L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Hawn ma għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet” (Mt 14:17). Din hi r-risposta tad-dixxipli lil Ġesù, meta hu talabhom jagħtu lin-nies x’jieklu. Din il-ġrajja hija ġrajja li baqgħet magħrufa ħafna – aħna nafuha bħala dik tat-“tkattir tal-ħobż”, kif Ġesù tema’ ’l fuq minn ħamest elef ruħ b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. Imma f’dil-ġrajja l-importanti mhux li nieqfu biss fuq il-miraklu bħala xi ħaġa ta’ stagħġib, imma li naraw il-mod kif Ġesù jagħmel dan il-miraklu – għax għandu ħafna x’jgħallimna.
Ninnutaw mal-ewwel kif Ġesù, li kien qed ifittex post fil-kwiet, post imwarrab, kif ra n-nies li telqu bil-mixi biex imorru ħdejh, l-Evanġelju jgħid “ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, u fejqilhom il-morda tagħhom” (Mt 14:14). Narawha anke f’mumenti oħra fl-Evanġelju, meta jgħid: “Tħassarhom, għax kienu qishom ngħaġ bla ma għandhom ragħaj” (Mk 6:34). Għal Ġesù, dawn in-nies kienu importanti. Hu għalhekk li x’ħin sar filgħaxija, u d-dixxipli qalu lil Ġesù biex jibgħathom ħalli jmorru jsibu x’jieklu, Ġesù qalilhom: “Ma għandhomx għalfejn imorru. Agħtuhom intom x’jieklu” (Mt 14:16) Kien minħabba f’hekk li kien hemm ir-reazzjoni tad-dixxipli: “Ma għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet”.
Ara kif Ġesù jagħmel il-miraklu. L-ewwel nett, talab lid-dixxipli jagħtuh dak li għandhom. Qalilhom: “Ġibuhomli hawn” (Mt 14:18). Seta’, kieku ried, qalilhom: “dawn x’inhuma għal daqshekk nies! Żommuhom, issa naħseb jien”. Ma qalx hekk. Ħa dak li kienu lesti joffru d-dixxipli, imbagħad refa’ għajnejh lejn is-sema, berikhom, u tahom lid-dixxipli biex iqassmuhom huma lin-nies. U d-dixxipli qassmuhom lin-nies. Ma qalux: ħa nieklu aħna l-ewwel, imbagħad naraw x’jifdal u nagħtuh lin-nies. Le, id-dixxipli għamlu kif qalilhom Ġesù, u qassmuhom lin-nies. U hemmhekk indunaw li, bil-qawwa ta’ Ġesù, kellhom mhux biss biżżejjed għan-nies u għalihom, imma baqa’ żżejjed ukoll, għax ġabru tnax-il qoffa bil-bċejjeċ li kien baqa’. Hekk Ġesù jagħmel dan il-miraklu permezz tad-dixxipli tiegħu, jiġifieri jinvolvihom f’dan, anke biex huma jagħrfu li għax ma fittxewx lilhom infushom l-ewwel, imma fittxew li jaqdu lin-nies, fil-fatt kien hemm biżżejjed ikel għalihom ukoll.
Naturalment, meta qalulu lil Ġesù “Ma għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet”, kienu speċi qed jgħidulu: bilkemm għandna għalina, aħseb u ara għal dan-nies kollha! Imma Ġesù ried li joffruhomlu, biex huma stess iqassmuhom lin-nies. Kemm hi sabiħa li Ġesù ried jgħallimhom li huma għandhom ifitttxu l-ewwel mhux l-interessi tagħhom, imma l-bżonnijiet tan-nies, biex jaqdu lin-nies.
Imbagħad, ħaġa oħra li tolqotna ħafna f’din il-ġrajja hu kif Ġesù jieħu l-ftit li kienu lesti joffrulu, u minn dan il-ftit jagħmel xi ħaġa kbira għal ħafna, b’abbundanza – li jibqa’ żżejjed ukoll. Hawn ukoll tagħlima importanti li Ġesù ried jagħti lid-dixxipli, u jagħtiha lilna wkoll: li Ġesù jrid il-ftit tagħna, jekk aħna nkunu lesti li noffruhulu u li nħallu f’idejh biex minnu jagħmel ħafna ġid. F’dal-każ kien l-ikel li kellhom, il-ftit ikel; fil-każ tagħna hu l-isforz żgħir tagħna li kultant jidher insinifikanti quddiem il-bżonnijiet. Ġesù jrid dak li nistgħu nagħmlu aħna, l-isforzi dgħajfa tagħna, il-ftit tagħna; noffruhulu, biex minnu jagħmel xi ħaġa ta’ ġid għal ħafna.
Jien, ngħid għalija, din kienet ukoll l-esperjenza f’dawn is-seba’ snin bħala Isqof Awżiljarju hawnhekk f’Malta. Meta tara tant bżonnijiet tan-nies, u tant li jrid isir, tgħid: aħna nistgħu nagħmlu biss ftit. Imma jekk jien inkun lesti noffri lill-Mulej il-ftit, minnu hu jagħmel xi ħaġa ta’ ġid għal ħafna. Kienet din l-esperjenza wkoll f’din il-quddiesa li aħna nwasslu lil tant nies. Aħna noffrulu lill-Mulej il-ftit li nistgħu nagħmlu, l-isforzi tagħna li huma dgħajfa u ftit; minnhom Alla joħloq xi ħaġa ta’ ġid għal ħafna.
Nitolbuh biex dan ikun ukoll il-messaġġ sabiħ li nieħdu għal ħajjitna: li aħna, bħad-dixxipli, ma nfittxux l-ewwel lilna nfusna, imma li nkunu ta’ servizz għall-oħrajn; u lill-Mulej inkunu lesti noffrulu dak kollu possibbli, il-ftit tagħna, biex hu bil-qawwa tiegħu jagħmel xi ħaġa ta’ ġid għal ħafna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta