L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Jien Gabrijel li qiegħed quddiem Alla. Hu bagħatni nkellmek u nwassallek din il-bxara t-tajba” (Lq 1:19). Dan huwa l-mod kif l-anġlu, li ntbagħat lil Żakkarija, jippreżenta lilu nnifsu, u nafu kif f’dan l-istess kapitlu ta’ San Luqa hemm id-dehra tal-anġlu Gabrijel lil Żakkarija kif ukoll lil Marija. Ħa nħarsu ftit lejn din id-dehra llum u l-messaġġ li jrid jagħtina, u norbtu dan mal-laqgħa li kellu Gabrijel ma’ Marija. Hawnhekk intbagħat għand Żakkarija li kien qassis, u li kien imissu jidħol fis-Santwarju, f’dan il-post qaddis u speċjali, biex hemmhekk jaħraq l-inċens. Kien f’dan il-mument ta’ talb, dan il-mument sagru li deherlu l-anġlu Gabrijel. Tah il-messaġġ, l-aħbar hekk sabiħa, li martu Eliżabetta se jkollha tifel, u jsemmih Ġwanni. Issa hawnhekk, meta l-anġlu Gabrijel jiltaqa’ ma’ Żakkarija, jgħidlu “għax it-talba tiegħek instemgħet” (Lq 1:12). Mela qiegħed f’ambjent ta’ talb, ambjent qaddis, Żakkarija u Eliżabetta kellhom din ix-xewqa, u l-anġlu jgħidlu: it-talba tiegħek instemgħet.

Nafu li Żakkarija, kif jgħid l-Evanġelju, kemm hu u kemm martu “kienu nies ġusti quddiem Alla u jimxu bla nuqqas ta’ xejn skont il-preċetti u l-kmandamenti kollha tal-Mulej” (Lq 1:6) – jiġifieri kienu nies tajbin u jagħmlu ħilithom biex jagħmlu dak li jrid Alla. Żakkarija, meta sema’ dan il-messaġġ mill-anġlu, ried prova: “Kif inkun żgur minn dan?” (Lq 1:18). U s-sinjal tahulu dak il-ħin stess l-anġlu meta qallu: għalissa, mela, ma titkellimx, tibqa’ mbikkem, sa dak inhar li jitwieled Ġwanni.

Ħa nħarsu ftit, proprju wara din il-ġrajja, meta l-anġlu Gabrijel jidher lil Marija, u nafu li lilha ma dehrilhiex fit-tempju, imma dehrilha fil-ħajja normali, ordinarja tagħha. Ma dehrilhiex biex jgħidilha “it-talba tiegħek instemgħet”, anzi kienet għal kollox sorpriża għaliha meta jgħidilha: “Inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesu” (Lq 1:31). Ir-risposta ta’ Marija kienet: “kif ikun dan?” (Lq 1:34) Qed tgħidlu: jien kif se nidħol f’din il-biċċa xogħol? Dik kienet mistoqsija li għamlet. Mhux riedet prova – “kif inkun żgur minn dan?” – imma mistoqsija li għamlet biex tara hi kif se tidħol fiha, u nafu li mbagħad qaltlu: “Ara jiena l-qaddejja tal-Mulej: isir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38)

Kemm hu sabiħ meta tara kif Alla jaħdem fiċ-ċirkustanzi kollha. Fil-każ ta’ Żakkarija, meta ried prova, ma qallux: mela daqshekk! Imma ħadem anke permezz tiegħu, u għenu biex jegħleb id-dubji li kellu, proprju permezz tas-sinjali ta’ Alla stess. U fil-każ ta’ Marija, għandna dak l-eżempju sabiħ tagħha li temmen. Fil-fatt, innutaw meta hi marret imbagħad għand Eliżabetta, dik tgħidilha: “Hienja dik li emmnet” (Lq 1:45) – speċi: int aħjar mir-raġel tiegħi, int emmint! Hawn naraw proprju l-qawwa tal-fidi ta’ Marija li wkoll tgħallimna ħafna. 

Marbutin ma’ dawn it-tnejn, hemm ġrajja oħra, fejn ma jissemmiex l-anġlu Gabrijel b’ismu, imma huwa anġlu li deher lil Ġużeppi. Innutaw kif fit-tliet ċirkustanzi, dejjem iwassal dan il-messaġġ minn Alla: tibżax. Lil Żakkarija l-anġlu Gabrijel qallu: “Tibżax” (Lq 1:13); lil Marija “Tibżax” (Lq 1:30) u lil Ġużeppi “xejn la tibża’” (Mt 1:20). U fil-każ ta’ Ġużeppi għandna bniedem li lanqas għandna r-reazzjoni tiegħu, jew kliem li qal. Sema’ l-messaġġ, u għamel dak li qallu l-anġlu. Proprju hemmhekk ma qallux: m’intix se titkellem. Imm ma tkellimx, u għamel dak li qallu l-anġlu. 

Kemm hu sabiħ meta tara kif Alla jaħdem fiċ-ċirkustanzi kollha, u jgħallimna permezz ta’ dawn it-tlieta min-nies, fil-fatt! Żakkarija jgħallimna kif Alla jgħinna negħlbu d-dubji tagħna, u xorta jaħdem fil-ħajja tagħna anke meta aħna kultant qisna rridu prova. Marija tgħallimna kemm hi sabiħa dik il-fidi li tfisser fiduċja sħiħa fil-Kelma ta’ Alla li jmexxina hu. U Ġużeppi, li sema’ wkoll messaġġ mingħand l-anġlu, jgħallimna kemm hu sabiħ meta inti tagħmel dak li għandek tagħmel hekk kif tagħraf li dan huwa dak li jrid Alla. Nitolbu lill-Mulej ikompli jispirana, aħna u nersqu aktar viċin lejn il-ġrajja tal-Milied, permezz ta’ dawn il-persuni li tant jgħallmuna u jgħinuna biex ngħixu tassew dak li jfisser il-Milied fil-ħajja tagħna.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta