L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Illum il-Kelma ta’ Alla, it-tifkira Liturġika li qed nagħmlu, kif ukoll il-ġurnata partikulari li qed ngħixu, jgħinuna biex nitfgħu ħarsitna fuq nisa partikulari.

Nibdew mill-Evanġelju. Ġesù jara waħda armla fqira. Żgur li ħadd ma kien jinnutaha u jagħtiha importanza ħlief Ġesù. Imma għalih, kif nafu, kull persuna importanti. Iktar u iktar meta tkun persuna li qed tbati, bħalma kienet l-armla fi żmien Ġesù – persuna li qed tbati minħabba s-sitwazzjoni tagħha. Ġesù lilha jfaħħar għall-ġenerożità tagħha. Iridna nitfgħu ħarsitna fuqha u nitgħallmu minna. Ma nafx il-mara qattx intebħet li Ġesù kien faħħarha, imma li għamlet hi għamlitu b’ġenerożità u b’imħabba kbira lejn Alla u t-tempju tiegħu, anke jekk qatt ma semgħet x’qal fuqha Ġesù. Minn din il-mara armla, fqira, nitgħallmu ħafna.

Ħa nħarsu lejn il-qaddisa li qed nagħmlu t-tifkira tagħha llum – Santa Katarina ta’ Lixandra. Żagħżugħa, li kienet persuna intelliġenti, u mara ta’ fibra. Għexet bla biża’ l-fidi tagħha. Mhux biss għexet il-fidi tagħha, imma kienet lesta tagħti xhieda tal-fidi f’ambjent ostili, lil dawk li ntbagħtu mill-imperatur biex jipperswaduha ħalli hi timxi skont ma kien qed jgħid l-imperatur u tqim l-idoli; imma hi, lil dawk li ġew biex jipperswaduha, ikkonvertiehom, u spiċċat martri bħalma spiċċaw huma stess, dawk il-filosofi li ġew biex jipperswaduha. Nammiraw f’Santa Katarina din ix-xhieda tagħha u l-imħabba kbira tagħha lejn Ġesù li dejjem mexxietha f’ħajjitha. Hemm kwadru sabiħ ta’ Santa Katarina li juri ż-żwieġ mistiku tagħha: hemm Santa Katarina flimkien mal-Madonna, u l-Madonna qed tippreżentalha lil Ġesù. Kemm hi sabiħa meta tara lil Santa Katarina flimkien mal-Madonna u tifhem x’messaġġ qawwi jagħti dan il-kwadru, u x’messaġġ sabiħ ukoll dan iż-żwieġ mistiku, din l-għaqda sħiħa ma’ Ġesù li mexxietha f’ħajjitha.

Din l-armla fqira kellha storja ta’ tbatija. U Santa Katarina kellha wkoll storja ta’ tbatija, li wasslitha sal-punt tal-martirju, biex hi tagħti xhieda tal-fidi tagħha. Huwa partikolarment f’waqthom illum meta qed nagħmlu mad-dinja kollha l-ġurnata internazzjonali għall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa. Hawn nisa jispiċċaw maqtula bħal Santa Katarina, vittmi tal-poter. Hawn nisa jispiċċaw vittmi għal snin twal, jgħaddu minn kalvarju.

Irridu llum nieħdu l-impenn biex naħdmu bis-sħiħ għall-eliminazzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa. Nagħmlu dan fl-istess ħajja tagħna ta’ kuljum, billi nagħmlu attenzjoni għall-kliem li ngħidu, għall-mod kif nittrattaw il-persuni, għall-ġudizzji li ngħaddu. Irridu naħdmu bis-sħiħ kontra l-vjolenza domestika, u rridu niftakru li ħafna mill-vittmi ta’ din il-vjolenza huma nisa. Ħafna jsofru fis-silenzju. Irridu dejjem nuru appoġġ u sensitività sħiħa għall-vittmi. Kultant tisma’ nisa li jgħidu: dan hu s-salib tiegħi, li naqla’ s-swat. Le, le, dak mhuwiex is-salib tiegħek! Salib għandek, imma s-salib hu li tagħmel ħiltek biex toħroġ mis-sitwazzjoni ta’ abbuż. Qatt ma għandek tħalli d-dinjità tiegħek titkasbar.

U rridu naħdmu bis-sħiħ kontra dak li joħloq sitwazzjoni ta’ abbuż. Hawn min jgħid: imma jekk bniedem isawwatni, ma naħfirlux? Dażgur li taħfer! Imma taħfer ma jfissirx li tħallih isawtek. Mal-maħfra jrid ikun hemm il-ħidma bis-sħiħ biex twaqqfu, biex ma tħallihx isawtek, biex ma jibqax jabbuża. Għall-ġid tiegħek, u għall-ġid tiegħu stess biex iġib ruħu ta’ nies, trid issib mezz kif twaqqaf l-abbuż. Hawn fejn aħna lkoll għandna ngħinu biex inkunu ta’ appoġġ, ta’ sostenn, għal min għaddej minn tbatija minħabba li vittma.

Nitolbu llum lill-Mulej: għinna biex dejjem nirrispettaw id-dinjità ta’ kull persuna. Għinna niftakru li kull persuna hi xbieha tiegħek, u bi kliemna u b’għemilna, nuru dejjem sensittività u għożża lejn kull persuna, u speċjalment lejn dawk li huma vittmi.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta