L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Ma hemm ebda qaddis ieħor ħlief Ġwanni l-Battista li tiegħu aħna niċċelebraw it-twelid. Fil-Knisja, aħna niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù, ta’ Marija Ommu, u ta’ Ġwanni l-Battista. Il-qaddisin normalment aħna niċċelebraw il-jum tal-mewt tagħhom, li tfisser it-twelid għall-ħajja ta’ dejjem. U Ġwanni l-Battista niċċelebraw kemm il-mewt kif ukoll it-twelid. Għaliex? X’għandu speċjali dan?
Dan għaliex Ġwanni l-Battista kien magħżul minn Alla biex ikun dak li jħejji t-triq għall-Mulej. Għalhekk kellu din il-missjoni speċjali, li nafu li qdieha b’tant impenn u dedikazzjoni. Kien hu li wassal lin-nies l-Aħbar li ġej Ġesù, is-Salvatur, l-Iben ta’ Alla, u li ħdejh hu ma kien xejn – kien biss dak li jħejjilu t-triq. Hu għalhekk li aħna niċċelebraw it-twelid tiegħu, għax it-twelid tiegħu jfisser dil-bidla li seħħet li kellha twassal għat-twelid ta’ Ġesù.
Fil-fatt nafu wkoll li Ġwanni l-Battista twieled ukoll b’mod speċjali, għax Eliżabetta ma setax ikollha tfal. Imma t-twelid tiegħu speċjali jagħti dan il-messaġġ qawwi: li dan hu bniedem li għandu ħafna x’jgħid għall-ħajja tagħna. Speċjalment għax Ġwanni ħejja t-triq għall-miġja tal-Mulej kemm bil-kliem tiegħu, kemm bix-xhieda tal-ħajja tiegħu u wkoll bil-mewt tiegħu, għax nafu li Ġwanni l-Battista miet biex jagħti xhieda tat-twemmin tiegħu.
Nixtieq li aħna u niċċelebraw din il-ġrajja tat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista, naraw x’tgħidilna għall-ħajja tagħna. Insemmi tliet punti li jgħoddu għall-ħajja tagħna llum.
Il-ferħ ta’ ħajja ġdida
L-ewwel nett dil-ġrajja turina s-sabiħ ta’ ħajja ġdida, u hawnhekk għandna l-ferħ kbir għal ħajja ġdida li twieldet – Ġwanni l-Battista. L-Evanġelju jgħid li l-ġirien u qrabatha (ta’ Eliżabetta) meta semgħu li kellha tifel, “marru jifirħu magħha” (Lq 1:58). Fil-każ ta’ Ġwanni l-Battista, jolqotna kif il-ferħ hu kemm issa li twieled, imma wkoll qabel, meta kien għadu tarbija fil-ġuf. Fil-fatt meta Marija marret għand Eliżabetta, hekk qalet Eliżabetta: “malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ” (Lq 1:44). Dak kien Ġwanni l-Battista li kien għadu tarbija fil-ġuf. Hemm diġà hemm festa ta’ ferħ meta Ġwanni kien għadu fil-ġuf.
Lilna dan kollu jwasslilna messaġġ important favur il-ħajja. Fis-Salm Responsorjali għedna: “f’ġuf ommi inti nsiġtni” (Salm 139:13), u fl-Ewwel Qari, mill-Ktieb tal-Profeta Isaija, meta jgħid: “il-Mulej mill-ġuf sejjaħli” (Isaija 49:1). Hu importanti li nagħrfu l-valur tal-ħajja umana li tibda proprju mat-tnissil tagħha. Hu sabiħ li hawn min qed jirrealizza issa, iktar u iktar, kemm hu importanti li aħna nħarsu l-ħajja tat-tarbija sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha. Huwa biss meta aħna, mill-bidu nett, inħarsu l-ħajja ta’ min diġà jeżisti li nistgħu verament inkomplu nħarsu u nipproteġu l-ħajja tal-bniedem dejjem.
Tifħir lil Alla
It-tieni ħaġa li tolqotni f’dan ir-rakkont hu dak li jagħmel Żakkarija. Kif nafu, kien sieket, ma setax jitkellem sa tmint ijiem wara li twieled Ġwanni l-Battista. L-Evanġelju jgħid: “infetaħlu fommu, ilsienu nħall u beda jitkellem u jfaħħar lil Alla” (Lq 1:64), u iktar tard hemm l-innu ta’ tifħir lil Alla, magħruf bħala l-Benedictus, li fih jgħid: “Imbierek il-Mulej Alla ta’ Israel” (Lq 1:68). Dan ukoll jgħaqqad ma’ dak li tagħmel Marija, meta tmur għand Eliżabetta u hemm tagħmel l-innu ta’ tifħir: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” (Lq 1:46). Żakkarija hu missier, Marija hija omm – ġenituri li faħħru lill-Mulej. Kemm hu importanti li fuq fommna jkollna dejjem kliem ta’ tifħir lil Alla!
Hu biss meta aħna jkollna f’qalbna u fuq fommna t-tifħir lil Alla, li nistgħu tassew ngħixu fil-paċi aħna, u nsejħu lill-Mulej biex jitfa’ fuqna l-barka tiegħu. Qed ngħid hekk għax aħna ninnutaw kemm fostna l-Maltin – mhumiex biss il-Maltin imma aħna f’Malta qed ngħixu – tisma’ aktar kliem ta’ tmaqdir lil Alla milli kliem ta’ tifħir lil Alla. Kultant anke fost l-istess nies li jkunu qegħdin jippreparw għall-festa tal-Madonna u jidgħu biha jew b’Alla; jew inkella qed jiċċelebraw festa reliġjuża u joffendu lil Alla u lill-Madonna. Jagħmel sens dan? Dażgur li ma jagħmilx sens! Imma dik hi r-realtà tal-ħajja.
Għalhekk dawn in-nies tal-Evanġelju li kienu kontinwament ifaħħru lil Alla, anke meta għaddejjin minn żmien diffiċli, lilna jagħtuna dan il-messaġġ li kliemna għandu jkun dejjem kliem ta’ tifħir u ringrazzjament lil Alla.
L-għażla bejn dak li mdorrijin bih u dak li jrid Alla
It-tielet punt – meta ġew biex jagħtu l-isem lit-tifel. U n-nies stennew li se jsemmuh Żakkarija. Qallu: għax hekk jismu missieru. Imma kemm Eliżabetta kif ukoll Żakkarija qalu b’determinazzjoni: “Ġwanni jkun jismu…Ismu huwa Ġwanni” (Lq 1:60.63). “Ġwanni” jfisser Alla li jħenn. U dak kien l-isem li għażel il-Mulej, u għalhekk il-ġenituri ta’ Ġwanni l-Battista għażlu dak l-isem, għax hekk qal l-anġlu Gabriel.
Għalhekk bejn it-tradizzjoni ta’ dak li soltu kien isir u li kienu jagħmlu n-nies, jiġifieri li jagħżlu isem li jkun l-isem ta’ xi ħadd mill-familja, u dak li jrid Alla, Eliżabetta u Żakkarija għażlu dak li ried Alla. Dan hu messaġġ importanti għalina: li f’ħajjitna dejjem nagħżlu dak li jrid Alla, għax Alla dejjem irid dak li hu ta’ ġid għalina. Bejn l-għażla ta’ dak li soltu nagħmlu jew li soltu jsir u dak li jrid Alla, nagħżlu dak li jrid Alla. Hekk għamlu Eliżabetta u Żakkarija, u dan hu eżempju għalina llum.
Nitolbu llum lill-Mulej, aħna u nirriflettu fuq dil-ġrajja sabiħa tat-twelid ta’ Ġwanni l-Battista. Nitolbuh biex aħna jkollna dejjem f’qalbna lilu, ir-rieda tiegħu, it-tifħir tiegħu, u l-għożża tal-ħajja li hi don tiegħu. L-Evanġelju jgħid fuq Ġwanni l-Battista li “id il-Mulej kienet miegħu” (Lq 1:66). Nitolbuh lill-Mulej biex idu tkun dejjem magħna biex tberikna, biex tħarisna u biex tmexxina fit-triq it-tajba.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta