Ġesù fil-ħajja tiegħu, diversi drabi, kellu nies li jippruvaw jonsbuh. Jistaqsuh mistoqsija mhux għax veru jixtiequ risposta għaliha imma biex iġibuh dahru mal-ħajt. Il-każ tal-lum huwa wieħed minn dawn, imma hu agħar għax ma kinetx biss mistoqsija biex jaraw kif se jwieġeb imma ġabulu quddiemu persuna li nqabdet fil-fatt fl-adulterju u qed isaqsuh iħaġġruhiex jew le, kif kellhom jagħmlu skont il-liġi ta’ Mosè. Nafu li Ġesù, wara mument fis-skiet, qalilhom: “Min m’għandux dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla”. U bil-mod il-mod kollha telqu.

Din l-istorja turina l-imħabba kbira ta’ Alla, il-ħniena u l-maħfra tiegħu għalina. U Ġesù, fil-laqgħa tiegħu ma’ din il-mara, dan hu li jwasslilha: l-imħabba, il-maħfra u l-ħniena ta’ Alla. Jgħidilha: “Anqas jien ma nikkundannak. Mur u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed.”

Ġesù, kif dejjem jagħmel, jgħaqqad flimkien l-imħabba sħiħa ta’ Alla flimkien mal-verità.

Ninnutaw kif lil din il-mara Ġesù taha l-ħelsien. Ħelisha minn dawk li kienu qed ifittxu li jħaġġruha, imma ħelisha wkoll mid-dnub tagħha. Taha l-ħelsien u raddilha lura d-dinjità biex tista’ tgħix tassew ta’ nies. Ma tkunx oġġett ta’ xi ħadd jew ta’ xi wħud, imma tista’ tgħix tassew b’dinjità.

Ġesù, kif dejjem jagħmel, jgħaqqad flimkien l-imħabba sħiħa ta’ Alla flimkien mal-verità. Għalhekk, Ġesù jgħidilha: jien ma nikkundannakx, mur u tidnibx iżjed. Ma jgħidilhiex: kompli għix l-istil ta’ ħajja li għażilt. Imma jgħidilha: mur, u mil-lum ’il quddiem tidnibx iżjed. Ġesù ħabbha billi ħafrilha, u ħabbha billi qalilha l-verità.

Għalhekk messaġġ importanti għal ħajja tagħna hu li Alla lilna dejjem jaħfrilna, dejjem kollu ħniena magħna, lest li jagħtina tassew l-imħabba tiegħu, u jgħinna ngħixu b’dinjità. Jgħinna nqumu mill-iżball tagħna, mid-dnubiet tagħna, biex ngħixu tassew b’dinjità. Meta aħna jkollna din l-esperjenza tal-maħfra ta’ Alla, aħna wkoll għandna nfittxu li nixbhu lilu. Meta nħarsu lejn l-oħrajn, ma nħarsux lejhom b’ġudizzju jew kundanna. Ma nfittxux li numiljaw lill-oħrajn. Imma nfittxu li bħalma jagħmel hu magħna, nagħmlu aħna wkoll magħhom.

Hi sabiħa ħafna dik is-silta mill-kitba ta’ Papa Franġisku, li naħseb tiġbor fiha din il-ġrajja: “Il-Knisja trid tkun il-post tal-ħniena mogħtija b’xejn fejn kulħadd jista’ jħossu milqugħ, maħbub, maħfur u mħeġġeġ jgħix skont il-ħajja tajba tal-Evanġelju” (Il-Ferħ tal-Evanġelju, nru 114).

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju