“Sliem għalik, O Salib, l-unika tama tagħna”. Din l-iskrizzjoni, li hi meħuda minn innu antik li nkiteb fis-seklu 6 – Vexilla Regis – hi skrizzjoni li nsibuha f’diversi postijiet taħt is-salib ta’ Ġesù, taħt il-kurċifiss. U fl-Istorja tal-Knisja kienet skrizzjoni li tesprimi l-iktar missjoni importanti ta’ ċerti gruppi, bħall-Kongregazzjoni tas-Salib Imqaddes, li għażlu din bħala motto.
F’dawn il-kelmiet għandna proprju t-tifsira tal-Festa li qed niċċelebraw illum: l-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes. Meta aħna niċċelebraw il-Festa tas-Salib Imqaddes, qed ngħidu li fih naraw il-glorja, ir-rebħa. Ħadd ma jeżalta salib, u fi żmien Ġesù żgur ħadd ma kien jgħaddilu minn moħħu li jitkellem fuq glorja tas-salib. Dan għaliex fi żmien Ġesù, is-salib kien il-piena kapitali tal-ikbar kriminali, is-salib kien ifisser tortura, tbatija, umiljazzjoni, dak kollu li tista’ taħseb ħażin. Għahekk, meta aħna nħarsu lejn l-Ewwel Insara u naraw kif huma kienu jitkellmu fuq il-glorja tas-salib, hemm nifhmu l-bidla li seħħet meta aħna niċċelebraw lil Ġesù Kristu msallab.
Hekk ħabb lid-dinja
Fil-fatt, Ġesù jispjegaha b’mod sabiħ ħafna fl-Evanġelju llum meta jgħid it-tifsira tas-salib għalina: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil ibnu l-waħdieni biex kull min jemmen fih ma jintilifx iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3:16). Qed jgħid Ġesù dak li għex, għax il-ħajja kollha ta’ Ġesù kienet ħajja ta’ mħabba kbira, ta’ għotja kontinwament, f’kull waqt tal-ħajja tiegħu. Imma speċjalment, imbagħad, fil-mument tal-aħħar, fil-mument tas-salib, meta lil Ġesù sallbuh, tawh l-agħar mewt – hu li ma għamilx ħlief ħabb lin-nies u għamel il-ġid – hemhekk, permezz tal-mewt fuq is-salib, Ġesù hu s-Salvatur tal-bnedmin kollha għax hemmhekk jieħu fuqu d-dnubiet tad-dinja u jsalvana permezz tas-salib tiegħu.
Aħna nafu li nistgħu nitkellmu fuq il-glorja tas-salib għaliex meta lil Ġesù sallbuh u ħasbu li kien l-aħħar mument tal-ħajja tiegħu, fil-fatt ma kienx hekk, imma Ġesù qam għal ħajja ġdida. Huwa fid-dawl tal-qawmien li aħna nistgħu nitkellmu fuq is-salib ta’ Ġesù bħala l-glorja tas-salib – l-Eżaltazzjoni tas-Salib.
X’tgħid din il-Festa lilna llum fil-ħajja tagħna? Nixtieq insemmi tliet punti, li naħseb jiswew ħafna ta’ ġid.
Is-salib sinjal tagħna l-Insara
L-ewwel nett, aħna għandna dejjem nitfgħu ħarsitna fuq Ġesù msallab u niftakru li hu s-Salvatur tagħna. Għalina, is-salib u speċjalment il-kurċifiss – Ġesù msallab – għandu tifsira kbira. U bir-raġun li aħna dejjem nixtiequ li jkollna post prominenti għal Kristu msallab, għaliex hemmhekk naraw lil Ġesù li salvana permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħu. Hemmhekk naraw l-ikbar imħabba, l-imħabba fil-milja tagħha, Ġesù li jagħti lilu nnifsu għalina biex lilna jeħlisna mid-dnub u mill-mewt.
Għalhekk huwa importanti li aħna niftakru kemm is-salib għalina hu għażiż, u kemm meta aħna – bħalma aħna mdorrijin nagħmlu b’mod hekk sabiħ – nagħmlu s-sinjal tas-salib qabel diversi ħidmiet tagħna, qegħdin proprju nesprimu dak li jfisser is-salib għalina: Ġesù li lilna salvana, Ġesù li lilna ħabbna sal-aħħar.
Irrid ngħid kemm hu importanti li aħna niftakru f’dan, u li ngħożżu dejjem is-salib, u anke s-sinjal tas-salib. Kultant jiġri – ninnota anke fost l-istess nies li nemmnu – li qisna nibżgħu rroddu s-salib meta nkunu ma’ oħrajn f’ċirkustanzi differenti. Qisu s-salib troddu fi knisja ok, u f’mumenti ta’ ċelebrazzjoni, imma mbagħad jekk tkun ma’ sħabek – u aħna mdorrijin irroddu s-salib qabel nieklu, per eżempju, u hi drawwa sabiħa – kultant issib min jistħi. Tistħi trodd is-salib. Aħna ma għandniex għalfejn nistħu nagħmlu dak li hu sewwa, u ma għandna qatt nistħu nistqarru l-fidi tagħna fi Kristu li salvana. Nistħu jekk nagħmlu affarijiet ħżiena, mhux jekk nagħmlu affarijiet tajbin. Ma għandux ikollna sens ta’ inferjorità. Is-sinjal tas-salib hu s-sinjal tagħna l-Insara.
Ngħixu dak li jfisser is-salib
Imma barra minn hekk, irrid ngħid li mhuwiex biss is-salib li aħna rroddu, jew il-kurċifiss li aħna ndendlu, imma dak ifisser li aħna rridu nieħdu impenn fil-ħajja tagħna biex ngħixu t-tifsira ta’ Ġesù msallab.
Jekk naħsbu ftit f’Ġesù msallab, aħna naraw kif Ġesù bidel dak li hu ħażin, anzi dak li hu l-agħar, jiġifieri l-vjolenza, il-mibegħda. Kristu msallab hu riżultat ta’ nies li kellhom f’qalbhom il-mibegħda, l-għira, il-vjolenza, li ma jistgħux għal min jagħmel il-ġid. Fuq is-salib Ġesù biddlu, għax hemmhekk għandna l-ikbar imħabba li tegħleb il-mibegħda, hemmhekk għandna l-ħajja li tegħleb il-mewt, hemmhekk għandna t-tajjeb li jegħleb il-ħażin.
L-istedina lilna li ngħixu Kristu msallab tfisser li aħna dejjem nagħmlu dawk l-għażliet li huma tassew rebbieħa fil-ħajja tagħna – jiġifieri li nagħżlu li nħobbu, mhux li nobogħdu; li nagħżlu li nagħmlu l-ġid, mhux li nagħmlu d-deni; li nagħżlu li ngħidu kelma li tfarraġ, mhux li ninsultaw bil-kliem tagħna; li nagħżlu li nġibu l-paċi u l-għaqda, mhux li noħolqu d-diviżjoni; li nagħżlu l-ħajja mhux li nagħżlu l-mewt. Dan ifisser meta ngħidu li ngħixu Kristu msallab, u t-tifsira li jagħti lill-ħajja tagħna. Għalhekk din hi s-sejħa li jagħmel lilna lkoll biex is-salib ma jkunx biss xi ħaġa li bih inżejnu jew ornament sabiħ, imma jkollu tifsira għax ngħixuh tassew fil-ħajja tagħna.
It-triq rebbieħa
Hemm nindunaw b’xi ħaġa oħra importanti: it-trasformazzjoni li ġab Ġesù, u li aħna nistgħu nġibuha fil-ħajja tagħna. Kultant, meta nkunu mdawrin bil-ħażen, ngħidu: x’tista’ tagħmel? Il-messaġġ tas-salib hu: irbaħ il-ħażen bit-tajjeb. Meta inti tara tant ħażen, agħmel il-ġid; u hemm tinduna li ġġib bidla, trasformazzjoni.
Hija dik il-bidla li ġab Ġesù msallab, li qam għal ħajja ġdida, u li wriena li dejjem hemm ir-rebħa f’din il-bidla. Meta aħna nagħżlu dak li hu sewwa, dak li hu tajjeb, anke jekk inbatu – bħalma għamel Ġesù fuq is-salib – imma, fl-aħħar mill-aħħar, dik hi t-triq rebbieħa. Dik hi l-vera rebħa għall-ħajja tagħna. U għalhekk il-bidla li nistgħu nġibu, it-trasformazzjoni, biex tassew nagħżlu dak li hu rebbieħ fil-ħajja tagħna.
Ejjew nitolbu llum lill-Mulej, aħna u nħarsu lejn dan il-misteru, l-Eżaltazzjoni tas-Salib – Ġesù msallab li tant ifisser għall-ħajja tagħna – u ngħidulu dik it-talba sabiħa li nagħmlu meta aħna niċċelebraw il-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù: Nadurawk, O Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju