“Tobgħod” hi kelma kerha ħafna. Hi kerha fuq fomm kulħadd, imma aktar u aktar tinstema’ kerha fuq fomm Ġesù. Meta naqraw dan il-kliem tiegħu llum fl-Evanġelju (Lq 4:26), niskantaw u ngħidu: qed nisma’ sew? Dan kif Ġesù qed jgħid li trid tobgħod lin-nies tal-familja tiegħek?

Kontradizzjoni?

Dal-kliem jinħass aktar u aktar stramb meta niftakru li Ġesù kien tant jenfasizza l-imħabba. Hi l-karatteristika l-aktar importanti tad-dixxipli tiegħu, tal-komunità li hi l-Knisja. Ġesù kien qalilhom lin-nies li l-akbar kmandament hu li tħobb lil Alla, tħobbu bis-sħiħ, u li tħobb lil għajrek bħalek innifsek (Mk 12:29-31). U lid-dixxipli kien qalilhom: “Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien” (Ġw 13:34). U qalilhom: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi: jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13:35). San Pawl ifissirha b’mod sabiħ fl-Ittra lill-Efesin meta jgħid li Kristu “ġarraf il-ħajt li kien jifridna – il-mibegħda ta’ bejnietna” (Ef 2:14). U nafu li Ġesù qalilna mhux biss li nħobbu lil dawk ta’ madwarna, imma nħobbu wkoll lill-għedewwa tagħna: “Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom” (Lq 6:27-28). Għalhekk kif tista’ tgħaqqad dal-kliem li Ġesù qalu kontinwament ma’ dan li jgħid illum fl-Evanġelju?

Hemm darba oħra meta Ġesù jgħid xi ħaġa simili ħafna għall-Evanġelju tal-lum u li wkoll tinstema’ stramba ħafna – meta jgħid li hu ġie mhux biex iġib il-paċi imma l-firda (Lq 12:51). Nafu li l-firda u l-mibegħda jmorru flimkien.

Għaliex Ġesù jitkellem b’dal-mod? Nistgħu nifhmu għaliex Ġesù jitkellem b’dal-mod meta aħna mmorru lura għal żmien Ġesù u naraw in-nies x’fehmu. Hemm xi ħadd li sema’ dal-kliem tal-lum u fehem li int għandu jkollok f’qalbek il-mibegħda lejn tal-familja? Ħadd ma fehem hekk; naraw kemm hu veru dan fl-ewwel Insara. Hemm xi ħadd fehem li Ġesù qed jgħid li għandna nġibu l-firda? Ħadd ma fehem hekk. Imma Ġesù juża kliem iebes li jaħsad biex iwassal messaġġ ċar bi kliem li forsi llum, tant żmien wara, narawh forsi jistona, imma li n-nies fi żmienu fehmuh.

Għażla

U x’fehmu n-nies b’dan li qed jgħid Ġesù? L-ewwel ħaġa li fehmu u li hi l-aktar importanti hi din: li jekk irridu nkunu dixxipli tiegħu, aħna għandna nagħżlu lilu fuq kollox u qabel kollox, hu għandu jiġi l-ewwel. U din tfisser kultant li jkollna nbatu minħabba f’hekk. L-ewwel Insara kellhom din l-esperjenza. Kien hemm xi wħud minnhom li fil-familja tagħhom, kienu huma waħedhom li għażlu li jkunu Nsara, li jimxu wara Ġesù, u minħabba f’hekk il-bqija tal-familja warrbuhom u spiċċaw waħedhom. Imma huma għażlu li Ġesù jkun l-ewwel u qabel kollox.

U din hi li Ġesù qed jitlob minna anke llum b’din il-kelma tiegħu. Qed jitlob minna li aħna nagħżlu lilu, u li ma nibqgħux għalhekk inħarsu lejn l-oħrajn, x’qed jagħmel ħaddieħor, u nqabblu fejn jaqblilna – daqqa ma’ Ġesù u daqqa ma’ dak li jgħidu l-oħrajn. Hu jrid li aħna jkollna din l-għażla ċara li nimxu warajh u li nkunu tassew dixxipli tiegħu, u hu jiġi l-ewwel u qabel kollox.

Nafu għal xiex deħlin

Nafu li din imbagħad ikollha effett fuq il-ħajja tagħna. Hawnhekk Ġesù jispjegaha b’mod sabiħ b’dawk iż-żewġ tixbihat fejn jgħid li hu importanti li aħna nkunu nafu għal xiex deħlin. Isemmi dak li jkun se jibni torri u jgħid li hu importanti li jara li jista’ jwassal sat-tmiem il-bini li qed jagħmel; jew min sejjer għall-gwerra, jaħseb u jippjana minn qabel. Ġesù qed jgħid: aħna għandna nagħrfu tassew il-ħajja Nisranija xi tfisser għalina. Għax Ġesù qatt ma ħeba d-diffikultajiet, is-sagrifiċċji li jkollna nagħmlu biex nimxu warajh. Hi ħajja sabiħa, hi ħajja li ġġibilna ħafna ferħ u paċi, imma wkoll li tfisser kultant li rridu nibdlu l-istil tal-ħajja tagħna.

Rajnieha din fit-tieni qari, fl-ittra ta’ San Pawl lil Filemon, meta jħeġġu biex lil Onesimu, li kien ilsir u ħarablu mid-dar, jilqgħu lura. Jgħidlu: ilqgħu mhux bħala lsir imma bħala “ħuk għażiż” (Filemon 1:16). Qed jgħidlu: ibdel issa l-mod kif tħares lejh, jekk inti trid tgħix tassew l-għażla li timxi wara Ġesù, ilqa’ lill-ieħor mhux bħala lsir imma bħala ħuk l-għażiż.

Il-ħajja Nisranija tfisser ħafna drabi li aħna nagħmlu dawn l-għażliet: li, pereżempju, naħfer u ma nżommx f’qalbi kontra ħaddieħor, naħfer id-deni li nirċievi; li noqgħod attent fi kliemi u ma nħallix lil ilsieni jiġri bija, imma l-kliem tiegħi jkun jirrispetta lill-oħrajn u d-dinjità tagħhom u mhux jinsultahom; li ngħin lil min qed ibati. Dawn huma għażliet li joħorġu proprju mill-għażla prinċipali li Ġesù jkun l-ewwel u qabel kollox.

Neħtieġu l-għerf ta’ Alla

Għandna bżonn ħafna l-għajnuna ta’ Alla għal dan; għandna bżonn ħafna l-għerf li ġej minn Alla. Fl-ewwel qari, mill-Ktieb tal-Għerf, hemm is-silta sabiħa li turina li ma nistgħux nagħrfu dak li jrid Alla jekk hu ma jagħtiniex l-għerf tiegħu: “Min qatt għaraf ir-rieda tiegħek, jekk inti nnifsek ma tajtux il-għerf u ma bgħattx fuqu mill-għoli l-Ispirtu qaddis tiegħek?” (Għerf 9:17) Għandna bżonn l-għerf biex nagħrfu nagħżlu tassew dak li hu tajjeb, dak li hu ta’ ġid, dak li jgħinna biex ngħixu tassew bħala dixxipli ta’ Ġesù.

Għalhekk din hi t-talba li nixtieq li nagħmlu llum f’din iċ-ċelebrazzjoni: nitolbu lill-Mulej biex jagħtina l-grazzja li hu jkun dejjem f’ħajjitna l-ewwel u qabel kollox; li jagħtina l-għerf biex nagħrfu nagħżlu dak li hu jrid minna, nagħrfu dak li hu tajjeb u ta’ ġid, ħalli f’ħajjitna ngħixu tassew bl-imħabba, bil-paċi u bil-ferħ li hu jġib f’qalbna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju