L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Fl-Evanġelju tal-lum, Ġesù jsemmi tliet punti importanti għal ħajjitna. L-ewwel, jitkellem fuq l-iskandlu, kemm hu ikrah l-iskandlu, u kemm jagħmel ħażin min jagħti skandlu. Jagħmel dan bi kliem iebes ħafna. Nafu li fl-Evanġelju, l-iktar kliem iebes ta’ Ġesù hu għall-ipokresija u għall-iskandlu. Hawn juża kliem qawwi, speċjalment meta jgħid: “ikun aktar jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin u jitfgħuh il-baħar, milli jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin”. Aħna nafu li b’ġebla tat-tħin mal-għonq, tispiċċa f’qiegħ il-baħar u tisparixxi. Qed jgħid Ġesù: aħjar jisparixxi u ma jkollux il-possibbiltà li jagħti skandlu lil xi ħadd, speċjalment lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin.
‘Skandlu’ hi kelma li ġejja mill-kelma Griega ‘scandalon’ li tfisser ostaklu, bħal ġebla li tkun ostaklu. Tfisser li xi ħadd, bil-kliem jew bl-imġiba, ikun ta’ tfixkil għall-oħrajn u jwassalhom għall-ħażen. Għalhekk Ġesù hawnhekk jgħid kemm irridu noqogħdu attenti li bi kliemna u b’għemilna ma nkunux ta’ tfixkil għall-oħrajn.
Speċjalment, jgħid Ġesù, ma nagħtux skandlu liċ-ċkejknin, jiġifieri lit-tfal u lil dawk li huma vulnerabbli. Ġesù jinsisti ħafna fuq dan, u nafu kemm għandu raġun. L-istorja turik kemm għandu raġun Ġesù jinsisti fuq il-ħsara li ssir meta jkun hemm dan l-iskandlu liċ-ċkejknin. Għalhekk dak li qed jitlob Ġesù minna hu, l-ewwel nett li ma nkunux aħna ta’ tfixkil lill-oħrajn, u biex ma nippermettux li jkun hemm min jagħti skandlu liċ-ċkejknin, anzi li ħajjitna tkun ta’ ispirazzjoni sabiħa għall-oħrajn.
Il-maħfra hi deċiżjoni. Nafu li hi deċiżjoni li lilna tgħinna biex inkunu ħafna aktar fil-paċi u ngħixu tassew ħielsa
Imbagħad Ġesù jitkellem fuq żewġ punti oħra importanti għal ħajjitna: il-maħfra u l-fidi. Fuq il-maħfra jgħid li għandna naħfru dejjem u mill-qalb. Maħfra ma tfissirx li l-ħażin ma ssejjaħlux ħażin. Bħalma smajna fl-ewwel qari, mill-Ktieb tal-Għerf, fejn hemm ħażen, fejn inġustizzja, trid issejħilha b’isimha. Maħfra tfisser li int ma żżommx f’qalbek, ma tpattix deni b’deni, ma tagħmilx vendikazzjoni anke jekk tkun irċevejt azzjoni ħażina. Hu importanti li nifhmu xi tfisser maħfra: maħfra ma tfissirx li ma tħossx. Kultant diversi nies jiżbaljaw f’dan, għax jaħsbu li maħfra tfisser li ma tħossx. Kif jista’ jkun li ma tħossx meta tirċievi azzjoni ħażina? Maħfra hi deċiżjoni li tagħmel; kultant tgħid: minkejja dak li qed inħoss fija, jiena nagħżel li naħfer, jiġifieri li ma npattix, ma nagħmilx vendikazzjoni, ma nżommx f’qalbi. Il-maħfra hi deċiżjoni. Nafu li hi deċiżjoni li lilna tgħinna biex inkunu ħafna aktar fil-paċi u ngħixu tassew ħielsa. Meta naħfer, inkun qed nagħmel ġid lili nnifsi għax nista’ nkun tassew ħieles.
Imbagħad hemm dik it-talba sabiħa li għamlu l-appostli lil Ġesù: “kattar fina l-fidi!” Ġesù jsemmi l-eżempju taż-żerriegħa tal-mustarda. Jgħidilhom: “Kieku kellkom fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda…” tagħmlu l-għeġubijiet. Żerriegħa tal-mustarda ma tarahiex. Tinżel fil-ħamrija, u permezz ta’ hekk, tinħoloq xi ħaġa tassew sabiħa u kbira. Il-fidi mhux għax tara. Ma tfissirx li tara biex temmen, imma temmen anke jekk għadek ma rajtx jew m’intix se tara, bħalma qal Ġesù aktar tard lil Tumas l-Appostlu “henjin dawk li ma rawx u emmnu”.
Nitolbu lill-Mulej illum: biex qatt ma nkunu ta’ skandlu u ta’ tfixkil għall-oħrajn, imma l-ħajja tagħna tkun ta’ ispirazzjoni; biex naħfru dejjem u mill-qalb; u nagħmlulu ta’ spiss it-talba li għamlulu l-appostli: Mulej, “kattar fina l-fidi”.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju