L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Hemm dettall fl-Evanġelju skont San Luqa dwar ir-ragħajja li nixtieqkom tinnutaw. Jgħid l-Evanġelju li r-ragħajja, wara li raw lit-tarbija Ġesù flimkien ma’ ommu Marija u Ġużeppi, reġgħu lura “isebbħu u jfaħħru lil Alla” għal dik l-esperjenza sabiħa li kellhom. Kienet żgur dehra sabiħa ta’ dawn ir-ragħajja, imdorrijin f’ħajja pjuttost iebsa mal-merħla, li n-nies jarawhom isebbħu u jfaħħru lil Alla.
Dan kien ukoll dak li kienu semgħu r-ragħajja stess meta dehrilhom l-anġlu u ħabbrilhom li twieled Ġesù, u għadd kbir ta’ anġli flimkien bdew ifaħħru lil Alla u jgħidu: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet”. Dawn ir-ragħajja kienu qegħdin isegwu lill-anġli meta jsebbħu u jfaħħru lil Alla.
Qabilhom ukoll kienet Marija li għamlet dak l-innu sabiħ ta’ tifħir lil Alla. Ftit wara li dehrilha l-anġlu u ħabbrilha li se tkun omm Ġesù, u hi aċċettat, marret tgħaġġel għand Eliżabetta, u għamlet dak l-innu ta’ tifħir lil Alla: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi”.
Meta llum inħarsu lejn Marija Omm Alla – Marija flimkien mat-tarbija Ġesù, Alla li sar bniedem – nieħdu dan il-messaġġ sabiħ li jiġina f’dan l-ewwel jum tas-sena, imma li jurina kif għandna ngħixu kull jum tas-sena: li bħal Marija, u r-ragħajja, u l-anġli, ngħixu kull jum ta’ din is-sena fit-tifħir lill-Mulej, billi nsebbħu u nfaħħru lill-Mulej. Żgur ikun l-isbaħ mod kif niċċelebraw il-festa tal-lum, is-solennità ta’ Marija Omm Alla, billi nsebbħu u nfaħħru lill-Mulej.
U kif nagħmlu dan?
Bi kliemna
L-ewwel nett, bit-talb tagħna: li t-talb tagħna jkun qabelxejn talb ta’ tifħir, ta’ gratitudni, u ta’ glorja lil Alla. Qabel ma nikkonċentraw fuqna nfusna – agħtini dik u agħtini l-oħra – u fuq dak li jidhrilna li hu bżonn f’ħajjitna, indawru ħarsitna lejn Alla biex lilu nfaħħru u nbierku.
Flimkien mat-talb, infaħħru u nsebbħu lil Alla bid-diskors tagħna: li l-kliem tagħna jkun dejjem kliem ta’ tifħir lil Alla. Nafu kemm hi meħtieġa fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Nixtieq li naħdmu lkoll biex kliemna jkun kliem ta’ tifħir lil Alla, u lil ommu Marija. Kemm hu ikrah meta tisma’ l-kontra, kliem ta’ tkasbir lil Alla u lill-Madonna. U kemm hi mifruxa din il-kruha! Jien ġieli minn wara t-tieqa tal-kamra, it-tieqa magħluqa, nisma’ min qed ikasbar lil Alla u lil ommu Marija. Nibda ngħid: imma x’tieħu b’dan? Jiddispjaċini l-aktar għal min ikun, għax qiegħed jgħid kliem ta’ saħta flok barka. Hi ħasra. Għalhekk il-messaġġ hu biex bi kliemna dejjem infaħħru lil Alla u lil Ommu Marija, u jkun kliem li joħroġ mill-qalb, u kliem li b’xi mod ipatti għat-tkasbir tal-isem ta’ Alla u ta’ Marija.
Meta nfittxu li nagħmlu r-rieda ta’ Alla, li nkunu qegħdin insebbħu u nfaħħru lil Alla. Mhux biss bil-kliem tagħna, kif għandna nagħmlu; imma bl-imġiba tagħna
U meta nirriflettu ftit, nintebħu li nsebbħu u nfaħħru lil Alla meta, bħalma turina Marija, anke l-kliem ma’ xulxin u fuq xulxin ikun kliem ta’ inkoraġġiment, apprezzament, kliem li jagħmel il-ġid, li juri appoġġ – mhux kliem li jweġġa’ jew jinsulta. Hemmhekk għandna tassew il-mod kif insebbħu u nfaħħru lill-Mulej, billi anke l-kliem mal-oħrajn u fuq l-oħrajn ikun kliem li jagħmel il-ġid, li juri gratitudni u mħabba. Għax kull persuna hi xbieha ta’ Alla.
Bl-imġiba tagħna
B’liema mod insebbħu u nfaħħru lil Alla? Mhux biss bi kliemna, imma bl-imġiba tagħna, bid-deċiżjonijiet li nieħdu. Marija hi l-isbaħ eżempju ta’ dan, meta qalet lill-anġlu: “Ħa jsir minni skont kelmtek”. Hekk qalet u hekk għexet, hekk għamlet. Dak hu l-parir ukoll li tat fit-tieġ ta’ Kana, meta lill-qaddejja qaltilhom: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” – “hu” jfisser Ġesù. Hu meta nfittxu li nagħmlu r-rieda ta’ Alla, li nkunu qegħdin insebbħu u nfaħħru lil Alla. Mhux biss bil-kliem tagħna, kif għandna nagħmlu; imma bl-imġiba tagħna, bil-mod kif ngħixu.
It-talba li nagħmlu lill-Mulej fil-bidu tas-sena hi biex ikollna dan l-ispirtu: li ngħixu kull jum ta’ din is-sena fl-ispirtu ta’ tifħir u glorja lil Alla. Nitolbuh biex nagħmlu dan fit-talb tagħna, fi kliemna mal-oħrajn u fuq l-oħrajn, u bl-imġiba tagħna.
Konvinzjoni mhix konvenjenza
Nitolbuh speċjalment biex inissel fina dak l-ispirtu ta’ Marija, spirtu ta’ konvinzjoni. Ħajja ta’ konvinzjoni, mhux konvenjenza. X’inhi d-differenza bejn dawn it-tnejn? Konvinzjoni tfisser tgħożż u tħares dak li hu tajjeb għax hu tajjeb, u ma ddurx ma’ kull riħ. Konvenjenza tfisser li xi ħaġa hi tajba għalik jekk in-nies qed jgħidu li hi tajba, jew jaqbillek tisma’ hekk. Il-mument li n-nies jibdlu l-opinjoni, tibdilha int ukoll. Din hi sfida għalina lkoll f’dawn iż-żminijiet, u se tkun sfida akbar ’il quddiem, biex ma nibżgħux inkunu Nsara ta’ prinċipju u nidhru li qed nagħmlu għażliet anke li jmorru kontra l-kurrent. Huma dawn l-għażliet li jgħinuna biex b’ħajjitna nsebbħu u nfaħħru lil Alla.
Barka għas-sena l-ġdida
Nitolbu llum, f’din is-sena l-ġdida, biex il-Mulej iberikna, jimliena bil-paċi tiegħu, u jgħinna ħalli dejjem insebbħu u nfaħħru lil Alla. Ħa nirċievu bil-ferħ il-barka li għandna llum fil-Ktieb tan-Numri, li nixtieq nagħmilha għal kull wieħed u waħda minna u għall-familji tagħna:
“Ibierkek il-Mulej
u jħarsek!
Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek,
u jurik il-ħniena!
Iħares lejk il-Mulej bi mħabba,
u jagħtik is-sliem!”
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju