L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ġesù jpoġġi quddiemna għażla importanti ħafna, li fuqha se jkun deċiż id-destin tagħna; għażla li taf tkun iebsa, imma wkoll ċara ħafna. Kultant ninkwetaw fuq ħafna affarijiet, li l-Mulej f’dan l-Evanġelju li smajna ma jsemmihomx. Ma jistaqsinix kemm xegħelna xemgħa jew kemm dendilna damask. Ħa nkun ċar – lanqas kemm għamilna pavaljuni. Se jistaqsina kif trattajna lil xulxin. Nistgħu nagħmlulu l-isbaħ affarijiet ta’ deheb u fidda imma jekk ix-xbieha ħajja tiegħu, li huma ħutna, nistmahom ħażin, qed jgħidilna ċar: “dak li għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40), fit-tajjeb u fil-ħażin.

Aħna llum qegħdin hawnhekk, biex niċċelebraw għażla ċara tal-komunità tagħna. Nirringrazzja lill-Fondazzjoni Nazareth, li qed tibda dan l-att ta’ inawgurazzjoni ta’ żvilupp ieħor tal-missjoni tagħha, hawnhekk fil-Knisja għażiża u Arċipretali taż-Żejtun.

Hu statement, li dak kollu li qed isir ħiereġ ukoll minn konvinzjoni li l-bażi tagħha hu l-kliem ta’ Ġesù: il-fidi konkreta li ssir tama u mħabba. Il-Mulej se jiġġuddikana fuq l-imħabba fl-aħħar. Se jiġġudikana kif trattajna lill-fqir, lil min hu bil-għatx, lil min hu bil-ġuħ, lil min għandu bżonn tal-kura speċjali tagħna.

Aħna fis-salm għedna: “il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi” (Salm 23:1). Imma kif se jkun ir-ragħaj tiegħi l-Mulej? Jekk mhux permezz tal-għajnuna li nirċievi minn ħuti. Hi xi ħaġa li jgħallem il-Papa Franġisku kontinwament: Alla jgħinna permezz ta’ ħutna. Biex nilqgħu l-għajnuna ta’ xulxin hemm bżonn il-ġenerożità ta’ min joffri l-għajnuna, u l-umiltà ta’ min jilqagħha. Jalla f’din il-laqgħa bejn il-ġenerożità u l-umiltà, li aħna ninżgħu mis-suppervji kollha tagħna; aħna nirrealizzaw li l-Mulej tassew qed jieħu ħsiebna permezz ta’ xulxin.

Jiena nitlob il-barka tal-Mulej, fuq dak kollu li inti bdejt, għażiż Dun Anġ, mhux waħdek, imma billi kellek il-moħħ u l-qalb t’entużjażma ħafna nies, ibda mill-familja tiegħek. Imma din ir-realtà llum kibret u inti qed tara wkoll il-grazzja li tkompli lil hemm mill-ħajja naturali tiegħek. Għax dan hu l-patrimonju li inti qed tħalli lill-art ta’ Santa Katerina, li dejjem kienet imbierka b’ragħajja qalbenin u ġenerużi.

U nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ eżempji sbieħ li qagħad jibgħat fostna u nħossu li aħna bħala soċjetà, inserrħulek rasek, li dak li bdejt, Alla li beda tajba l-opra fik, u permezz tiegħek, iwassalha sat-tmiem.   

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ġer 14:17-22
Salm: 78 (79):8,9,11 u 13
L-Evanġelju: Mt 13:36-43

Aktar ritratti