Illum, it-Tnejn 21 ta’ Marzu 2016, jitlaq il-korteo mir-residenza privata tal-Arċisqof Emeritu Monsinjur Ġużeppi Mercieca fiż-Żejtun, għall-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fejn jasal ftit qabel il-5:00 p.m. Hemmhekk jitqiegħed għall-qima tal-pubbliku sat-8:00 p.m. Fil-5:00 p.m. issir velja ta’ talb li ser titmexxa minn Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna.
Għada, it-Tlieta 22 ta’ Marzu, mid-9:00 a.m. sat-8:00 p.m. Mons. Mercieca jkun espost għall-qima tal-pubbliku, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Fis 6:30 p.m. issir it-talba tal-għasar immexxija minn Monsinjur Arċisqof.
L-Erbgħa, 23 ta’ Marzu, il-poplu jista’ jagħti l-aħħar tislima lil Mons. Mercieca bejn id-9:00 a.m. u nofsinhar, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Fl 4:00 p.m. tibda l-Quddiesa tal-funeral immexxija minn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna. Fi tmiem il-Quddiesa, il-korteo funebri jitlaq bil-mixi mill-Kon-Katidral ta’ San Ġwann għal Triq ir-Repubblika sa Bieb il-Belt. Wara, il-funeral ikompli f’forma privata sal-Katidral tal-Imdina fejn issir id-difna.