• ***

    Direttur: George Miller
    Atturi: Tom Hardy, Charlize Theron, Nicholas Hoult, Hugh Keays-Byrne, Rosie Huntington-Whitely, Riley Keough, Zoe Kravitz u Abbey Lee
    Ħin tal-Film: 120 min
    Klassifika taċ-Ċensura: 15
    Klassifika tal-Knisja: 18
    Fis-sena 2060, wara numru ta’ katastrofi mad-dinja kollha li kkawżaw ir-rovina taċ-ċivilta’,  niltaqgħu ma’ Max  li darba kien membru ta’ dawk li kienu jgħassu t-toroq ewlenin. Issa jinsab igħix waħdu  wara li tilef il-membri kollha tal-familja f’wieħed mid-diżastri li farrak is-soċjeta` kif nafuha aħna llum. Max, jiltaqa’ ma’ Imperator Furiosa li kienet qegħda tittanta taqsam id-deżert u li magħha kien hemm ħames  nisa magħrufa bħala The Five Wives. Dawn il-ħames nisa ħarbu bis-saħħa  ta’ Furiosa minn idejn it-tirann faxista, ir-re Immortan Joe  u l-forża militari li kien imexxi, u li  moħħhom kien biss kif sejrin jeqirdu dawk kollha li kienu għadhom jippruvaw igħixu ħajja normali u fil-paċi. Din il-forża qerida kienet magħrufa bħala War Boys u kienu jiddominaw b’id tal-ħadid ir-renju tagħhom fid-deżert, msejjaħ The Wasteland. Ir-Re Joe ried b’kull mod jew ieħor jaqbad The Five Wives minħabba l-fatt li kienu kollha fertili u li jweldu wlied u b’hekk ikun jista’ jaċċerta ruħhu li jkollu ġellieda biżżejjed għal futur. L-uniku tama li  Furiosa u TheFive Wives kellhom kienet li jittamaw fil-ħila li Max kellu u li kien jaf sew x’kien joffri d-deżert vast u l-perikli li kien hemm fiħ. Għal bidu Max ma tantx deher ħerqan li jgħin iżda meta jinqabad minn Joe u ttorturat,  wara li jirnexxielu jaħrab,  isir jiddependi minn Furiosa u The Five  Wives. Hekk kif dawn jinsabu mfittxija minn War Boys, l-aħħar tama kienet li flimkien iżommu għaqda u juru kuraġġ biex jeħilsu minn periklu li jekk iffallu kien ifisser it-tmiem tal-liberta` tagħhom. Tgħid  jirnexxielhom jgħelbu l-War Boys taħt it-tmexxjia ta’ Joe?

    Film bi 3D, mimli azzjoni taħt id-direzzjoni ta’ George Miller,  li għalkemm għandu messaġġi pożittivi  fuq il-valur tal-liberta`,  fidwa u l-ħtieġa li wieħed jieqaf lil-ħażen, matul il-film nassistu għal vjolenza bla waqfien  u rażan, kif ukoll ħruxija li jitlob li l-film jarawh il-kbar biss.