L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Dawk kollha li kienu jmissuh kienu jfiqu” (Mk 6:56). Hekk naqraw illum fl-Evanġelju skont San Mark, f’din id-deskrizzjoni sabiħa tan-nies li jiġru wara Ġesù biex ifejjaq il-morda tagħhom. Hawnhekk kien għadu kif wasal fl-art ta’ Ġennesaret, u n-nies mal-ewwel indunaw u marru jiġru u jġorru wkoll il-morda fuq l-imtieraħ biex ifejjaqhom. Hawnhekk lil Ġesù narawh qed jaqdi din il-missjoni sabiħa tal-fejqan.
Nixtieq li naraw lil San Mark kif jirnexxielu fi ftit kliem – qisu b’sommarju – jiġbor il-ħafna ħidma u attività ta’ Ġesù. Kultant jagħmilha din San Mark, u hawnhekk jagħmilha biex jiddeskrivi l-ħidma tiegħu ta’ fejqan. Fi ftit kliem il-ħafna attività tiegħu.
X’naraw f’dan kollu? Ħa nsemmi xi affarijiet li naraw f’din is-silta qasira. L-ewwel nett, naraw il-popolarità ta’ Ġesù. Kull fejn kien imur, in-nies jiġru warajh. Hawnhekk kien għadu bil-kemm wasal mix-xatt l-ieħor, qasmu għan-naħa l-oħra, wasal fl-art ta’ Ġenesaret u f’daqqa waħda n-nies, kif għarfuh, bdew jiġru ma’ dawk l-inħawi kollha jġorru l-morda fuq l-imtieraħ. Hawnhekk biex jieħdu l-morda tagħhom ħa jfejjaqhom; f’postijiet oħra, jiġru wara Ġesù biex jarawh, biex jisimgħuh, ġieli wara li jkun temagħhom ukoll. Kien hemm din il-popolarità. Imma Ġesù qatt ma serraħ fuq il-popolarità, u qatt ma għamel li għamel biex ikun popolari. Ġesù kien jaf li kultant in-nies illum iċapċpulek u xi darba aktar ’il quddiem jċapċpuhielek.
Li għamel qatt ma għamlu biex sempliċiment jikkuntenta lin-nies, imma għamlu biex jaqdi l-missjoni tiegħu u jagħmel dan b’fedeltà. Kienet missjoni għall-ġid tan-nies, imma dejjem biex jaqdi din il-missjoni tiegħu b’fedeltà sħiħa.
X’naraw aktar f’din is-silta? Hawnhekk qed niffukaw fuq il-fejqan – Ġesù li jfejjaq. Nafu li mhux hawn biss, lil Ġesù nsibuh diversi drabi jfejjaq. Ifakkarna li Alla għandu għal qalbu l-ġid sħiħ tagħna – tal-ġisem u tar-ruħ. Alla jrid il-ġid tal-bniedem sħiħ. Lil Ġesù narawh ifejjaq lil dawk li kienu morda fiżikament, imma wkoll f’mumenti oħra naraw lil Ġesù jfejjaq lill-bniedem minn ġewwa. Ifejjaq il-qalb, ifejjaq ir-ruħ. Jagħti l-paċi tal-qalb, jeħles il-bniedem mid-dnubiet biex jista’ jgħix fil-paċi. Dak ukoll hu fejqan – fejqan meħtieġ. Imbagħad naraw ukoll kif Ġesù kien ifejjaq lil kulħadd. In-nies kienu jiġu mill-inħawi differenti mill-irħula, bliet u kampanja, jeħdulu l-morda, u hu jfejjaqhom. Ġesù ma kienx jagħmel distinzjoni min ifejjaq u min le – speċi: dan magħna, allura nfejqu, din le għax mhux magħna. Ma kienx jagħmel dik id-distinzjoni. Ġesù kien jilqa’ lil kulħadd biex ifejjaq lil kulħadd, biex iwassal l-imħabba ta’ Alla permezz tal-fejqan.
X’nitgħallmu għall-ħajja tagħna f’dan l-Evanġelju? L-ewwel nett li Ġesù hu dak li jfejjaqna. Aħna wkoll għandna bżonn il-fejqan tiegħu. Ġieli jkollna bżonn dan fiżikament u nitolbu lill-Mulej biex ifejjaqna. Hu jfakkarna li aħna għandna nieħdu ħsieb saħħitna; dik hi r-rieda ta’ Alla, li aħna nieħdu ħsieb saħħitna. Kultant ikollna bżonn ukoll il-fejqan. Mhux dejjem infiqu kemm nixtiequ fiżikament, imma Ġesù jagħtina dejjem il-fejqan minn ġewwa li hu tant importanti – il-paċi fil-qalb tagħna, il-qawwa minn ġewwa biex nistgħu naffrontaw ukoll il-mumenti diffiċli tal-ħajja tagħna. Dak hu fejqan li jagħtina Ġesù wkoll. Għalhekk għandna mmorru għandu u nitolbuh dan il-fejqan tiegħu. Fl-istess waqt, għandna nagħrfu kif inkunu aħna strumenti tal-fejqan tiegħu mal-oħrajn, biex inwasslu l-fejqan tal-Mulej lin-nies. Mhux bilfors għax nistgħu nagħmlu mirakli – hawn min, imma rari li jagħmel ukoll mirakli. Imma nistgħu nagħmlu mirakli oħra– per eżempju kelma ta’ ġid li tbiddel għall-aħjar il-ħajja tal-persuna; messaġġ ta’ tama; ġest ta’ mħabba. Kollha jistgħu jkunu mezz ta’ fejqan. U nkunu strumenti tal-fejqan tal-Mulej.
Nitolbu lill-Mulej illum biex lilna jfejjaqna, speċjalment il-fejqan minn ġewwa li jagħtina ħafna paċi miegħu u mal-bnedmin l-oħra. Nitolbuh biex aħna nkunu strumenti wkoll tal-fejqan tiegħu, ħalli dejjem nagħmlu l-ġid.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta