“Patri Elija Vella kien strument f’idejn Alla li li permezz tiegħu ħalla xmajjar kbar ta’ grazzji fuq in-nies,” qal Patri Colin Sammut, il-Provinċjal Franġiskan li mexxa ċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja ta’ Patri Elija Vella.

Fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Pawl il-Baħar dalgħodu ngħatat l-aħħar tislima lill-patri maħbub li miet fl-età ta’ 81 sena t-Tnejn li għadda. Il-quddiesa kienet iċċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna.

“Elija żera’ ż-żerriegħa tat-tama kull fejn mar. Kellu għajnejh miftuħin beraħ għas-sofferenza tan-nies, għat-tbatija li jgħaddu minnha, għall-preġudizzju li jsofru, għax f’għajnejn dawk in-nies hu kien jara lil Alla,” kompla jgħid il-Provinċjal.

Waqt l-omelija spikka r-rakkont ta’ Patri Sammut dwar is-sempliċità li biha għex Patri Elija: “Fis-sempliċità ta’ Patri Elija naraw il-kobor ta’ Alla. Ried jużah għax tah il-ħajja, tah il-fidi, imbagħad tah il-ħajja Franġiskana u ħajja ministerjali.”

“L-aktar aspett importanti tal-ħajja Nisranija hi dik meta tkun umli kif kien Patri Elija,” kompla jgħid il-Provinċjal Franġiskan.

Patri Vella, kien awtur ta’ diversi kotba dwar is-sataniżmu u l-eżorċiżmu. Kien meqjus ukoll bħala wieħed mill-eżorċisti ewlenin fil-Knisja.

Qabel ma ngħata l-aħħar tislima, Patri Elija Vella kien espost għall-qima tal-pubbliku lbieraħ. Fil-fatt ittieħed mill-Isptar Mater Dei lejn San Pawl il-Baħar il-Ġimgħa fl-3.45pm.

L-ewwel il-korteo waqaf quddiem il-Knisja ta’ Burmarrad fejn sar talb u tberik tat-tebut mill-kappillan u l-patrijiet tal-komunità tal-lokal. Wara kien hemm waqfa quddiem il-knisja tal-Qawra fejn ukoll sar talb u tberik mill-kappillan tal-Qawra u l-patrijiet tal-komunità. Għall-ħabta tal-5.30pm, il-korteo wasal ħdejn iċ-ċentru tal-MUSEUM ta’ San Pawl il-Baħar, fejn bis-sehem tal-patrijiet, fratelli u abbatini lejn il-Knisja parrokkjali, sar talb ieħor.

It-tebut imbagħad tpoġġa fil-Kappella tal-Kurċifiss fejn kien espost u fis-6pm saret quddiesa mmexxija mill-Kappillan ta’ San Pawl il-Baħar, Joseph Mamo, bis-sehem tal-Kor Parrokkjali Marija Addoloarata.

Dalgħodu, fis-7.30am il-komunità tal-patrijiet inġabret madwar it-tebut fil-Kappella tal-Kurċifiss fejn sar talb, qabel ma l-korteo wassal it-tebut ta’ Patri Elija fil-Knisja Parrokjali ta’ San Pawl il-Baħar bis-sehem tal-Banda San Pawl ta’ San Pawl il-Baħar fid-9.30am. Il-quddiesa kienet segwita bid-difna fil-kappella taċ-ċimiterju tal-parroċċa b’kant mill-membri tal-Moviment Kariżmatiku.

Sors: Newsbook Malta