L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Hemm diversi mumenti ta’ dan id-djalogu bejn Ġesù u Pietru li għadna kemm smajna, li jibqgħu mmarkati f’qalbna. Ġesù jgħid kliem li hu ta’ kuraġġ. Meta jibżgħu mid-dehra tiegħu miexi fuq il-baħar, jgħidilhom: “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn!” (Mt 14:27). Min jaf kemm mumenti fil-ħajja tagħna, ngħaddu minn sitwazzjonijiet ta’ diffikultà kbira u jkollna bżonn nisimgħu din il-Kelma tal-Mulej. ‘Agħmel l-qalb, jiena hu, tibża’ xejn!’

Imma anke l-istedina ta’ Ġesù lil Pietru, biex jagħmel bħalma qed jagħmel hu, meta Pietru qallu: “Mulej, jekk huwa int, ordnali niġi ħdejk fuq l-ilma” (Mt 14:28). Ġesù ma jgħidlux: ‘Isma’, dik jiena biss nista’ nagħmilha ta!’ Ġesù jgħidlu: “Ejja” (Mt 14:29). U Pietru jingħata din il-qawwa li hi ta’ Ġesù, li jaħkem l-ilmijiet; li fil-mentalità Lhudija, hi dak kollu li hu ostili, il-kaos, it-theddid; u jersaq lejn Ġesù. Pietru, l-istess bħalma nagħmlu aħna fid-diffikultajiet, “meta ra li r-riħ kien qawwi, beża’, ħabat jegħreq, u beda jgħajjat” (Mt 14:30) talba, li ta’ min nirrepetuha ħafna drabi: “Salvani, Mulej!” (Mt 14:30)

Ġesù, li jagħmel dak il-ġest li jagħmlilna tant kuraġġ: “medd idu u qabad lil Pietru u jgħidlu: ‘Bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt’” (Mt 14:31) Aħna nemmnu li Ġesù, hu Bin Alla, u nemmnu wkoll li minnu toħroġ qawwa li tfejjaq. Hu jagħmlilna kuraġġ: “Agħmlu l-qalb, tibżgħu xejn!” (Mt 14:27); u aħna ngħidulu; “Salvana, Mulej!” (Mt 14:30) U hu, anke permezz ta’ ħutna, imidd idu, jaqbadna u jsalvana.

Aħna u nfakkru din il-grazzja kbira li qala’ San Franġisk t’Assisi, li fiż-żjajjar fil-parroċċi tagħna jew fil-knejjes Franġiskani, jew inkella fil-Porzjunkola, f’Assisi, aħna jinħafrulna t-tpattija kollha ta’ dnubietna ta’ ħajjitna kollha, jekk inqerru, jekk nitolbu skont l-intenzjoni tal-Papa, il-Missierna u l-Kredu, aħna niċċelebraw dawn il-grazzji kbar, li l-Knisja hi l-qaddejja tal-ħniena ta’ Alla, tqassam lilna bħala għajnuna fil-mixja tagħna.

Niftakru wkoll fil-kliem tal-Profeta Ġeremija: għax jekk il-Mulej ifakkarna fid-dnubiet tagħna, imma wkoll jaf ibiddel xortina: “Hekk jgħid il-Mulej: Araw, se nbiddel ix-xorti ta’ tined Ġakobb, se nħenn għall-għerejjex tiegħu” (Ġer 30:18).

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġer 30:1-2,12-15,18-22
Salm: 101 (102):16-18,19-21,29 u 22-23
L-Evanġelju: Mt 14:22-36