• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna


  • Il-Knisja Parrokkjali, iż-Żejtun

    10 ta’ Mejju 2019

    “Isma’, mela, din is-supplika, li l-qaddej tiegħek u l-poplu tiegħek Iżrael, sewwasew f’dan il-post, qegħdin jagħmlulek. Ismagħna int, mis-sema fejn int toqgħod; ismagħna u aħfrilna.” (1 Slat 8:30). Salamun ingħata don speċjali ta’ għerf mill-Mulej u din is-silta li għadna kemm smajna li hija silta ta’ solennità kbira, hija t-talba tas-sultan fil-jum tad-dedikazzjoni tat-tempju li kien bena hu. Din it-talba solenni fiha għerf u umiltà li ta’ min wieħed mhux biss jammirahom imma jiflihom bir-reqqa.

    Kif nafu kien David, missier Salamun, li xtaq jibni tempju għal Alla l-ħaj. David irrealizza li kien bena palazz għalih innifsu u qal li l-Arka tal-Patt m’għandhiex post dehen fejn tistrieħ. Il-profeta Natan ried jinkoraġġixxi lis-sultan biex il-ħsieb tiegħu jseħħ u għall-ewwel qallu biex ikomplu bil-ħsieb tiegħu, imma mbagħad Alla nebħu li David kien xerred wisq demm biex ikun jista’ jibni t-tempju ta’ Alla. U Natan ta dan il-messaġġ lil David u qallu ‘ipprepara kollox imma t-tifel tiegħek jibnih it-tempju’ (ara 1 Slat 8:35). U David b’umiltà kbira aċċetta din il-kelma tal-Mulej u kien it-tifel tiegħu Salamun li bnih l-ewwel tempju.   

    Salamun, fl-għerf tiegħu, għalkemm kien pjuttost żagħżugħ, irrealizza li Alla ma jistax joqgħod f’post li nibnu aħna. “Mulej, Alla ta’ Iżrael,” jgħid, “la fis-sema ’l fuq u lanqas hawn isfel fl-art, ma hemm Alla ieħor bħalek, għaliex inti, lil dawk il-qaddejja tiegħek li jimxu fil-preżenza tiegħek b’qalbhom kollha … Imma, tgħid, tassew li Alla se jgħix fuq l-art? Ara! Lanqas biss is-smewwiet – u s-smewwiet tas-smewwiet – ma jesgħuk, aħseb u ara dan id-daqsxejn ta’ tempju li bnejt jien!” (1 Slat 23.27).

    Din hija umiltà imma fl-istess ħin huwa għaqal kbir. Salamun qed jifhem x’mhuwiex Alla  u jifhem ukoll li huwa ħafna ikbar mid-dar li nistgħu nibnulu aħna l-bnedmin. Biss, Alla xorta ħa pjaċir li fostna jkollu t-tinda tiegħu. Xtaq li aħna, li aħna marbutin maż-żmien u mal-ħin, ikollna post fiżiku li jfakkarna f’Alla u fuq kollox ifakkarna li Alla, li huwa ħafna ikbar minna, huwa Alla magħna.   

    Il-kultura Oċċidentali saret issib problema bis-sinjali tal-preżenza ta’ Alla fostna, donnu mhumiex ittollerati. Imma l-anniversarju li intom bħala parroċċa qegħdin tiċċelebraw, huwa statement importanti. Intom tifhmu li Alla mhuwiex ċirkostrett, ma tistax iżżommu f’din il-knisja sabiħa li bnew missirijietkom u li intom tkomplu tieħdu ħsieb. Alla huwa ħafna ikbar mill-knejjes li nibnu. Imma dan il-bini li ġie kkonsagrat mill-predeċċessur tiegħi l-Isqof Paul Alphéran de Bussan fl-1744, missirijietkom iddeċidew jgħidu: ‘Dan mhux tagħna iżjed, dan ta’ Alla’. Il-konsagrazzjoni dak li tfisser: li inti tieħu xi ħaġa u tgħid li din ta’ Alla u għal Alla.

    Alla jieħu pjaċir jilqa’ dan ir-rigal li huwa rigal ta’ mħabba, ta’ fidi u anke ta’ tama. Għaliex ngħid ta’ tama? Ħa nibda minn din l-aħħar virtù għaliex missirijietkom ittamaw meta bnew din il-knisja straordinarjament sabiħa li kellha futur; ma bnewhiex għal erbat ijiem. Aħna, 300 sena wara, għadna ngawdu l-opra ta’ missirijietna u dak li għamlu b’ħafna taħbit. Din il-knisja kienet statement li jesprimi l-fidi u l-imħabba tagħhom lejn Alla, imma wkoll jesprimi tama li l-preżenza tal-fidi tibqa’ sħiha u li l-komunità Nisranija tibqa’ preżenza importanti.

    … il-pedament tagħna huwa Kristu.

    Il-mistoqsija li għandna nagħmlu llum hija din: aħna għandna l-istess tama? Aħna għandna l-istess fidi u mħabba li dan il-bini jesprimi u ilu jesprimi għal tant sekli? Missierna San Pawl jagħtina sinifikat iżjed profond meta bħala komunità jxebbahna ma’ bini. “Intom il-bini ta’ Alla” (1 Kor 3:9). Mela dan il-bini u l-konsagrazzjoni tiegħu huwa wkoll xbieha tagħna u tal-konsagrazzjoni tagħna. Jekk aħna l-bini ta’ Alla u jinsisti li l-pedament huwa Kristu, mela aħna, bħala komunità, il-pedament tagħna huwa Kristu. Jgħid li m’hemmx pedament ieħor.

    Jammetti wkoll li kultant il-kontribut tagħna ma jkunx kollu deheb, fidda jew ħaġar prezzjuż imma kultant issib ukoll xi ħuxliefa jew xi naqra tiben (ara 1 Kor 3:12). X’jagħmel kontribut ta’ xi ħadd tad-deheb u tal-ieħor tal-ħuxlief? Mhijiex kwistjoni ta’ flus imma kwistjoni ta’ mħabba! Jiena nista’ nħaffer l-għatba tal-knisja imma m’għandix imħabba, ġibt biss ħuxlief. Imma jista’ jkun dik l-armla fqira li, bħali tħaffer l-għatba tal-knisja imma tat ħajjitha għal żewġha u għal uliedha, ġiet hawnhekk tibki fil-mumenti ta’ niket u tifraħ fil-mumenti ta ferħ veru. Dik ġabet id-deheb.    

    San Pawl jgħidilna li “ix-xogħol ta’ kulħadd għad jidher; il-Jum għad jurih u n-nar għad jikxfu u jipprova x’jiswa x-xogħol ta’ kull wieħed (1 Kor 3:13). Aħna li nammiraw is-sbuħija ta’ dan it-tempju, irridu nifhmu li dak li għamel Lorenzo Gafà jesprimi d-devozzjoni ta’ missirijietna u l-bravura tal-arkittet, imma wkoll huwa xbieha tal-impenn tagħna. Mela l-mistoqsijiet li nagħmlu llum f’dan l-anniversarju jridu jkunu konkreti, l-aħwa. X’tama għandna aħna li llum qed inħarsu lura għal 275 sena ta’ ritwal ta’ fidi? X’inhu l-futur ta’ dan it-tempju? Se jsir mużew tal-antikitajiet? Ħa ngħidha kif inħossha, l-aħwa. Qalbi tingħasar meta fuq il-media nara filmati ta’ knejjes Kattoliċi fl-Ewropa tagħna jiġġarfu! Mhux qed nitkellmu fuq postijiet koroh imma fuq tempji sbieħ li jiġu profanati u meqruda biex isiru supermarkets.

    Meta kont Ruma, kont nidħol f’kull knisja li nara u sħabi kienu jinkuni u darba minnhom qalu li mhux se jibqgħu jiġu miegħi jaraw il-knejjes. Allura ddeċidejt li nibdew niltaqgħu għandi ħalli ma naqtgħux il-kuntatt. Imma darba minnhom dħajt ġo knisja u fin-niċeċ kien hemm manikkini lebsin ħwejjeġ tal-moda. Huwa minnu li f’Ruma ma jonqsux il-knejjes, bħal Malta, imma ma taħsbux li dak kien statement?

    Qed nara li magħna llum hawn il-President tar-Repubblika. Eċċellenza, inti fiż-Żejtun ma ġibtx ħuxlief għax qalbek tad-deheb. Qed nara wkoll il-Ministri tal-Gvern l-Onor. Carmelo Abela u l-Onor. Owen Bonnici u nixtieq nirringrazzjahom pubblikament ta’ kemm l-awtoritajiet japprezzaw il-patrimonju tagħna, anke dak reliġjuż u jagħmlu ħilithom – naf x’qed ngħid – biex jiġi ppreservat u kkonservat. Din il-konsapevolezza li l-knejjes tagħna mhumiex biss statement reliġjuż imma ta’ umanità. Għax huma statement mhux biss kulturali imma anke spiritwali tagħmlilna unur u jiena għandi d-dover nirrikonoxxiha u nesprimi l-apprezzament tiegħi.

    Imma l-aħwa, nagħmlu tajjeb li l-ġebel li għandu bżonn ir-restawr, nirrestawrawh; fejn hemm l-irħam qed jitmermer, nirranġawh; u tajjeb li nirrestawraw pittura, imma l-impenn tagħna fejn qiegħed? Dawn l-affarijiet iridu jibqgħu espressjoni ħajja tal-fidi tagħna għaliex inkella jsiru biss pezzi da museo, xi ħaġa tal-antik mingħajr ebda messaġġ attwali għal-lum. Aħna ma ġejniex niċċelebraw anniversajru storiku imma ġejna wkoll inħarsu b’fiduċja lejn il-futur.

    Il-Mulej, meta Pietru jesprimi l-fidi tal-Knisja: “Inti l-Messija, l-Iben ta’ Alla l-ħaj” jgħidlu: “Fuq din il-ġebla jiena nibni l-Knisja tiegħi” (Mt 16, 16.18). Il-Mulej qed juża wkoll ix-xbieha tal-binja u jrid jibni Knisja. Aħna rridu nimbnew biex inkunu tassew tal-Mulej, ġejna kkonsagrati lil Alla fil-Magħmudija meta konna tarbija imma rrridu ninbnew fil-Mulej. Għalhekk nitolbu wkoll li nimmaturaw fl-impenn tagħna bħala Nsara. Ma nistgħux nimmaturaw jekk ma jkollniex xi kriżi ’l hawn u ’l hemm. Kultant iż-żgħażagħ iweġġgħuna jew jaħsduna għax ikunu għaddejjin minn xi mument ta’ kriżi fil-fidi. M’għandniex nimtlew bil-paniku għax aħna lkoll għadejjna minnhom dawk il-jiem fejn il-fidi tiegħek ma tibqax biss xi ħaġa li writt imma trid issir xi ħaġa li ħaddant għax ridt.

    Kull tarbija ġdida li titwieled hija statement ta’ Alla: jiena nħobbkom … 

    Nitolbu biss li meta ż-żgħażagħ tagħna jgħaddu minn din il-kriżi ma jibqgħux iħarsu lejn il-Knisja bħala l-post tal-miġemgħa. Aħna nitolbu li dik il-kriżi l-ewwel nett ma jgħixuhiex weħidhom imma wkoll li timmaturahom fil-fidi, sfida kbira mhux żgħira.

    Ħafna drabi, u nieqaf b’dan il-ħsieb, ħafna żgħażagħ jiskopru l-fidi meta jsiru ġenituri, lanqas ngħidilkom għat-tieġ; imma l-maturità u l-maturazzjoni fil-fidi, iż-żgħażagħ tagħna jiksbuha meta jiltaqgħu mal-miraklu ta’ ħajja ġdida, ma’ dan il-misteru kbir ta’ Alla li ma’ kull ħolqien ġdid jagħmel statement ta’ tama lill-umanità. Kull tarbija ġdida li titwieled hija statement ta’ Alla: jiena nħobbkom, jiena nittama fikom, jiena rrid nibqa’ magħkom. Kemm tkun ħaġa sabiħa li meta nħarsu lejn il-Knisja nirrealizzaw li Alla, li ma jesgħu mkien, aħna tajnieh post, u hu laqgħu u jibqa’ sinjal li huwa magħna. Nitolbu ħafna għal kull min matul dawn is-snin, kważi tliet sekli, ħadem għal din il-binja imma fuq kollox ħadem biex tinbena, timmatura u tikber il-binja tal-komunità li aħna.

     Charles J. Scicluna
         Arċisqof ta’ Malta

     

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: 1 Slat  8, 22-24, 27-30
    Salm: Salm 83 2, 3, 4-5, 10-11
    Qari II: 1 Kor 3, 10-17
    Evanġelju: Mt 16, 13-19