L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb” (Ġw 15:15). Int u tisma’ din il-Kelma proprju bħal-lum fid-djakonat, tgħid imma Ġesù jaf eżattament x’inhu jgħid. Meta aħna għadna kemm ikkonfermajna l-għażla tal-Knisja, biex lil dawn iż-żewġt irġiel żgħażagħ insejħulhom qaddejja, djakni – diákonoi.
“Ma nsejħilkomx aktar qaddejja” (Ġw 15:15); imma ma jsejħilhomx qaddejja għax ma jridhomx qaddejja li ma jafux x’jagħmel sidhom. Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej li qed insemmi, jgħid Ġesù, ma jafx x’jagħmel sidu, “sejjaħtilkom ħbieb” (Ġw 15:15).
Għeżież ħuti, din il-Kelma li l-Mulej jgħid lilna, illum jgħidha lilkom b’mod partikolari. Tkunux qaddejja li ma jafux x’jagħmel sidhom, kif jaħsibha l-Mulej; imma ħossukom ħbieb tiegħu. Sejħilkom ħbieb. Mhix kwistjoni ta’ titlu, imma ta’ vokazzjoni fil-veru sens tal-kelma. Sejħa li intom tidħlu f’intimità tant kbira ma’ Ġesù li tkunu ħbieb tiegħu. Il-ħabib hu dak li jħobb u jaf li hu maħbub. Iħobb għax jaf li hu maħbub.
L-ewwel persważjoni li nitlob fuqkom illum bħala don tal-Ispirtu Qaddis tal-Mulej, hi din il-persważjoni li intom maħbuba tassew. Li l-Mulej iħobbkom, għax jafkom. Jaf minn xiex intom magħġunin, jaf il-preġji tagħkom, dawk li aħna bit-Taljan ngħidulhom tal-fuoro esterno; u jaf id-difetti tagħkom, ħafna minnhom difetti mgħottija taħt l-istar tal-intimità l-iżjed profonda ta’ kull wieħed u kull waħda minna. Jaf minn xiex intom magħġuna, u jħobbkom. Ipperswadu ruħkom għeżież ħuti, għax minn din l-imħabba, li tkunu persważi fuqha se tinbet l-imħabba għall-proxxmu, għall-Knisja, għal ħutkom fil-ministeru.
Sejħilkom ħbieb. Mhix kwistjoni ta’ titlu, imma ta’ vokazzjoni fil-veru sens tal-kelma. Sejħa li intom tidħlu f’intimità tant kbira ma’ Ġesù li tkunu ħbieb tiegħu. Il-ħabib hu dak li jħobb u jaf li hu maħbub.
“Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom,” (Ġw 15:16) jgħidilkom Ġesù llum. Illum hu l-jum tal-konferma ta’ din l-għażla. Il-Knisja qiegħda tikkonferma, bit-tqegħid tal-idejn tal-isqof u t-talba tal-konsagrazzjoni djakonali, qiegħda tikkonferma din l-għażla li għamel Ġesù. Intom kunu denji ta’ din l-għażla, billi bħalma qiegħda titlob għalikom il-Knisja llum, teżerċitaw il-qadi tagħkom, is-servizz tagħkom b’qalb ħelwa, bil-manswetudni, u żżommu sħaħ sal-aħħar fit-talb. Din hi t-talba tal-Knisja fuqkom illum. Fit-talba ‘Kolletta’, dik li tiġbor it-talb kollu tal-Knisja għalikom, hemm dawn ix-xewqat qaddisa: “li bil-ħeġġa tal-ħidma tagħkom u fil-ħidma tagħkom, il-Mulej jgħinkom biex tagħtu servizz b’qalb ħelwa”.
Illum, bl-ordinazzjoni djakonali ssiru membru tal-kleru, b’rabta speċjali mal-Knisja f’Malta li aħna nsejħulha l-inkardinazzjoni. L-isqof jidħol responsabbli għalikom, u l-Knisja f’Malta miegħu. Intom bl-ubbidjenza li qegħdin twiegħdu llum, u bl-impenji li se tieħdu pubblikament minn hawn u ftit ieħor, timpenjaw ruħkom li tagħtu ħajjitkom b’servizz lil Alla fil-Knisja f’Malta. Intom illum issiru kjeriċi, itolbu lil Mulej biex isaffikom minn kull idea, li għax intom kleru għandkom xi drittijiet fuq l-oħrajn, jew għandkom xi privileġġ li tiġġudikaw, li tikkundannaw, li tikkalpestaw, u li tkunu arroganti. Il-ġudizzju tiegħek irid ikun il-Kelma ta’ Alla. It-twissija tiegħek trid tkun it-twissija ta’ min iħobb tassew. Il-kelma tiegħek trid tkun kelma li tagħti kuraġġ u faraġ. Il-Mulej iħariskom minn kull klerikaliżmu. Tippretendux li għax illum intom kjeriċi se npoġġukom fuq xi pedestall. Illum, il-Mulej ilibbiskom il-fardal, mhux tal-mażuni, ‘mi raccomando’, imma l-fardal li tħażżem bih hu f’Ħamis ix-Xirka, hu u jaħsel ir-riġlejn tad-dixxipli tiegħu.
Ejjew nitolbu għalikom biex il-Mulej bil-ħniena tiegħu jżommkom sħaħ sal-aħħar fit-talb. Intom illum se timpenjaw ruħkom biex titolbu f’isem il-Knisja permezz tal-Liturġija tas-Sigħat. Dan l-impenn m’għandux vaganzi, m’għandux leave, forsi għandu ftit sick leave, imma mhux ħafna. Xi kultant meta tkun marid ħafna, jiena ġieli jiġrili, nipprova nitlob is-salmi, u ngħid: ‘nispera li qed jitlobhom l-Anġlu Kustodju, għax jien ma nafx x’qed ngħid’, imma dak għax il-mard jew l-għejja jieħdu over. Din is-sejħa u dan l-impenn tagħkom irid ikun impenn tul ħajjitkom kollha, fi kwalunkwe staġun, f’kull post tad-dinja. Fil-qalb tagħkom, mil-lum ’il quddiem iġġorru l-Knisja kollha, iġġorru lilna lkoll kemm aħna. Waqt li tinterċedu għalina, titolbu f’isem id-dinja. Ftakru li dan hu servizz li l-Mulej jitpaxxa bih, li l-umanità għandha bżonnu, li jkun hemm min fid-deżert tad-dinja, li hu ta’ kwalitajiet differenti, jgħajjat il-karba: “Mulej, ejja eħlisni! Mulej, fittex għinni!” (Salm 70:2)
Il-Mulej iżommkom sħaħ sal-aħħar fit-talb; imma t-talb mhuwiex biss il-Liturġija tas-Sigħat, li aħna l-kjeriċi għandna l-grazzja u l-privileġġ niċċelebraw mal-Knisja u f’isem il-Knisja, b’fedeltà; imma hi wkoll esperjenza ta’ intimità ma’ Ġesù, ta’ ħbiberija profonda miegħu. Aħna u nitolbu fuqkom mal-Knisja llum, biex is-servizz tagħkom ikun mogħti b’qalb ħelwa. Niftakru f’dak li qalilna l-Imgħallem: “Tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29). Meta l-Knisja titlob fuqkom li żżommu sħaħ sal-aħħar fit-talb, hi tiftakar ukoll li l-Kelma li xxandret fuqkom illum: ma nsejħilkomx qaddejja li ma tafux x’inhu jagħmel sidhom; imma intom ħbieb, u għax ħbieb tafu eżattament kif tħabbat il-qalb tal-Mulej u tal-Imgħallem, li qalilna: “Intom issejħuli ‘l-Imgħallem u ‘l-Mulej’, u tgħidu sewwa, għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin” (Ġw 13:13-14). Qed jgħidilna, intom ħbieb tiegħi tafu kif tħabbat il-qalb tiegħi, tafu xi jfisser għalija li nkun il-qaddej tal-Mulej. Mela jien u nsejħilkom ħbieb, u nsejħilkom biex tkunu ħbieb, itolbu li tkunu wkoll il-fwieħa sabiħa tal-Irxoxt, li jgħaddi jitma’ lid-dixxipli tiegħu mġewħin għall-verità u għall-imħabba, bil-balzmu u bil-ħobż bnin tal-karità.
Il-Mulej jagħtikom ukoll li tiskopru li din is-sejħa hi sejħa sabiħa, imma hi wkoll frott tal-ħniena ta’ Alla. Iġġeddu kontinwament fil-ministeru tagħkom bis-sagramenti tal-Knisja, li intom imsejħin li tamministraw lill-poplu, imma li għandkom bżonn min jamministra lilkom. Ingħataw għall-poplu imma sibu ħin ukoll għalikom. Il-Mulej, li beda din l-opra tajba fikom, iwassalha sat-tmiem.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 6:1-7
Salm: 117 (118):1,8-9,21-23,26,28ċd,29
Qari II: 1 Ġw 1:1-4
L-Evanġelju: Ġw 15:9-17