• ****

    Direttur: David Fincher
    Atturi: Ben Affleck, Rosamund Pike, Tyler Perry, Carrie Coon
    Ħin: 145 minuti 

    Klassifika taċ-Ċensura: 18
    Klassifika tal-Knisja: 18

    Wara li Nick u Amy Dunne, li t-tnejn li huma kienu jaħdmu fi New York bħala kittieba, jisfaw qegħda fi żmien il-kriżi ekonomika tal-2008, huma jitilqgħu lejn North Carthage fil-Missouri biex jieħdu ħsieb omm Nick li jkollha marda terminali. Wara li omm Nick tmut, iż-żwieġ tiegħu u ta’ Amy jitlef il-ħeġġa tiegħu. Fil-ħames anniversarju tat-tieġ, Amy tisparixxi taħt ċirkustanzi suspettużi. Nick jgħid li ma jafx x’sar minn marthu, u għall-ewwel id-detective Rhonda Boney u sieħbu ma setgħux jaqbdu art dwar x’ġara. Iżda meta l-media tibda tpinġi lil Nick bħala kriminali l-pulizzija tibda tissusspetta fih, u d-detective Boney tagħmel tfittxija bir-reqqa tad-dar tiegħu fejn, fost oħrajn, isib id-diarju ta’ Amy li juri li ż-żwieġ tagħha ma Nick xejn ma kien feliċi. Nick ikollu jqabbad avukat mill-aqwa, Tanner Bolt, biex jiddifendih filwaqt li jserrah fuq is-support morali li tagħtih oħtu t-tewmija Margo. Thriller ibbażat fuq ir-rumanz bl-istess isem li ħareġ fl-2012, ta’ Gillian Flynn, li wkoll kitbet l-iscript ta’ dan il-film. Il-qofol tal-film huwa l-istat taż-żwieġ ta’ Nick u Amy. Huwa film interessanti ħafna li jżommok fuq ix-xwiek sa l-aħħar, maħdum b’sengħa kbira mid-direttur Fincher, u b’reċtar mill-aqwa mill-atturi kollha, l-aktar minn Ben Affleck u Rosamund Pike. Minħabba t-temi ttratti, kliem ħażin, u xeni ta’ vjolenza u ta’ sesswalita’, dan il-film jgħodd għal udjenza adulta.