L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom” (Lq 14:12). Dan hu l-kliem li jgħid Ġesù lill-kap tal-Fariżej, kif smajna fl-Evanġelju skont San Luqa llum, u f’dan il-kliem hemm il-qofol tal-messaġġ li qed jagħtina Ġesù llum. Hawnhekk kien qed jitkellem miegħu fuq lil min għandu jistieden għall-ikel, u qed jgħidlu biex meta jagħmel stedina għall-ikel, jistieden lil min ma jistax iroddlu “pjaċir bi pjaċir” (Lq 14:14).

Ġesù mhux qed jgħid hawnhekk li aħna ma għandniex nistiednu, kemm għal ikel, kemm għal okkażjonijiet sbieħ, lill-ħbieb tagħna, lil ħutna, lil qrabatna, jew lil ġirien. Hu stess kien imur għand ħbieb għax jistednuh. Niftakru meta mar għand il-familja ta’ Lażżru, Marta u Marija f’Betanja. Hawn Ġesù mhux qed jitkellem fuq l-istediniet għall-ikel imma l-aktar fuq ir-relazzjonijiet. Qed jgħid xi ħaġa importanti ħafna fuq kif għandna nittrattaw lil xulxin.

Ġesù qed jgħid biex dak li nagħmlu tajjeb, ma nagħmluhx bi skop li xi ħadd jagħtina xi ħaġa lura għal dak li nkunu għamilna. Ma nagħmlux il-ġid biex nirċievu xi ħaġa ta’ ġid aħna, ma nagħmlux it-tajjeb biex nirċievu xi ħaġa tajba aħna, ma naħdmux b’din il-kundizzjoni għax dik, jgħid Ġesù, mhijiex l-imħabba li għandha tispirana u tmexxina, kif għallimna hu. Jekk jiena li nagħmel nagħmlu bi skop li xi ħaddieħor se jroddli għall-ġid li nagħmel, Ġesù qed jgħidilna mmorru lil hinn minn dan, u għalhekk ma nfittxux li dak li nagħmlu nagħmluh biex iroddulna “pjaċir bi pjaċir”.

Hu stess tana l-isbaħ tagħlima dwar dan bil-ħajja tiegħu u bil-kliem tiegħu. Lil Ġesù dejjem narawh iħobb, jgħin, jagħmel il-ġid lil min ma jistax iroddlu lura. Meta għamel il-mirakli, meta għamel il-fejqan ta’ tant nies, mhux bi skop li dawn jagħtuh lura xi ħaġa. Dik hi l-imħabba li wriena Ġesù: l-imħabba mingħajr kundizzjoni, li mbagħad kellha l-milja tagħha proprju meta Ġesù kien fuq is-salib. Hemmhekk narawh iħobb sal-aħħar, iħobb mingħajr kundizzjoni. Dan hu l-messaġġ li qed jagħti lilna llum – messaġġ tant importanti għall-ħajja tagħna – li għandna nfittxu li nagħmlu l-ġid, u li nieħdu pjaċir nagħmlu l-ġid, u nifirħu li qed nagħmlu l-ġid fih innifsu. Mhux nagħmlu l-ġid u nkunu ferħanin biss jekk xi ħadd jurina rikonoxximent, imma fl-istess ġid li nagħmlu nkunu ferħanin li qed nagħmlu l-ġid. Dak jagħtina tant paċi fil-qalb tagħna, tant serħan fil-qalb tagħna.

Ġesù qed jgħid ukoll xi ħaġa tant importanti f’dan l-Evanġelju, meta jsemmi l-foqra u n-nies vulnerabbli, u jgħid kemm hu importanti li ngħinu lil dawn. Qed jiftħilna moħħna u qalbna għal nies li kultant nistgħu nħalluhom emarġinati, fil-ġenb. Ġesù qed jgħid: ftakar f’dawn. Lil dawn għinhom. Dak hu l-messaġġ ukoll li qed jagħti lilna; mhux biss li fil-ġid li nagħmlu ma nippretendux xi ħaġa lura, imma li ngħinu wkoll lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn: il-foqra, in-nies vulnerabbli, dawk li jeħtieġu l-għajnuna tagħna llum. Hi ħaġa sabiħa ħafna li fil-Knisja mad-dinja kollha għandna tant stejjer u esperjenzi sbieħ ta’ dan li qed jgħid Ġesù hawnhekk. Anke jekk inħarsu lejn il-Knisja f’Malta: kemm reliġjużi, saċerdoti, lajċi, kemm nies dedikati biex jagħmlu proprju dan li qal Ġesù hawn, jiġifieri jistiednu lin-nies, jilqgħu lin-nies li jiġu, biex jagħtuhom x’jieklu – nies foqra li ma għandhomx x’jieklu. Mhux biss, imma jmorru huma għand familji biex jgħinu lil dawk li huma fil-bżonn. Din hi xi ħaġa verament sabiħa tal-Knisja f’Malta, u għandna aħna nirrejalizzaw kemm din turina l-kliem ta’ Ġesù fil-prattika. U mhux biss fejn jidħol l-ikel. Għandna għajnuna minn diversi fejn jidħol l-ikel, kif semma Ġesù hawn, imma wkoll f’tant ħtiġijiet oħra. Meta aħna nieqfu ma’ min hu fqir, ma’ min hu vulnerabbli, ma’ min hu fil-bżonn, u nagħmlu dan b’imħabba mingħajr kundizzjoni, qed ngħixu dil-kelma ta’ Ġesù. Ikollna tassew biex inkunu ferħanin f’qalbna għax inkunu qed ngħixu l-imħabba li għallimna u li wriena Ġesù.

Nitolbu llum lill-Mulej, ispirati minn din il-kelma tiegħu, biex aħna nagħmlu l-ġid b’imħabba mingħajr kundizzjoni, u nfittxu li nieqfu speċjalment ma’ dawk li huma vulnerabbli jew emarġinati – ma’ dawk li l-aktar jeħtieġu l-għajnuna tagħna llum.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta