L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Din is-silta sabiħa ħafna mill-ewwel kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Luqa (Lq 1:26-38), tibda bl-anġlu mibgħut minn Alla f’belt tal-Galilija u tikkonkludi propju bl-istess anġlu Gabrijel li jitlaq minn ħdejn din ix-xebba li żar b’risposta li tferraħ lill-ġnus.
Il-proposta ta’ Alla mhix faċli għal din ix-xebba: “Kif ikun dan?” (Lq 1:34). Hi se titqal, se tnissel fil-ġuf mingħajr ma tagħraf raġel. Il-Mulej qed jitlob minnha li tafdah f’din l-avventura li tibda lil hemm min-natura imma li permezz tagħha l-Iben ta’ Alla jidħol fin-natura tal-bnedmin, isir bniedem bħalna.
Il-ħajja ta’ Marija bdiet tkun ikkumplikata iżjed milli qatt setgħet toħlom, mhux il-ħajja tagħha biss imma wkoll il-ħajja tal-għarus tagħha Ġużeppi għax din ix-xebba, jgħidilna l-istess evanġelista San Luqa kienet “mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David” (Lq 1:37). L-isem ta’ din ix-xebba Marija huwa isem għażiż ħafna għall-poplu Lhudi. Oħt Mosè, il-kap il- kbir ta’ Iżrael, kien jisimha Marjam bħalma kien jisimha din ix-xebba. L-isem Marija f’ħafna interpretazzjonijiet ifisser qatra mill-oċean: Stilla Maris, qatra mill-oċean, qatra mill-baħar. Imma f’din il-qatra ċkejkna tal-baħar li huwa l-ħolqien, il-Mulej jidħol f’ġuf safi u jitnissel bniedem.
Din il-festa hija għażiża ħafna għall-Knisja għaliex minn dejjem ixxandar li l-bniedem jibda jgħix mit-tnissil tiegħu. U għalhekk bir-raġun din il-festa tiġi ċċelebrata 9 xhur qabel il-festa tal-Milied; mill-25 ta’ Marzu għall-25 ta’ Diċembru jgħaddu d-disa’ xhur li n-natura titlob biex tarbija mnissla tkun tista’ titwieled. Illum naduraw l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem fil-ġuf safi ta’ Marija Verġni.
Imma l-Kelma ta’ Alla li smajna ma tfissirx u ma xxandarx biss id-disponibbiltà, l-iva, ta’ Marija, imma wkoll id-disponibbiltà, l-iva, tat-Tieni Persuna tas-Santissima Trinità, tal-Iben ta’ Alla li jsir bniedem għalina.
Fis-Salm Responsorjali, propju meħud mis-Salm 39, hemm il-kliem sabiħ: “Hawn jien ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek” (ara S 39:8). U l-Ittra lil-Lhud tqħaqqad dan il-kliem tas-Salm u tkomplih: (“Hawn jien ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek”) “Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx imma ġisem int ħejjejt għalija; vittmi maħqura u vittmi għad-dnubiet lilek ma jogħġbukx imma mbagħad għedt: ‘hawn jien ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek, O Alla’” (Lhud 10:5-7)
Illum nifirħu li Ġesu għalina huwa l-Ammen ta’ Alla. Ħares lejna, rana fil-bżonn u sar bniedem biex jifdina. Kien magħna u jibqa’ magħna. In-natura tagħna l-bnedmin hija ħaġa waħda miegħu. Ejjew nirringrazzjaw lil Alla ta’ dan il-misteru kbir ta’ mħabba. Alla jsalvana mhux mill-bogħod imma jsir illum Alla magħna, wieħed minna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Is 7: 10-14; 8: 10
Salm: 39
Qari II: Lhud 10: 4-10
Evanġelju: Mt 5, 17-19