L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Għad iġġarrbu n-niket, imma n-niket tagħkom għad jitbiddel f’hena” (Ġw 16:20) Dan hu l-kliem li Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu fl-Evanġelju llum. Dan huwa parti mid-diskors tal-Aħħar Ċena, meta Ġesù qed jitkellem kemm fuq it-tbatija tiegħu, il-passjoni u l-mewt – meta jgħid “intom għad tibku u tingħu” u “iġġarrbu n-niket” – kif ukoll fuq il-qawmien tiegħu – meta jgħid: “in-niket tagħkom għad jinbidel f’hena”.
Li jolqotna ħafna f’dan il-kliem ta’ Ġesù, u anke fid-diskors tiegħu tal-Aħħar Ċena, hu kif Ġesù jagħmel il-qalb lid-dixxipli tiegħu. Jgħid kliem ta’ inkoraġġiment. Jgħid dak li se jsir, imma fl-istess waqt bi kliem ta’ inkoraġġiment. Din diga rajniha darboħra f’dan id-diskors tal-Aħħar Ċena, meta Ġesù kien qalilhom: “Ftit ieħor u ma tarawnix aktar, imbagħad ftit ieħor u terġgħu tarawni” (Ġw 16:16). “Ma tarawnix aktar” għax kien se jgħaddi mill-passjoni u l-mewt; “terġgħu tarawni”, meta hu jqum mill-mewt. U hawhekk jgħid li se jġarrbu n-niket imma “n-niket għad jitbiddel f’hena”. Ġesù dejjem jitkellem b’mod li ma jaħbi xejn, imma bi kliem ta’ inkoraġġiment.
Jagħmel dan b’dik it-tixbiha sabiħa fl-Evanġelju llum tal-mara li twelled it-tarbija. Jgħid li sakemm twelled it-tarbija, tgħaddi minn tbatija, minn uġigħ. Aħna nafu li mara li jkollha t-tarbija fil-ġuf tagħha, sa mill-ewwel mument tat-tnissil, għandha ħajja ġdida. U hemmhekk tħoss ir-responsabbiltà tal-ħajja ġdida. Kultant din iġġib tensjoni u ansjetà, u meta tasal biex twelled, hemm l-uġigħ ukoll, għax qed twelled tarbija. Imma meta mbagħad tara l-frott tal-ġuf tagħha, meta tara l-ħajja ġdida, timtela bil-ferħ. U Ġesù jġib din bħala tixbiha lid-dixxipli li huma wkoll għad iġarrbu d-dwejjaq u l-uġigħ, meta lil Ġesu joqtluh; imma mbagħad in-niket tagħhom jinbidel f’hena, meta hu jqum mill-mewt.
Ġesù jgħid ukoll xi ħaġa verament sabiħa meta jitkellem fuq il-ferħ. Jgħid: “qalbkom tifraħ, u l-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom” (Ġw 16:22). Hawn Ġesù mhux qed jitkellem fuq pjaċir – tieħu pjaċir, jgħaddi, u kultant jintrikeb imbagħad min-niket f’mument ieħor. Imma hawn qed jitkellem fuq il-ferħ li jagħti hu, li jagħtina speċjalment għax hu qam mill-mewt, rebbieħ, u għalhekk jimlielna qalbna bl-imħabba tiegħu. Lid-dixxipli tiegħu jgħidilhom: “ferħ li ħadd ma jeħodhulkom”. U fil-fatt naraw kemm dan hu veru meta wara Għid il-Ħamsin, meta l-appostli ħarġu biex iħabbru li Ġesù hu ħaj, jgħaddu minn diversi esperjenzi, anke esperjenzi ta’ tbatija, imma jibqgħu b’dan il-ferħ f’qalbhom. Hemm dik is-silta sabiħa ħafna fl-Atti tal-Appostli, meta l-appostli kienu quddiem is-Sinedriju, u jgħid li “l-appostli ħarġu minn quddiem is-Sinedriju ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom li jkunu mmaqdra minħabba l-isem ta’ Ġesù” (Atti 5:41). Ferħu meta n-nies laqgħu l-kelma ta’ Ġesù, imma anke meta maqdruhom u ppersegwitawhom, baqgħu bil-ferħ f’qalbhom, għax kien ferħ li jagħtihulhom Ġesù, mhux iċ-ċirkustanzi ta’ madwarhom.
Dan hu messaġġ sabiħ ħafna għall-ħajja tagħna. Il-Mulej lilna wkoll irid jagħtina dan il-ferħ f’qalbna. Ma nħalltuhx mal-pjaċir u l-gost. Huwa veru sabiħ li fil-ħajja tieħu pjaċir b’diversi affarijiet li jagħtuk gost. Imma hawn Ġesù qed jgħid li l-ferħ tiegħu jibqa’ f’qalbna anke fiċ-ċirkustanzi diffiċli. Hu ferħ li ma jiddependix fuq l-approvazzjoni tal-oħrajn, biex aħna nkunu ferħana; imma l-ferħ li jagħtina hu bl-imħabba tiegħu. Jgħinna nkunu ferħana għax qed nagħmlu dak li jrid hu, nagħżlu dak li hu sewwa. Għalhekk dan hu l-ferħ li jġib Ġesù ħaj fostna wkoll illum, hu l-ferħ li jagħtina f’qalbna.
Nitolbu lill-Mulej biex jimla qalbna bl-imħabba u l-paċi tiegħu li jġibu fina dan il-ferħ, u nitolbuh biex ħadd ma jeħodilna dan il-ferħ tiegħu minn qalbna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta