L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Ma nafx kemm minnkom midħla ta’ għalqa ta’ dwieli. Jiena m’iniex, avolja jogħġobni l-frott tal-għalqa tad-dwieli. Imma naħseb ħafna minna, jekk m’aħniex imdaħħlin fl-industrija tal-inbid jew għandna xi għalqa bħal din, m’aħniex midħla. Għalhekk forsi, ma tantx nistgħu nifhmu kemm kienet fil-fatt tfisser l-għalqa tad-dwieli fi żmien Ġesù, u anke qablu, għall-poplu Lhudi. Kienet tassew xi ħaġa għażiża. Għalhekk fil-fatt l-ewwel qari, mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija, jgħid: “Ħa ngħanni lill-maħbub tiegħi l-għanja ta’ mħabbtu għall-għalqa tad-dwieli tiegħu” (Iż 5:1). Kienet tfisser ħafna, u għalhekk li Ġesù jitkellem fuq l-għalqa tad-dwieli, li hu l-poplu tiegħu, għażiż ħafna għalih.
Trid tagħti l-frott
Imma l-għalqa tad-dwieli tagħmel sens jekk tagħti l-frott. Jekk ma tagħtix frott, ma tkun tiswa għalxejn. Fil-fatt, anke l-injam tal-friegħi tad-dwieli, neħħi għall-manifatura tal-murtali – kif spjegawli, dak jista’ jintuża għalhekk, għal dawk il-murtali li jleqqu – imma ħlief għal dak l-iskop, l-injam ma jiswiex, ħlief biex tarmih u taħarqu. U għalhekk, hawnhekk, Ġesù jitkellem fuq l-għalqa tad-dwieli li m’għamlitx frott u li, meta dak is-Sid bagħat il-qaddejja – hawn qed jitkellem fuq Alla li tul is-snin bagħat diversi nies – minflok għamlu l-frott, daru kontra n-nies li bagħat Alla. Hawnhekk Ġesù, f’din il-parabbola jispjega fil-qosor l-istorja tas-salvazzjoni, li Alla bagħat diversi nies għand il-poplu, imma l-poplu dar kontrihom. Fl-aħħar bagħtilhom lil Ibnu stess; imma anke dan spiċċa rrifjutat u maqtul. Kien Ġesù, li bis-saħħa tal-mewt u l-qawmien tiegħu, bena mbagħad din il-familja l-ġdida, li jridha tkun l-għalqa tad-dwieli li tagħmel il-frott.
X’inhu l-messaġġ għall-ħajja tagħna llum? Ħa nsemmi tliet affarijiet, li nara ċari ħafna f’din il-parabbola li qal Ġesù, li jgħoddu ħafna għalina llum.
Jistenna frott tajjeb
L-ewwel nett, li Alla jistenna minna l-frott. Jistenna mill-ħajja tagħna, li aħna nagħmlu frott tajjeb, u mhux frott qares. X’inhu dan il-frott? Mhux bilfors għax nagħmlu xi ħaġa kbira li tissemma jew li tagħmel ħafna ħoss; u lanqas il-kwantità ta’ affarijiet li nagħmlu. Imma l-frott hu proprju dik il-ħajja ta’ mħabba li jagħtina Alla, li nistgħu ngħixuha fl-affarijiet iż-żgħar ta’ kuljum li nagħmlu. Hemmhekk nistgħu ngħixu tassew dak li smajna fit-tieni qari fl-Ittra ta’ San Pawl lill-Filippin, meta jgħidilhom: “kulma hu veru, kulma hu xieraq, kulma hu ġust, kulma hu safi, kulma jiġbed l-imħabba” (Fil 4:8). Dan hu l-frott, il-frott li nistgħu nippreżentaw lil Alla. Kif tindunaw, dak li jsemmi hawnhekk San Pawl, u li nafu aħna wkoll, il-valuri tal-ħajja Nisranija nistgħu ngħixuhom proprju fl-affarijiet iż-żgħar ta’ kuljum. Dan li jistenna minna Alla – il-frott ta’ ħajja mimlija mħabba, li turi ruħha mbagħad f’dawn il-valuri sbieħ li nistgħu ngħixu.
Nies li jgħinuna
X’naraw iżjed f’din il-parabbola? Li Alla jibgħat nies f’ħajjitna biex jgħinuna ħalli ħajjitna tagħmel il-frott. Bħalma hawnhekk, semma dawn id-diversi qaddejja li bagħat matul is-snin; u hawnhekk qed isemmi, li ġew rifjutati; imma lilna jibgħatilna nies, li huma doni tiegħu biex jgħinuna ħalli ħajjitna tagħmel ħafna frott. Kultant nirrealizzaw, nintebħu bihom, u kultant le; jew jgħaddi ż-żmien u nindunaw kemm nies għenuna fil-fatt, kemm kienu don ta’ Alla.
Hemm ħafna fil-ħajja tagħna. Jien nixtieq insemmi, għax illum hu Jum in-Nanniet – kien ġie deċiż li t-tieni Ħadd ta’ Ottubru jkun Jum in-Nanniet. F’Malta kienet deċiżjoni fis-sena 2014, unanima tal-Parlament Malti. Nixtieq insemmi n-nanniet. Kemm nanniet huma proprju dan ir-rigal li jagħti Alla, biex jgħinuna tul is-snin ħalli ħajjitna tagħmel il-frott. Nixtieq insemmi l-kontribut kbir li jagħtu fil-familja, fis-soċjetà, fil-pajjiż. Importanti li aħna jkollna qalbna miftuħa għal dawn in-nies, dawn il-qaddejja li Alla jibgħat, għax inkella nirrifjutawhom, u fl-aħħar mill-aħħar, inkunu qed nirrifjutaw din l-għajnuna li Alla jibgħat biex ħajjitna tkun tista’ tagħmel il-frott.
F’idejna l-għażla
It-tielet ħaġa li xtaqt insemmi hi din: f’idejna hi l-għażla. Alla jħalli l-għażla f’idejna. Aħna nistgħu jew naċċettawh jew nirrifjutawh. Qatt ma jimponi ruħu fuqna, bilfors trid tagħmel hekk. Imma Alla jagħmlilna proposta mimlija mħabba, u f’idejna jekk naċċettawhx jew nirrifjutawhx. Hawnhekk, fil-parrabbola li semma, ħafna nies irrifjutawh. Imma xi ħaġa li tolqotna ħafna, anke fil-kliem ta’ Ġesù, hu li meta nirrifjutaw lil Alla, min imur minn taħt? Aħna li mmorru ħażin, meta nirrifjutaw lil Alla. Għalhekk Ġesù jsemmi, dak li kien diġà ntqal anke fil-Kelma ta’ Alla, fejn jikkwota: “il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka” (Mt 21:42). Min bata meta warrabha? Il-bennejja. Imma saret il-ġebla tax-xewka. Aħna, importanti li nirrealizzaw dan, li jekk aħna nwarrbu lil Alla, aħna li nbatu. Għalhekk l-għażla li jagħtina l-Mulej, hi għażla li tħallina liberi, imma li tgħinna wkoll nintebħu kemm hu importanti li niftħu qalbna dejjem għal Alla, għax hu jridilna dejjem il-ġid, hu jimlielna ħajjitna dejjem b’dak li hu l-aħjar.
Ejjew nitolbu lill-Mulej illum, nitolbuh biex aħna nagħrfu dejjem din l-imħabba kbira li għandu lejna. Nitolbuh, biex aħna nwieġbu dejjem bil-qalb għas-sejħa tiegħu, li nkunu dawk li f’ħajjitna nagħmlu l-frott li jixtieq hu. Li aħna dejjem ngħożżu l-persuni li jibgħat f’ħajjitna, li jagħmlulna l-ġid, u li jgħinuna biex ħajjitna tagħmel il-frott. Nitolbuh biex dejjem inġeddu din l-għażla tagħna, li qalbna tkun miftuħa għalih, għax hemmhekk nafu li nkunu għażilna dejjem l-aqwa u l-aħjar.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju