L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Id-dar imtliet bir-riħa tfuħ” (Ġw 12:3). Din id-deskrizzjoni sabiħa ta’ din il-ġrajja li għandna fl-Evanġelju skont San Ġwann turina l-imħabba ġeneruża. Hawnhekk għandna lil Ġesù li jmur Betanja, għand familja li kienet ħafna għażiża għalih – Lazzru, Marta, Marija – u hemmhekk ikollu ikla. Ma kienx waħdu. Kien mad-dixxipli tiegħu. U waqt din l-ikla, filwaqt li qed jieklu, Marija ħadet libbra fwieħa tan-nard pur, li kienet tiswa ħafna, u dilket biha riġlejn Ġesù, u xxuttathomlu b’xagħarha. L-Evanġelju jgħid li “id-dar imtliet bir-riħa tfuħ”.

Ħa nħarsu lejn din il-ġrajja, speċjalment lejn dak li turina wkoll għall-ħajja tagħna. L-ewwel nett dan l-att ta’ Marija, li hu att ta’ mħabba ġeneruża. Aħna niftakru lil Marija, f’ċirkustanza oħra, meta Ġesù mar għandhom, li “niżlet bilqiegħda f’riġlejn il-Mulej tisimgħu x’kien qiegħed jgħid” (Lq 10:39). Hemm diġà kienet turi l-imħabba tagħha Marija, għax li tisma’ ġa hu l-frott tal-imħabba. Imma hawnhekk riedet hi turih din l-imħabba kbira tagħha, u għalhekk għażlet li tieħu din il-fwieħa li tiswa ħafna, u dilket biha riġlejn Ġesù. Kien att ta’ mħabba ġeneruża, li ma toqgħodx tkejjel imma li turi tassew il-qalb tagħha, kemm verament tħobb lil Ġesù.

Kien importanti dan, u hu importanti li din is-silta qiegħda fil-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa, għax se toħroġ ħafna l-kuntrast bejn dan li għamlet Marija, frott tal-imħabba kbira tagħha lejn Ġesù, u minn xiex se jgħaddi fil-passjoni tiegħu. Għax Ġesù hemmhekk se jiltaqa’ ma’ nies li jinsulentawh, iweġġgħuh, jittorturawh, ikasbruh – frott tal-kefrija u tal-mibegħda. Ara kemm jidher f’kuntrast kbir dan li għamlet Marija hawnhekk ftit jiem qabel il-passjoni ta’ Ġesù.

Ħa nħarsu lejn Ġuda l-Iskarjota u l-kumment tiegħu. Dan meta ra lil Marija qiegħda tagħmel hekk, qal: din il-fwieħa għax ma nbigħetx, kienet iġġib somma mhux ħażin, u dawn il-flus jingħataw lill-foqra? Issa meta tara dal-kumment, tgħid: qed jaħseb fil-foqra. Imma l-Evanġelju mal-ewwel jgħidilna li dal-bniedem mhux għax kien verament qalbu mal-foqra, imma għax qed iħares lejn il-flus. Id-diffikulta ta’ Ġuda kienet din: li l-flus għamewh, fil-fatt imbagħad, ftit wara, ċaħad lil Ġesù għal tletin biċċa tal-fidda.

Imma li jurina l-Evanġelju hu li Ġesù jagħraf l-intenzjoni. Jagħraf l-intenzjoni ta’ Marija, li hi mimlija mħabba lejh, u jagħraf l-intenzjoni ta’ Ġuda li mhijiex għax iħobb il-foqra, imma għax irid il-flus. U Ġesù jgħid kumment li hu tant importanti: “il-foqra dejjem issibuhom magħkom” (Ġw 12:8). Mhux qed jgħid Ġesù b’dal-mod “ma hemmx għalfejn taħsbu fihom”, anzi qed jgħid il-kontra – issibuhom dejjem magħkom, u dejjem għandkom tgħinuhom, u dejjem għandkom taħsbu fil-foqra, mhux għax ġiet din l-okkażjoni. Hekk qed jgħid Ġesù. Kien qalilna aktar minn hekk, ukoll. Qalilna: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40). Għalhekk Ġesù jridna naħsbu fil-foqra, u jrid tassew li aħna jkollna qalbna ma’ dawk li huma fil-bżonn. Imma hawnhekk kienet okkażjoni differenti – kienet turija ta’ mħabba kbira personali lejn Ġesù, ta’ qalb ġeneruża.

Imbagħad hemm dak id-dettall sabiħ li “d-dar imtliet bir-riħa tfuħ” (Ġw 12:3). Dan li għamlet Marija ma kienx biss l-imħabba tagħha lejn Ġesù, imma d-dar kollha mtliet bir-riħa tfuħ. Biex l-Evanġelju jurina li kull att ta’ mħabba tagħna mhux mitluf, u mhux sempliċiment att ta’ darba, imma jħalli effett pożittiv madwarna. Iħalli effett pożittiv anke ma’ nies oħra, bħalma kien dan l-att ta’ Marija li ħalla l-fwieħa mad-dar kollha. Ifakkarna li anke aħna, fil-ħajja tagħna, meta jkollna tassew din l-imħabba lejn Ġesù, u l-imħabba li nuruha lejn l-oħrajn kif qalilna Ġesù, dik l-imħabba tinfirex. Issir imħabba li tħalli l-ġid madwarna, mhux biss mal-persuna li qed tgħin imma tħalli l-ġid bħall-fwieħa li tinfirex mad-dar kollha.

Nitolbu lill-Mulej, aħna u nibdew din il-Ġimgħa Mqaddsa, biex jgħinna nidħlu aktar fil-misteru tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu, imma speċjalment b’din l-attitudni ta’ mħabba kbira, ġeneruża ta’ Marija.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta