Mill-korsijiet tal-Kontabilità u l-Psikoloġija fl-Università ta’ Malta, Christianne Farrugia u Erika Spiteri jinsabu fi vjaġġ li bdew madwar tliet snin ilu – dak li jista’ jwassalhom biex isiru sorijiet.
Newsbook Malta reħielha lejn il-kunvent tas-sorijiet tal-Ordni Agostinjan fi Fleur de Lys fejn iltaqa’ ma’ żewġ tfajliet li qed iħarsu lejn il-ħajja vokazzjonali ta’ soru bħala possibiltà fejn jistgħu jkompli jesploraw il-ferħ tas-sejħa, iżda wkoll kif jistgħu jaqsmuha ma’ oħrajn.
Wara sentejn ta’ aspirandat, Christianne u Erika jinsabu fil-Postulandat u għaldaqstant wara li raw bir-reqqa l-ħajja vokazzjonali ta’ soru x’tikkonsisti u x’titlob minnhom, urew ix-xewqa li jibdew din il-mixja.
Christianne, li hija gradwat b’Maġisteru fil-Kontabilità (Masters in Accountancy) qalet li waħda mix-xewqat li għandha f’din il-mixja hija proprju li twassal il-ferħ ta’ Ġesù speċjalment għal dawk li tilfu t-tama. Hija qalet li dan ikun jista’ jseħħ permezz tal-vokazzjoni tagħhom. Min-naħa l-oħra, Erika li hija gradwata b’Baċċellerat fil-Psikoloġija, kompliet li din it-trażmissjoni tal-ferħ isseħħ huma u jgħixu l-ħajja tagħhom fil-milja kollha biex ikunu bnedmin sħaħ.
“Kollox beda minn kurżità…” – Erika
Erika stqarret li donnu kollox beda minn kurżita. Semmiet kif waħda mill-ewwel indikazzjonijiet tas-sejħa reliġjuża dehret fil-kuntatt li kellha mas-sorijiet Agostinjani, peress li kienet tattendi fl-iskola tas-Sorijiet, fil-Gżira.
Kemm bejn il-kurżità dwar il-mod kif iqattgħu l-ħin, imma wkoll dwar “kif m’għandhom xejn u huma daqshekk ferħanin” Erika baqgħet tfittex x’seta’ kien hemm fil-qalb tas-sorijiet li fuq fommhom dejjem tfiġġ tbissima li tnissel oħra.
“Il-kurżità ma naqqset xejn milli ngħix ħajja normali”
Din il-kurżità ma naqqset xejn minn kwalunkwe ħajja ta’ żagħżugħa. Erika qasmet magħna li bħala tfajla normali kienet toħroġ ma’ sħabha, titla’ Paceville, kif ukoll kellha diversi relazzjonijiet.
Però qalb dan kollu, hija bdiet tistaqsi: “Imma possibbli dan kollox?” hekk kif kienet konvinta li “bilfors hemm xi ħaġa oħra”. Fl-istess perjodu, Erika bdiet tersaq iktar qrib ta’ Ġesù, u bdiet tieħu r-relazzjoni tagħha ma’ Kristu bis-serjetà. Hija bdiet ukoll tattendi iktar iċ-ċentru 16+.
Għaldaqstant hija bdiet tistaqsi x’inhi r-raġuni li waqt li sħabha kienu se joħorġu fil-ħin taċ-ċentru, hi kienet tippreferi li tmur iċ-ċentru milli toħroġ magħhom.
Iktar minn hekk, “lill-għarus kont ngħidlu Fridays insa li se noħorġu għax ikolli ċ-Ċentru!”
Maż-żmien bdiet tirrealizza li iktar ma beda jgħaddi ż-żmien, minkejja li kellha kollox, bdiet tħoss vojt kbir. Erika għaldaqstant irrikorriet għal soru sabiex tgħinha tifhem u tiskopri iktar dak li qed tħoss ġewwa fiha.
“Bdejt nitkellem ma’ sister li setgħet tiggiwdani ftit aħjar u bdejt niskopri naqra iktar li jista’ jkun li Alla qed isejjaħli għal xi ħaġa differenti minn dak li qed nipprova.”
“Kien hemm vojt li b’xejn ma seta’ jimtela…avolja kelli kollox” – Christianne
Christianne ukoll tkellmet dwar il-vojt li kienet tħoss ġewwa fiha, minkejja li kellha kollox. Hija u tirrakkonta l-istorja tagħha, esprimiet kif l-esperjenza tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fl-2016 li kien ġie ċċelebrat fil-Polonja serviet bħala indikazzjoni dwar x’tixtieq mill-ħajja tagħha.
“Kont il-Junior College, bdejt Masters in Accountancy fl-Università, u matul il-kors bdejt nistaqsi li jekk Alla jrid xi ħaġa minni dan kollu rrid inħallih warajja.” Meta gradwat, hija bdiet taħdem full-time f’kumpanija bħala accountant, “imma ndunajt li dan ma kienx il-pjan ta’ Alla, għaliex Hu kellu pjan ikbar u differenti milli kelli jiena.”
Hija kompliet li minkejja li telqet ix-xogħol li kellha minħabba s-sejħa vokazzjonali, il-ħiliet tagħha ma ngħatawx il-ġenb. Anzi, illum il-ġurnata, Christianne qed tgħallem l-Accounts fl-iskola St Monica tal-Gżira.
Għal din il-ġrajja, sostniet li Alla “jaħdem b’mod tal-għaġeb. Aħna ħafna drabi nkunu nixtiequ l-affarijeit kif irriduhom aħna, imma meta niftħulu qalbna għal li jixtieq hu, jagħmel affarijiet tal-għaġeb.”
Kompliet li “qatt ma mmaġinajt li nagħmel dak li qed nagħmel, imma llum hija l-iktar ħaġa li nixtieq nagħmel: li nkun mat-tfal u maż-żgħażagħ, u ntihom dak li tgħallimt jiena.”
“L-importanti mhux dak li nagħmel, imma kif qed nagħmlu”
Huma u jitkellmu dwar id-differenza li seħħet fil-ħajja tagħhom, Erika sostniet li qabel għarfet din is-sejħa kienet qed tgħix ħajja vojta. Semmiet li din id-deċiżjoni li qed tieħu ġabet differenza fl-istil ta’ ħajja li tgħix, imma dak kollu li kienet tħobb tagħmel, għadha tagħmlu.
“Imma issa l-importanti mhuwiex dak li qed nagħmel, imma kif qed nagħmlu.”
Min-naħa tagħha Christianne semmiet li d-differenza tidher ukoll fil-missjoni tat-tagħlim. Hija spjegat li filwaqt li fl-ewwel sentejn ta’ aspirandat, huma kienu jieħdu l-paga kollha waqt li bdew jgħallmu diversi suġġetti, issa li jinsabu fil-postulandat, huma jirċievu persentaġġ żgħir tal-paga bħala għajnuna monetarja filwaqt li l-kumplament tingħata lill-Ordni.
“Din biddlet kollox! Tmur tgħallem, mhux għall-paga, imma biex twassal il-ferħ lil ħaddieħor.”
“Kont naħrab minn din il-ħajja…dejjem nipposponi”
Fl-intervista, Christianne kompliet li kemm-il darba ppruvat taħrab minn din is-sejħa, u saħansitra bdiet tevita l-laqgħat u tipposponi. Madanakollu, hi esprimiet li “ma kinitx faċli imma meta tiftaħlu ftit, jagħmel affarijiet kbar.”
Erika wriet il-kuntrast ta’ sejħa bħal din fil-kuntest sekulari tas-soċjetà. “Il-fatt li tibda tħoss xi ħaġa differenti minn ħaddieħor li qisek m’għandekx ma’ min titkellem dwarha, tagħmilha iktar diffiċli. Ma kinitx faċli; tibda tħossok konfuża…Jekk għandi dak kollu li nixtieq, għaliex mhux qed inħossni fulfilled fil-ħajja tiegħi?”
“Din hija deċiżjoni bejn żewġ affarijiet tajbin u sbieħ,” spjegat Erika.
“Hija diffiċli u sitwazzjoni ta’ konfużjoni però trid tieħu deċiżjoni, għaliex il-mistoqsija tibqa’ tiġri warajk, u jekk ma taqtagħhiex, tispiċċa tirrovina ħajtek mod ieħor.”
Mill-kariżma tal-Orsolini għall-kunvent tal-Agostinjani…
Christianne esprimiet li filwaqt li llum qed taspira biex tingħaqad fi ħdan l-Ordni Agostinjan, għajnejha kienu jmorru fuq il-kariżma tas-Sorijiet Orsolini, liema kariżma tara li żżomm u tindokra lit-tfal li għal xi raġuni jew oħra jkunu qed joqogħdu fid-Djar tagħhom.
Madanakollu, meta ngħaqdet ma’ Ċentru 16+ rat u ltaqgħet ma’ bosta sorijiet Agostinjani li jħabirku fl-edukazzjoni ta’ ħafna tfajliet u b’liema mod jinteressaw ruħhom fil-ħajja tagħhom sabiex jgħinuhom huma u jikbru u jsiru nisa adulti.
Dan iċ-ċentru li ilu jopera għal dawn l-aħħar ħames snin jilqa’ tfajliet li jkunu temmew l-iskola sekondarja f’dan l-ispazju sigur fejn ikunu jistgħu jikbru, jesprimu lilhom infushom, kif ukoll ikollhom spalla fuqhiex iserħu huma u jħarsu lejn il-futur.
Erika spjegat li minkejja li l-Ordni Agostinjan għandhom l-iskejjel tal-bniet u li għaldaqstant dan il-grupp iservi sabiex ikomplu jsegwu ħafna mill-istudenti, il-grupp huwa miftuħ għal kwalunkwe tfajla anke jekk ma tattendix l-iskejjel Agostinjani.
“They call it a second home,” sostniet Erika, filwaqt li semmiet kif dan iċ-ċentru huwa l-post fejn jistgħu jesperimentaw, u jkollhom ħin ta’ rikreazzjoni.
Christianne rrakkontat li bħala ċentru, jitilgħu għal summer camp f’Cascia: il-post tal-oriġini ta’ Santa Rita magħrufa bħala ‘tal-impossibbli’ li wara li kienet romlot kienet ingħaqdet ma’ grupp ta’ sorijiet li eventwalment saru Agostinjani.
“Aħna nħarsu lejn il-homeless bħala tal-biża’…indunajt li huma jibżgħu minna”
Apparti dan l-avveniment, iċ-Ċentru jżomm l-aspett missjunarju fil-qalba tal-oeprat tiegħu. Għaldaqstant, fost il-ħidma vasta, il-grupp mar Ruma b’esperjenza missjunarja ma’ persuni li ma għandhomx saqaf fuq rashom.
“Aħna nħarsu lejn il-homeless bħala xi ħaġa li tibża’ minnha. Però tgħallimna li ħafna drabi, huma jibżgħu minna,” qalet Christianne.
Din is-sena, huma marru wkoll Lourdes sabiex jgħinu u jakkumpanjaw anzjani li jinsabu f’siġġu tar-roti. Flimkien mal-Għaqda Maltija għat-Trasport tal-Morda, taw opporunità lil bosta anzjani li mingħajr l-gajnuna tagħhom ma kinetx tkun possibbli li jmorru f’dan il-post tant għal qalb id-devoti ta’ Marija.
X’jagħmlu s-Sorijiet Agostinjani?
Il-ħidma tal-Ordni tas-Sorijiet Agostinjani f’Malta tidher l-iktar fil-qasam edukattiv, hekk kif huma responsabbli mit-tagħlim u t-tmexxija ta’ tliet skejjel: f’Birkirkara, il-Gżira u l-Mosta, bl-isem ta’ St Monica School.
B’differenza għal skejjel oħra, is-Sorijiet Agostinjani jimpenjaw irwieħhom bil-formazzjoni tal-ġenituri tal-istudenti tagħhom ukoll. Dan isir permezz ta’ A.L.A.S. – assoċjazzjoni ta’ Agostinjani Lajċi – fejn adulti jiltaqgħu flimkien bħala komunità ta’ sapport għal xulxin huma u jgħixu l-ħajja nisranija fid-dinja ordinarja.
“Iftħu qalbkom għal dak li qed tħossu”
Fi tmiem l-intervista, Erika ħeġġet lit-tfajliet sabiex jesploraw u jaraw x’hemm mistur ġewwa fihom, anke jekk iħossu li hija tal-biża’, però “hija avventura sabiħa.”
“Il-proċess tal-ħajja reliġjuża huwa wieħed twil ħafna li matulu għandek ċans kbir biex tiddixxerni, tistaqsi, tara u tidħol fil-profond tal-ħajja mingħajr ma ħadd jiġri warajk; anzi b’libertà kbira. Ma jfissirx li għax tkun fil-kunvent, allura inti għal soru.”
Kompliet li minkejja li din hi esperjenza ta’ paċi, xorta tkun f’baħar imqalleb hekk kif fil-qiegħ ta’ qalbek tħoss li qed taffaċċja realtà differenti.
“Hawnhekk tiskopri l-fraġilità tiegħek, min inti. It is a bumpy jouney, yet beautiful! Ladarba din tkun is-sejħa minn Alla, ma nafx, hija esperjenza wisq sabiħa li ma tista’ tikkumparaha ma’ xejn.”
Christianne żiedet sabiex min qed iħoss xi ħaġa, ma jibżax jitkellem għaliex tkun qed tiftaħ qalbek ma’ nies li huma lesti biex jgħinuk. Għaldaqstant hija għamlet stedina miftuħa lit-tfajliet li għandhom ‘il fuq minn 16-il sena sabiex jissieħbu fiċ-Ċentru 16+ li jiltaqa’ kull nhar ta’ Ġimgħa ħdejn l-iskola ta’ Santa Monika fil-Gżira fis-6:30pm.
Ara l-intervista kollha hawnhekk 👇
Minn Luke Vella u Miguela Xuereb
Sors: Newsbook Malta