• *****

       
      Direttur: Christopher Smith
      Atturi: Jim Broadbent, Rafe Spall, Kit Connor, Stephen Graham, Ewen Bremner, Jodie Whittaker, Michael Walter, Warwick Davis, Joanna Scanlan u Nonso Anozie
      Ħin tal-Film: 102 min.
       
      Klassifika taċ-Ċensura: U
      Klassifika tal-Knisja: U
       
      Steve Anderson ma tantx kienet sejra tkun faċli għalih li jkun missier perfett. Kien il-ħabs jiskonta sentenza wara li nstab ħati ta’ attentat ta’ serq. Issa, wara tliet snin,  jinsab ħieles fuq parole,  separat minn martu u ibnu Tom. Kien qrib il-Milied. Martu kienet bdiet relazzjoni ma’ raġel ieħor. II-fatt li kien il-missier ta’ Tom, tifel ta’ disa’ snin, xtaq ħafna jibda relazzjoni aħjar miegħu. Lejla waħda Steve jirċievi telefonata mingħand Tom fejn jgħidlu li fil-garaxx kien hemm xiħ li kien qiegħed isostni li kien Santa Klaws. Sfortunatament, Santa kien ikkraxxkja s-slitta tiegħu. Ir-renniet kollha li kienu jiġbdu din is-slitta kienu jinsabu jduru ma’ Londra kollha. Santa talab l-għajnuna ta’ Tom u ta’ dawk kollha li setgħu jgħinu għax inkellha ħafna tfal dan il-Milied kienu sejrin jibqgħu bla rigal. Kien għalhekk li Tom sejjaħ lill-missieru biex igħinu jagħmel xi ħaġa għal Santa. Sadanittant Santa jiġi arrestat meta pprova jerġa’ jiġbor ir-renniet tiegħu.  Steve xtaq jgħin biex jagħti prova lil Tom li  kien jimpurtah minnu u  lest li jieħu ħsiebu.  Iżda mhux sejra tkun faċli kemm għalih kif ukoll għal Tom biex igħinu lil Santa issa li kien jinsab arrestat. Biex tkompli ssir iktar diffiċli għal Steve, warajh kien hemm  il-uffiċjal  li kienet tieħu ħsiebu u tara li jġib ruħu tajjeb.  X’jiġri meta Steve u Tom isibu lil Rudolph, ir-renna ewlenija? Kif sejrin jagħmlu biex flimkien joħorġu  lil Santa mill-ħabs, isibu r-renniet l-oħra  u b’hekk Santa jkun jista’ jkompli bil-ħidma tiegħu fit-tqassim fil-ħin tar-rigali tal-Milied għat-tfal kollha tad-dinja?

      Film kummiedja , maħdum l-Ingilterra taħt id-direzzjoni ta’ Christopher Smith li wkoll kiteb l-iskript. Film ħelu ħafna u żgur għandu jagħti  gost kbir kemm liż-żgħar kif ukoll lill-kbar. Steve Anderson, issa li jinsab barra l-habs fuq parole jixtieq ħafna juri lil ibnu Tom li sejjer ikun tassew missier u  lest li jagħmel kollox għalih. Il-prova tiġi f’waqtha meta Tom jitlob lil missieru biex jghinu joħroġ lil Santa Klaws minn għawġ kbir li kien jinsab fih. Film irrikkmandat għal kulħadd.