Knisja Parrokkjali ta’ San Duminku, il-Belt Valletta
31 ta Mejju 2016
L-ewwel nett irid insellem b’mod partikulari lill-Provinċjal tal-preżenza tiegħek, grazzi ħafna u nirringrazzjak ukoll għażiż Fr Michael, Kappillan, tal-istedina li għamiltli llum intom u tiċċelebraw it-titular ta’ din il-knisja: iż-Żjara ta’ Sidtna Marija lil Eliżabetta.
Din il-festa bdiet tiġi ċċelebrata llum wara deċiżjoni tal-Papa Pawlu VI, li ried jikkonkludi x-xahar sabiħ ta’ Mejju b’din il-festa, li b’xi mod hija wkoll bejn il-festa tal-Lunzjata u l-festa tat-twelid ta’ San Ġwann l-Battista, għaliex dan huwa l-qafas temporali, kronoloġiku li fih jiġri dan l-avveniment, sempliċi ħafna, imma għalina profond, ta’ din iż-żjara ta’ Marija lill-qariba tagħha Eliżabetta.
L-Evanġelju ta’ San Luqa jgħidilna li meta l-Anġlu Gabrijel ħabbar lil Marija u ta din il-proposta, li kienet libera taċċettaha jew le, li ssir Omm Alla, hi qaltlu: “imma kif jista’ kun la jien ma nagħrafx raġel?” (Lq 1, 34). Qalilha: “l-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, id-dell tal-Għoli tgħattik” (v. 35) u biex jagħtieha sinjal tal-qawwa ta’ Alla, qalilha: “ara, l-qariba tiegħek Eliżabetta ġa qiegħda fis-sitt xahar ta’ tqala ta’ dik li kienu jgħidu li ma setax ikollha tfal” (v. 36). Din l-aħbar għall-Madonna ma kinitx biss konferma tal-qawwa ta’ Alla. Il-messaġġier tal-Mulej, mhux ta’ b’xejn kien jismu Gabrijel għax l-isem ifisser il-qawwa ta Alla, Alla qawwi. Din l-aħbar kienet ukoll stedina biex Marija, għalkemm taf li fil-ġuf tagħha tnissel l-Iben t’Alla magħmul bniedem, taf li Eliżabetta għandha bżonn l-għajnuna tagħha.
L-Evanġelju ta’ San Luqa jgħid li dak iż-żmien: “Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet” (v. 39). Din l-urġenza, li hi mhux biss taħseb f’Eliżabetta, imma tkun konkreta dwar il-preokkupazzjoni u s-solidarjetà tagħha u tmur id-dar ta’ din il-qariba tagħha, mhux il-bogħod minn Ġersualemm, Ein Karem, post li għadu sal-lum sabiħ ħafna u Marija qagħdet sakemm Eliżabetta kellha t-tifel tagħha, li kien Ġwanni l-Battista.
Illum qegħdin niċċelebraw din il-laqgħa bejn dawn iż-żewġ nisa tqal. Dawn in-nisa li qed iġorru fil-ġuf tagħhom il-frott li ġej ukoll mill-Mulej, Eliżabetta kienet taf li missier it-tifel tagħha kien Żakkarija, imma laqagħtu lil Ġwanni bħala don tal-Mulej għax hi ma setax ikollha tfal. Il-Madonna taf li t-tarbija li għandha fil-ġuf hija frott tal-Ispirtu s-Santu. Ġużeppi qagħad iħares, għax dak kien ir-rwol tiegħu: u li jkun ukoll dak li jħares lill-Mulej, jiġifieri tħares fiż-żewġ sinifikati, San Ġużepp iħares u jħares.
Imma f’din il-laqgħa hemm ukoll il-laqgħa ta’ fidi kbira. L-ewwel nett il-fidi ta’ Eliżabetta li tgħidilha: “Minn fejn jiġi dan li omm Sidi tiġi għandi? Għax, ara, malli waslet widnejja t-tislima tiegħek, it-tarbija li għandi fil-ġuf qabżet bil-ferħ” (vv. 43-44). Eliżabetta tagħraf il-fidi ta’ Marija, tgħidilha: “ħienja int li emmint il-kelma tal-Mulej”. Hawn naraw li Eliżabetta, hi u tara din it-tfajla rżina ta’ madwar sittax il-sena, tagħraf li hi għandha tarbija fil-ġuf u tagħraf li t-tarbija fil-ġuf li għandha l-Madonna, hija is-Sid, il-Kyrios, il-Mulej, Omm Sidi. Il-Madonna, kif jgħid Santu Wistin, “tnissel lil Ġesù mhux biss bl-ubbidjenza lejn l-istedina ta’ Alla, imma wkoll b’fidi kbira”.
Il-Liturġija tal-lum tiċċelebra l-Madonna bħala l-Arka tal-Patt il-Ġdid, ‘foederis arca’ għaliex hi fil-ġuf tagħha qiegħda ġġor lil Ġesù u qiegħda tivvjaġġa minn Nazaret għal Ein Karem. Kif l-Arka tal-Patt il-Qadim, is-sinjal tal-preżenza tal-Mulej kienet timxi quddiem il-poplu, il-Madonna ssir is-sinjal qawwi tal-preżenza tal-Mulej li ismu mhux biss ‘Yeshua’ Alla jsalva, imma wkoll ‘Għimmanu-El’ Alla magħna, Alla preżenti fostna.
Għalhekk fis-Salm Responsorjali hemm dik l-espressjoni sabiħa: “kbir hu f’nofsok il-qaddis ta’ Israel”. Illum inħarsu lejn il-Madonna u ngħidulha dan il-kliem sabiħ: “kbir hu f’nofsok, fil-ġuf tiegħek, il-qaddis ta’ Israel”.
Illum insellmu lill-Madonna, bħala dik li fil-Magnificat, fil-kantiku, li hi titlob f’Ein Karem, turina li l-Mulej huwa għani fil-ħniena. “Ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli ħienja” (vv. 47-48). Hu ħenn ma’ missierjietna, wera ħniena kbira. F’dan il-Ġublew tal-Ħniena, ejjew nirringrazzjaw lill-Mulej flimkien ma’ Marija tal-ħniena tiegħu.
Jekk tgħiduli: ‘is-sinifikat tal-umbrellun x’ikun?’ Kif tafu, l-oriġini huwa mill-Pantheon. Minħabba li l-koppla tiegħu ma tingħalaqx, fir-ritwal tal-Pietas Romana, is-saċerdoti kienu jużaw l-umbrella taħt il-Pantheon, speċjalment meta tagħmel ix-xita, biex huma jistkennu mix-xita li kienet tinżel u għadha tinżel minn dik il-bokka li hemm, għax il-Pantheon ma kellhomx biex jagħlquh.
Kemm hi ħaġa sabiħa li l-Papa jippermetti li ċerti knejjes fid-dinja jkunu msejħin bażiliċi. Allura juru l-għaqda tagħna bħala Knisja mal-knejjes ta’ Ruma u għandhom ukoll, almenu dan is-sinjal għalija, sinifikat profond li nixtieqkom tiftakruh aħna u nżanżnu l-umbrellun. L-umbrellum jipproteġi, iħares.
Diġa għedna li San Ġużepp iħares imma b’mod li jipproteġi, mhux biss jara, imma aħna rridu nħarsu lejn Alla biex minnu nieħdu l-ħarsien tagħna. L-umbrellun għandu jfakkarna fil-ħarsien tal-Mulej. Aħna nitolbuh biex iħares il-komunità ta’ din il-parroċċa ta’ San Duminku, u nitolbuh biex iħares lil-pajjiżna u lid-dinja. Il-ħarsien tal-Mulej juri l-aqwa tiegħu fil-ħniena li Alla juri magħna.
Hi ħaġa sabiħa li fit-tieni ċentinarju tal-elevazzjoni ta’ din il-knisja bħala bażilika, taħbat ukoll fis-sena Ġubilari tal-Ħniena. Jalla dan is-sinjal estern sabiħ, frott tal-arti u x-xogħol meqjus tal-bnedmin u tal-ġenerożità ta’ din il-parroċċa u tal-Provinċja, ifakkarna wkoll li aħna protetti mill-ħniena ta’ Alla li jagħraf id-dgħufija tagħna imma ma jridx ikissirna jew ifarrakna; irid jerfagħna kontinwament, isibna fejn aħna, jeħdilna jdejna u jmexxina.
Illum irridu nirringrazzjaw lill-Mulej tal-eżempju sabiħ li tagħtina Marija, ta’ solidarjetà li hi tiftakar fil-qariba tagħha u tmur tgħinha. Nirringrazzjawha tal-kliem sabiħ tal-Magnificat li jfakkarna fil-ħniena tal-Mulej, kemm Alla jiddefendi l-fqir, kemm ma jimxix bl-istess mod mas-supperv, imma jgħallmu l-lezzjoni tal-umiltà għaliex dik hija lezzjoni li tirfidna, tagħmilna verament ħbieb ta’ Alla. Jalla li, bl-interċessjoni ta’ San Duminku, aħna nimxu f’din it-triq tal-umiltà li biha niftħu l-qalb u l-ħajja tagħna għall-ħniena tal-Mulej.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta