L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Il-ġrajja ta’ meta Ġesù daħal fit-tempju u beda jkeċċi lin-nies li kienu ġewwa jbigħu l-annimali, u jaqleb l-imwejjed ta’ dawk li kienu qed isarrfu l-flus, kienet ġrajja li baqgħet f’moħħ ħafna nies. Impressjonat lil ħafna nies. Fil-fatt, hi waħda mill-ġrajjiet li nsibuha rrakkuntata fl-Evanġelji kollha.
Meta tara ġrajja bħal din, għall-bidu tgħid: imma Ġesù x’ġaralu? Għax aħna ma nafuhx daqshekk irrabjat! Ġesù, li qal “… jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29), kif f’daqqa waħda hawnhekk qisu jiżbroffa, u jaqleb l-imwejjed u jkeċċi lin-nies? Għaliex?
Dak li għamel Ġesù għamlu bil-mod li għamlu għax ried jagħti messaġġ qawwi lin-nies ta’ żmienu, lid-dixxipli tiegħu, u messaġġ li jgħodd ħafna għalina llum.
Ġenerożità mhux negozju
Ġesù ried jagħti l-messaġġ li t-tempju hu l-post tal-qima lil Alla. Meta daħal, b’dik l-attività kollha għaddejja, it-tempju kien qisu kollox barra l-post ta’ qima lil Alla. Għalhekk Ġesù ried inaddaf it-tempju minn dak kollu li jfixkel din il-qima lil Alla. Imma Ġesù ried fuq kollox ineħħi l-mentalità li kellhom ħafna dak iż-żmien li ma’ Alla tagħmel negozju. Jiġifieri li inti lil Alla tgħidlu: jien se nagħtik din, biex int tagħtini din; jien se nagħmel hekk, biex int tagħmilli hekk. Dat-tip ta’ negozju.
Id-devozzjonijiet jew in-numru ta’ offerti lil Alla m’għandhomx ikunu intenzjonati biex lil Alla qisu nġibuh għan-naħa tagħna.
Fil-fatt, dawk li kienu hemmhekk ibigħu l-annimali u jsarrfu l-flus ma kinux hemmhekk bl-intenzjoni li jipprofanaw it-tempju. Kienu hemm b’servizz lejn dawk in-nies li jiġu t-tempju biex ikollhom x’joffru lil Alla fit-tempju. Naturalment, kien hemm min jabbuża minn dan in-negozju, imma l-intenzjoni ma kinitx li t-tempju jipprofanawh. Kienet mentalità ta’ negozju: lil Alla noffrilu xi ħaġa biex jagħtini xi ħaġa.
Dan hu li ried jeqred Ġesù. Għalhekk jagħmel dan il-ġest profetiku, u iebes li jaħsad lil ħafna imma li għandu valur f’kull żmien. Fi żmienna huwa żgur rilevanti ħafna, meta diversi affarijiet spiċċaw negozju. Nirraġunaw kultant: kemm tagħtina ta’ dan? Kemm inġib flus ta’ dil-ħaġa? X’hemm li nista’ nakkwista?
Mhux dan il-mod kif għandna nittrattaw ma’ Alla. Jekk ikun hekk, inkunu għadna ma fhimniex li Alla huwa mħabba u ġenerożità bla limitu. Innutaw it-tweġiba ta’ Ġesù, lil min staqsih x’sinjal juri għal dak li qed jagħmel: “Ħottu dan it-tempju u fi tlett ijiem jien nerġa’ ntellgħu”. Mill-ewwel moħħhom mar fil-bini, imma ma kienx qed jgħid għat-tempju tal-ġebel, kien qed jgħid għalih innifsu. Ġismu kellu jinqered bil-mewt, imma hu kien se jegħleb il-mewt bil-qawmien tiegħu. Allura qed jgħid li hu t-tempju veru, il-post veru fejn tiltaqa’ ma’ Alla, fejn hemm ġenerożità bla limitu, fejn hemm l-akbar imħabba kif turina l-ġrajja tal-mewt u l-qawmien tiegħu; l-imħabba li tegħleb il-mibegħda, il-ħajja li tegħleb il-mewt.
Alla huwa Alla li jħobb b’ġenerożità. Meta niltaqgħu miegħu, mhux aħna se nagħtuh xi ħaġa imma aħna nilqgħu dak li jagħtina hu l-ewwel. Għalhekk, il-qima tagħna lil Alla hija qabel xejn riposta bi gratitudni għall-imħabba bla qies tiegħu lejna. Mhijiex qima biex aħna niksbu xi ħaġa b’dak li se nagħtuh. Id-devozzjonijiet jew in-numru ta’ offerti lil Alla m’għandhomx ikunu intenzjonati biex lil Alla qisu nġibuh għan-naħa tagħna.
Il-knisja hi l-post fejn niċċelebraw il-ħajja magħquda ma’ Ġesù li rebaħ il-mewt biex tana l-ħajja mill-ġdid, fejn niċċelebraw l-imħabba kbira tiegħu ħalli nistgħu ngħixu dan imbagħad fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Ġesù juri kif għandha tkun il-qima li Alla l-Missier jistenna minna wliedu. Jgħidilna Ġesù: “… dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju”, fejn qisna ninnegozjaw ma’ Alla anke fit-talb tagħna. Nagħmluha post fejn niltaqgħu tassew ma’ Alla li jħobbna, li jridna ngħixu fil-ferħ tiegħu. Dan huwa messaġġ qawwi ħafna għalina l-insara.
Il-fidi ma tingħalaqx fit-tempju
Ġesu jfakkarna wkoll f’xi ħaġa importanti ħafna. Marbuta bis-sħiħ mal-qima fit-tempju hemm il-ħajja li wieħed jgħix barra t-tempju. It-tentazzjoni kemm-il darba tkun li aħna nikkuntentaw b’tip ta’ reliġjon fejn qisna nifirdu l-qima ta’ ġot-tempju – illum il-knisja – mill-ħajja ta’ kuljum. Fejn qisna aktar napprezzaw il-ġebel tal-knisja milli lil Ġesù Kristu li qiegħed fiċ-ċentru ta’ kull knisja; u mbagħad mill-bieb tal-knisja ’l barra hemmhekk naħsbu aħna. Alla ma jidħolx. Din kienet l-idea pagana tal-qima lil Alla, u kien hemm diversi nies li kienu jmorru fit-tempju b’offerta, imma barra t-tempju jgħixu qisu Alla ma jeżistix.
M’għandux ikun hekk għalina. Hawnhekk, il-knisja, hi fil-fatt il-post fejn niċċelebraw il-ħajja magħquda ma’ Ġesù li rebaħ il-mewt biex tana l-ħajja mill-ġdid, fejn niċċelebraw l-imħabba kbira tiegħu ħalli nistgħu ngħixu dan imbagħad fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Nitolbu llum biex dejjem nagħrfu lil Alla bħala dak li hu mħabba bla tmiem, lilu nqimuh bi gratitudni, u jkun hemm dejjem rabta kbira bejn dak li nieħdu sehem fih u niċċelebraw hawn, u dak li ngħixu fil-ħajja ta’ kuljum. B’hekk Alla li niltaqgħu miegħu hawn ikun Alla li nkunu qrib tiegħu kuljum, u l-imħabba kbira tiegħu li niċċelebraw fil-knisja nistgħu ngħixuha mal-oħrajn barra mill-knisja.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju