L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Il-Mulej għamel miegħi ħwejjeġ kbar.” Hekk għedna fis-salm responsorjali. Hi espressjoni sabiħa li sidtna Marija tgħid hi stess fl-Evanġelju skont San Luqa. U dan is-santwarju għażiż tal-Madonna ta’ Pinu, aħna u niċċelebraw proprju dak li għamel magħha l-Mulej, infakkru t-tlugħ tagħha fis-sema. Ix-xewqa tagħha li ngħidu tliet Ave Marijiet f’ġieħ il-tlett ijiem li għamlet fil-qabar qabel l-assunzjoni tagħha.

Imma rridu nagħrfu li fl-espressjoni tagħha hemm ukoll il-karattru ta’ Marija. L-ewwel nett lil Alla tagħrfu bħala s-setgħani. Dak li jista’ kollox. U b’dan it-titlu għażiż qed tagħraf li lil Alla ta’ min tħobbu imma tagħraf ukoll li kull setgħa ġejja minnu. “Is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar” (Lq 1:49). U f’din l-espressjoni, li hemm il-karattru tagħha għax hemm l-umiltà tagħha li tagħraf li Alla hu Alla u allura qaddis hu l-isem tiegħu. Ma tiftaħarx Marija imma tirrikonoxxi li l-Mulej xeħet għajnejh fuq ċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. U jekk kull nisel isejħilha hienja, dan għax is-setgħani għamel magħha ħwejjeġ kbar.

Għamel ħwejjeġ kbar magħha fit-tnissil bla tebgħa tagħha meta għażel li jħarisha minn kull tebgħa tad-dnub u taha l-libertà sħiħa tgħidlu “Iva”. Għamel ħwejjeġ kbar magħha fi tmiem ħajjitha fuq din l-art meta ħarisha mit-taħsir tal-qabar u taha sehem mill-glorja ta’ binha anke fil-mod kif għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem.

Dan li niċċelebraw fl-Assunta u li jiġi ċċelebrat fil-kwadru li nqimu f’dan is-santwarju: Sidtna Marija Mtellgħa s-sema hi waħda minna li l-Mulej taha li tieħu sehem mill-qawmien għall-ħajja, bil-qawwa ta’ binha stess. Jekk hi ġiet imħarsa mid-dnub tan-nisel bil-qawwa tal-merti ta’ binha, hekk ukoll bil-qawwa ta’ binha hi mħarsa mit-tħassir tal-qabar. Tassew għandha għal xiex tgħid “li s-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar.”

Imma tgħid xi ħaġa oħra li tgħodd għalina għax aħna rridu nieqfu wkoll u ngħidu magħha “s-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar”. Mhux ħwejjeġ kbar jagħmel magħna l-Mulej meta jaħfrilna dnubietna? Mhux ħwejjeġ kbar jagħmel magħna l-Mulej meta jitmagħna l-Ġisem u d-Demm tiegħu? Mhux ħwejjeġ kbar jagħmel magħna l-Mulej meta f’xulxin jagħtina opportunità u l-faraġ li niltaqgħu miegħu: “Kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).

Imma forsi jekk hemm bżonn li nirrigrazzjaw lil Alla bħalma għamlet Marija għax s-setgħani wkoll magħna għamel ħwejjeġ kbar u li niftakru fil-kelma għażiża tagħha: “il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu”. Il-biża’ li ssemmi l-Madonna, hi u tgħanni l-għanja tal-Magnificat: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” fid-dar ta’ Eliżabbetta f’Għajn Karem, mhuwiex il-biża’ tat-terrur imma l-biża’ li tagħraf li l-Mulej hu sid il-ħolqien, li ħalaq dak li jidher u dak li ma jidhirx, li hu wkoll is-setgħa u li jistħoqqlu li jkun trattat, rispettat u l-maħbub ta’ Alla li hu. Aħna nitolbu l-grazzja li hi d-don tal-Ispirtu s-Santu, li jkollna l-biża’ tal-Mulej, mhux it-terrur minnu.

Kultant tisma’ min ibeżżagħna bil-Mulej. Jekk inti tifhem lil Ġesù meta għallimna ngħidu l-Missierna, mela jiena u nitkellem ma’ Alla u nitolbu u nirringrazzjah, qed nitlob u nirringrazzja lil missieri li hu fis-smewwiet, li l-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien. U l-istedina tiegħi llum fil-festa tal-Madonna ta’ Pinu fis-sena 2024 hi li nibdew minn din il-festa, nippreparaw għall-Ġublem tat-Tama tal-2025, li l-Papa nieda fid-9 ta’ Mejju u li se jinawgura fl-24 ta’ Diċembru u fid-djoċesijiet tagħna fid-29 ta’ Diċembru li ġej. Hu jsejjaħlu l-Ġublew tat-Tama li hi sena ta’ grazzja u ta’ ħniena.

Hu ġublew li jrid jimla lilna u l-proxxmu tagħna bit-tama biex aħna nsiru strumenti tal-ħniena tiegħu.

“Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien” (Lq 1:50). U iżjed ma nirrealizzaw kemm Alla hu setgħani fil-ħniena tiegħu magħna, iżjed ikollna l-qalb, il-kuraġġ, l-umiltà li aħna wkoll inkunu strumenti ta’ ħniena li min jiltaqa’ magħna jinduna li aħna ġarrabna l-ħniena t’Alla u nqassmuha b’idejna miftuħa.

Għaliex Ġesù meta għallimna l-Missierna qalilna: “hekk ukoll meta intom ma taħfrux bil-qalb lil xulxin lanqas Missieri ma jkun jista’ jaħfrilkom” għax tkunu għalaqtu qalbkom għall-ħniena tiegħu. Aħna meta nitolbu mal-Madonna biex il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien, qed inġeddu t-talb li għallimna: “aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.” Din it-talba lill-Mulej tista’ tkun il-preparazzjoni konkreta għall-Ġublew tal-2025. Hu ġublew li jrid jimla lilna u l-proxxmu tagħna bit-tama biex aħna nsiru strumenti tal-ħniena tiegħu.

Is-setgħani tassew jagħmel magħna ħwejjeġ kbar meta jaħfrilna, jitmagħna ġismu, jisqina demmu li mhuwiex premju għat-tajbin imma mediċina għad-dgħajfin. Hi mediċina li tmantina, li ssostnina fil-pellegrinaġġ tal-ħajja tagħna. Għax wara kollox Marija stess tgħid: “Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ” (Lq 1:53)

Ejjew nitolbu fuqna, fuq pajjiżna li aħna jibqa’ jkollna l-ġuħ u l-għatx ta’ Alla għax kultant ngħixu donnu Alla ma jeżistix. San Ġorġ Preca kien iħobb igerger: “għal ħafna nies, Alla zero kbir” u kien jirrepetiha l-kelma: “zero kbir,” qisu ma jeżistix ried jgħid. Imma jekk inti għandek il-biża’ ta’ Alla, jekk inti tistmah, tħobbu u titrattah ta’ Alla li hu, allura għandek il-għatx u l-ġuħ tiegħu.

Talba oħra ta’ San Ġorġ Preca hu li aħna għandna bżonn ngħixu din it-talba: “Sinjur Alla jiena għandi bżonnok.” Din it-talba aħna l-Maltin u l-Għawdxin għandna bżonnha, li nerġgħu bl-umiltà kbira, bl-iskola ta’ Marija, induru lejn Alla, is-setgħani li għamel magħna ħwejjeġ kbar u ngħidulu: “Sinjur Alla aħna għandna bżonnok.” Jista’ jkollna kemm ikollna affarijiet imma jekk ma jkollniex lil Alla kollox isirilna suf. Allura mal-Madonna, fl-iskola tagħha, illum lil Alla ngħidulu bl-umiltà imma b’fiduċja ta’ wlied: “aħna rriduk f’qalbna, aħna rriduk fostna, aħna għandna bżonnok. Ma’ Marija aħna nagħrfuk bħala s-setgħani li għamel magħha imma għamel magħna wkoll ħwejjeġ kbar.”

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Żakk 2:14-17
Salm: Lq 1:46-55
Qari II: Atti 1:2-14; 21-4
L-Evanġelju: Ġw 2:1-11

Aktar ritratti