•  
    It-Tlieta 28 ta’ Ġunju 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa Translazzjoni Solenni u ċċelebra Quddiesa tal-Ewwel Għasar, lejliet il-Festa ta’ San Pietru u San Pawl, fil-Katidral tal-Imdina.

    The Celebration of Mass on YouTube

     
     
  • Homily by Archbishop Charles J. Scicluna

    Katidral tal-Imdina
    27 ta’ Ġunju 2016
    “Ħares lejna” (Atti 3, 4), Din hija l-istedina li Pietru u Ġwanni jagħtu lil dak ir-raġel li  m’għandux isem, li kien magħtub minn ġuf ommu, li kuljum kien joqgħod ħdejn il-bieb tat-tempju jgħidulu ‘s-sabiħ’ biex jitlob il-karità lil dawk li jkunu deħlin fit-tempju. Kif ra lil Pietru u ’l Ġwanni għamel bħalma tgħallem jagħmel ħajtu kollha: talabhom il-karità. Pietru kif ukoll Ġwanni tefa’ għajnejh  fuqu u qallu: “Ħares lejna”. Dak dawwar għajnejh fuqhom bit-tama li jaqla’ xi ħaġa minn għandhom. Imma Pietru qallu: “fidda u deheb m’għandix, imma dak li għandi se nagħtik, fl-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, imxi” (v. 6).
    Fl-istorja tal-Knisja dan il-miraklu ta’ Pietru jibqa’ jidwi għaliex fih naraw l-essenza tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu. Il-kelma ta’ Pietru taqbel ħafna mal-kelma ta’ Pawlu lill-Galatin li għadna kemm smajna: “Jien mhux l-Evanġelju tal-bnedmin ġejt inħabbrilkom għax jien mhux minn għand bniedem irċevejtu jew tgħallimtu, imma kien rivelat lil minn Ġesù Kristu” (Gal 1, 11). Dan l-Evanġelju mhux magħmul mid-deheb u l-fidda imma magħmul mill-fejqan kemm spiritwali li huwa l-fejqan l-iżjed radikali, u kemm materjali, fiżiku. Għax id-deheb u l-fidda ma jwasslux lil bniedem għas-sħuħija tas-salvazzjoni u għall-milja tal-fejqan, imma hija l-qawwa ta’ Ġesù Kristu. Mhux ta’ b’xejn li Pietru f’dan il-miraklu jissieħeb ma’ Ġwanni li ismu jfisser Johanann, Alla ħanin, il-ħniena ta’ Alla.
    Dak li talab il-karità irċieva l-ikbar ħniena, dak li kien magħtub minn ġuf ommu ngħata l-ħelsien mill-jasar tiegħu, ingħata l-qawwa li jimxi. Kien Pietru stess li qabdu minn idu l-leminija u jqajmu. U beda jimxi magħhom fit-tempju jaqbeż bil-ferħ u jfaħħar lil Alla.
    “Ħares lejna”. Din hija stedina li l-appostli Pietru u Pawliu jagħmlu lil kull wieħed u waħda minna illum fil-vġili tal-festa solenni tal-martirju tagħhom. “Ħares lejna” u fil-ħarsa tagħhom aħna ma narawx jiddi t-tlellix tad-deheb u l-fidda imma naraw il-qalb kbira ta’ Alla mimlija ħniena għall-bnedmin. Kemm Pietru u kemm Pawlu tgħallmu x’jiġifieri l-ħniena ta’ Ġesù. It-tnejn għaddew minn dik l-għafsa ta’ qalb li hija l-bieb tal-indiema u tal-maħfra. “Tħobbni int?” (Ġw 21, 16). Pietru ħass għafsa ta’qalb għaliex għat-tielet darba il-Mulej staqsih jekk iħobbux. Dik l-għafsa ta’ qalb li fakkritu fid-demgħat kollha mrar ta’ meta ltaqa’ mal-ħarsa ta’ Ġesù fil-bitħa ta’ Kajfa u rrealizza l-ħruxija, il-kefrija tad-tradiment tiegħu.
    Pawlu, hu u jara lill-Mulej fit-triq ta’Damasku, għajnejh li ma jibqgħux jaraw imma jilmħu lill-Mulej li jgħidlu: “Sawlu, Sawlu, għaliex qiegħed tippersegwitani?” “Min int, Mulej?” (Atti 9, 4-5) u minn dakinhar sakemm tgħammed, Pawlu ma baqax jara sa ma twassal għand Hananija (li ismu wkoll ifisser ‘il-ħniena tal-Mulej’), għall-Magħmudija. Pawlu imbagħad beda jara bl-għajnejn tal-qalb kif ukoll bl-għajnejn tal-ġisem.
    Ejjew illum nirringrazzjaw lill-Mulej talli fis-Sena tal-Ġublew tal-Ħniena, ilaqqagħna ma’ dawn l-appostli. Inħarsu lejhom biex nifhmu li huma mgħaġunin mill-ħniena tal-Mulej, kemm Pietru fid-dgħufija tad-tradiment tiegħu ltaqa’ mal-ħarsa ta’ Ġesù, u kemm Pawlu. U t-tnejn li huma jgħidulna: “ħares lejna” għaliex fil-ħarsa tagħhom aħna naraw il-ħarsa ta’ Ġesù.
    Kultant aħna fil-Knisja, aħna n-nies tal-Knisja nkunu sedotti mid-deheb u l-fidda u jiġrilna bħal Papa Ġulju II, li meta ra t-teżori kbar tiegħu lil Bugardus qallu: “kemm għandna deheb u fidda!”. U Bugardus b’għerf kbir qallu: “Imma, Santità, tista’ tgħid lil wieħed magħtub: qum u imxi?’ U dan kien is-suċċessur ta’ Pietru li, sedott mhux fl-uffiċċju imma fil-persuna dgħafja ta’ bniedem li kien, mid-deheb u l-fidda nesa l-qawwa vera ta’ Ġesù. Kien il-kanċellier tiegħu li fakkru fil-kliem ta’ Pietru li kien għadda mill-esperjenza tal-ħniena tal-Mulej: “Fidda u deheb m’għandix. Imma dak li għandi”, dak li tani l-Mulej Ġesù, se nagħtik, għax b’xejn ħadna u b’xejn nagħtu. “Fl-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, imxi”.
    Jalla aħna nisimgħu dan il-kliem ta’ Pietru llum fil-jum tal-martirju tiegħu, aħna u nifirħu fil-martirju ta’ Pawlu, nilqgħu l-istedina li nħarsu lejn dawn iż-żewġ kolonni tal-Knisja u nimxu ferħanin “naqbżu bil-ferħ u nfaħħru lill-Mulej” (Atti 3, 8).
     
    ✠ Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta