L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel” (Lq 4:29). Hekk naqraw illum fl-Evanġelju skont San Luqa fuq dawn in-nies li kienu semgħu lil Ġesù fis-sinagoga, imbagħad qabdu u ħarġuh minn hemm, ħaduh fuq xifer ta’ rdum biex jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. Kien attentat ta’ qtil. Riedu jeliminawh lil Ġesù, imma kif smajna fl-Evanġelju, jidher li Ġesu ħarbilhom.

X’kienet din ir-reazzjoni ħarxa għall-kliem ta’ Ġesù? Tidher verament stramba meta niftakru li ftit qabel din is-silta, l-Evanġelju jgħid li n-nies, meta semgħuh, “laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu” (Lq 4:22). Imma mbagħad, f’daqqa waħda, meta Ġesù jkompli jispjega, dawn jeħduha bi kbira, jagħmlu din ir-reazzjoni, u lil Ġesù mhux biss ħarġuh ’il barra mis-sinagoga, jew inkella qagħdu jmeruh jew f’polemika miegħu, imma riedu jeliminawh. Għaliex? X’għamel Ġesù? B’li qal insulentahom, jew weġġagħhom? Jew qalilhom xi ħaġa li ħaduha bħala insult personali?

Xejn minn dan! Ġesù, li għamel hawn, hu li spjega kif Alla hu Alla ta’ kulħadd, u Alla għal kulħadd. Mhuwiex ta’ razza waħda, ta’ poplu wieħed, imma Alla li jrid jilħaq lil kulħadd u jagħmel il-ġid lil kulħadd. Għalhekk isemmi, fil-fatt, dawk iż-żewġ ġrajjiet li huma kienu jafu: ta’ dik l-armla minn Sarefta ta’ Sidon, li għandha ntbagħat Elija, profeta f’Israel, imma hi ma kinetx parti mill-poplu ta’ Israel; u Nagħman tas-Sirja, li l-istorja tiegħu smajnieha fl-Ewwel Qari, li ma kienx ukoll wieħed mill-poplu Lhudi, imma li fieq bis-saħħa tal-Profeta Eliżew. Qed jgħid: Alla jagħmel il-ġid ma’ kulħadd, mhux ma’ poplu wieħed biss. U din ħaduha bi kbira wisq!

X’messaġġ qed jagħti lilna l-Mulej illum bil-Kelma tiegħu? L-ewwel nett, importanti li aħna niftakru li Alla li nemmnu fih hu Alla għal kulħadd, ta’ kulħadd u jagħmel il-ġid lil kulħadd. Mhuwiex ta’ poplu wieħed, mhux ta’ razza waħda. Din lilna tgħinna wkoll għall-viżjoni li jkollna ta’ Alla u ta’ dak kollu marbut mal-fidi tagħna. Hu messaġġ importanti għalina kif aħna nagħtu qima lill-Madonna u lill-qaddisin, li għexu r-rieda ta’ Alla u li kienu f’ħajjithom jirriflettu din l-imħabba ta’ Alla miftuħa għal kulħadd. Għalhekk hu importanti li fil-qima li nagħtu lill-Madonna u lill-qaddisin, dejjem tkun f’moħħna u f’qalbna li din hi qima miftuħa għal kulħadd. Jekk nirraġunaw li l-Madonna li aħna nqimu hija “tagħna”, tas-sezzjoni tagħna, tal-partit tagħna, u b’xi mod noħolqu konflitt ma’ xi qaddis jew qaddisa; jew il-kontra, jien inqim din il-qaddisa u niġi f’konflitt ma’ dawk li għandhom devozzjoni lejn il-Madonna – hemmhekk lanqas inkunu fhimna l-iktar ħaġa importanti li jgħallmuna l-Madonna u l-qaddisin u li jgħidilna Ġesù: li l-qima lejn Alla tifħilna qalbna għal kulħadd biex nagħmlu l-ġid ma’ kulħadd, u għalhekk hi qima li dejjem tinkludi lil kulħadd, qatt ma toħloq diviżjoni, konflitt jew b’xi mod ġlied ma’ xi ħadd.

Imbagħad nixtieqkom tinnutaw x’għamel Ġesù. Hawnhekk ħarbilhom, u hawn kien għadu fil-bidu tal-ministeru tiegħu. X’għamel Ġesù wara din il-ġrajja? Daħal f’qoxortu? Mar jinħeba? Qal: mela aħjar ma noqgħodx ngħid ħafna xorti għax se tiswieli qares? Ma għamilx hekk! Ġesù baqa’ jgħallem, baqa’ jwassal l-Aħbar it-Tajba. Li għamel eżatt wara din is-silta hu li mar f’ Kafarnahum tal-Galilija, u hemm beda jgħallem, u hemm għamel ħafna ġid. Għax il-Kelma ta’ Alla mhix marbuta. Ġesù ma jgħidx: ladarba dawn għamlu din ir-reazzjoni vjolenti, jiena niskot, nagħlaq ħalqi. Imma jkompli jwassal l-Aħbar it-Tajba, u jagħmel dan bla biża’, bil-kuraġġ kollu. U jagħmel dan ma’ nies oħra – dawn ma jilqgħuhx, imur f’post ieħor. Dan għamluh ukoll l-appostli stess. Meta rċevew l-Ispirtu s-Santu, bdew iħabbru l-Evanġelju, u fejn ma laqgħuhomx, u kellhom reazzjoni simili għal dik li smajna fl-Evanġelju, marru post ieħor u hekk xterdet il-Kelma ta’ Alla. Din hi importanti għalina, għall-ħajja tagħna. Aħna l-fidi tagħna nistqarruha bla biża’. Ma għandux ikollna xi sens ta’ inferjorità. Jekk xi ħadd ma jaqbilx, jew ikun kontra, mhix problema tagħna. Inkomplu. Qatt f’qalbna mibegħda, jew b’sens ta’ konflitt ma’ xi ħadd, imma nkomplu nwasslu b’din l-attitudni ta’

Ġesù, jiġifieri b’ħafna mħabba, l-Evanġelju li nemmnu fih. U nagħmlu dan bil-ferħ, bil-kuraġġ, u bla biża’, għax il-Kelma ta’ Alla lilna timlielna qalbna u nixtiequ naqsmuha mal-oħrajn.

Nitolbu llum lill-Mulej li aħna jkollna tassew din il-viżjoni ta’ Alla li hu ried iwasslilna: Alla li hu Alla ta’ mħabba lejn kulħadd u ma jeskludi lil ħadd. U nitolbuh ukoll biex aħna nkunu tassew xhieda tiegħu, bil-kelma u bl-eżempju, u nagħtu dejjem din ix-xhieda bla biża’ u bil-kuraġġ kollu.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta