• **

    Direttur: Ilya Nuishuller
    Atturi: Sharlto Copley, Danila Kozlovsky, Haley Bennet, Tim Roth,  AndreI Dementiev, Cyrus Arnold, Ilya Naishuller, u Will Stewart
    Ħin tal-Film: 96 min
    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
     
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 18
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
     
    Henry qabel ma qam ġewwa tank tal-ilma,  jiftakar li meta kien żgħir, kien jiġi bbuljat minn sħabu. Issa li ġie f’tiegħu, jsib ruħu bla id u saqajn tax-xellug.  Estelle, xjentista fil-laboratorju, tlibbsu jdejn u saqajn artifiċjali u tfakkru li hu kien ir-raġel tagħha. Tgħidlu wkoll li kellu inċident serju u wara l-inċident kellu telf ta’ memorja. F’waqt minnhom grupp ta’ merċenarji jidħlu fil-post, immexxija minn telekinetik Akan. Dawn joqtlu kull xjentist li jsibu hemm ġew, iżda Henry u Estelle jirnexxielhom jaħarbu mill-airship għalkemm jinqabdu ftit wara. Estelle tittieħed bħala ostaġġ waqt li Henry jiġi salvat minn merċenarju Jimmy li jinfurmah  li idejh u saqajh artifiċjali kienu qegħdin jitilfu l-qawwa tagħhom u jekk ma jiġux iċċarġjati, Henry imut.  X’sejjer jagħmel issa? Min kienu dawk li ħatfu lill-martu? Isir jaf li kien l-istess wieħed, Akan li flimkien ma’ merċenarji oħra kienu daħlu fil-laboratorju u qatlu lil kull minn sabu. Akan kien kap qawwi ħafna u kellu taħt il-ħakma tiegħu għadd kbir ta’  merċenarji u kien qieghed jippjana biex jiddomina d-dinja kollha. X’jista’ jagħmel Henry kontra din il-qawwa kollha l-iktar issa li sab ruħu gewwa Moska, post li ftit li xejn kien midħla tieghu’ Tgħid jirnexxielu  ssolvi l-misterju u jekk hu hekk,   kif sejjer jagħmlu dan?  Ma kienx hemm triq oħra ħlief li juża forża b’forża!  Forsi f’dan il-ġenn Henry isib min kien tassew u kif sab ruħu hemm?  Tgħid ix-xorti kienet fuq in-naħa tiegħu?
    Film ta’ fantaxjenza taħt id-direzzjoni ta’ Ilya Naushuller, direttur Russu li uża sistema mhux tas-soltu meta  l-film kollu nġibed minn perspettiva tal-protoganista tal-istorja Henry, karratru misterjuż li qatt ma jlissen kelma. Il-film hu vjolenti ħafna, qtil bl-addoċċ u mdemmi għall-aħħar  u brutali u bla ħniena.  Minħabba vjolenza kontinwa, użu ta’ droga, xeni ta’ sess u perversi kif ukoll kliem goff, il-film tajjeb li jarawh il-kbar biss.