban (offerta)” (Mk 7:11). Tajt kollox il-Knisja biex jagħmluli l-quddies.’ U ommok u missierek? Tgħidu: ‘x’għarukaża, x’qed jgħid l-Isqof!’
Ejjew nisimgħu l-Kelma ta’ Ġesù: “Bosta ħwejjeġ oħra bħal dawn tagħmlu” (Mk 7:13). Il-Kelma t’Alla ċċanfar lil kull wieħed u kull waħda minna. Jiena wkoll, quddiem il-Kelma t’Alla, inbaxxi rasi u nistaqsi lili nnifsi: ‘Hemm xi kmandament t’Alla li qed nittraskurah minħabba xi tradizzjoni tal-Knisja?’
Xi tfisser li tagħti somma kbira ta’ flus lill-kappillan biex jagħmel opra, u forsi tippretendi li jkun hemm ismek fuqha, jekk mhux l-arma tal-familja; imbagħad il-ħaddiem li għandek m’għandux ktieb jew m’għandux protezzjoni, jew m’għandux ħlas xieraq?
Ejjew nitolbu ukoll l-interċessjoni ta’ Bakhita. Bakhita kienet iffortunata. Kienet tgħid: ‘Jien għaddejt minn ħafna tbatijiet, imma li dan kollu wassalni biex niltaqa’ ma’ Ġesù; l-ikbar rigal li sibt f’ħajti.’
Ħa niskandalizzakom, ippermettuli, niskandalizzakom. Jien hekk ħassejtni. Ħin minnhom, lejn l-aħħar ta’ ħajjitha qalet din il-ħaġa, tant diffiċli biex nifhmuha. Qalet: ‘Jekk nerġa’ niltaqa’ ma’ dawk iż-żewġt irġiel li ħatfuni (meta kellha disa’ snin) u dawk kollha li sawtuni, ninżel għarkubbtejja biex inbusilhom idejhom; għax permezz tagħhom iltqajt ma’ Ġesù. Kważi kliem ta’ skandlu dan. Imma min jiltaqa’ ma’ Ġesù, ma jqis xejn, ħdejn il-ferħ li ltaqa’ miegħu. Il-qaddisin jgħallmuna l-aħwa.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Slaten 8:22-23,27-30
Salm: 83 (84):3,4,5 u 10,11
L-Evanġelju: Mk 7:1-13