L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Ġesù jsemmi waħda mill-karatteristiċi prinċipali tagħna bħala Nsara – il-maħfra – u jgħid li għandna naħfru dejjem, u li għandna niftakru li kif Alla jaħfer lilna, hekk għandna naħfru aħna lill-oħrajn.
Hu diffiċli li taħfer. Pietru, fl-Evanġelju tal-lum, ħaseb li se jkun ġeneruż meta lil Ġesù qallu: Mulej, xi kemm-il darba rrid naħfer? Sa seba’ darbiet? Ħaseb li qed jgħidlu ħafna. U Ġesù wieġbu: Mhux sa seba’ darbiet imma sa 77 darba. Jiġifieri, espressjoni li tfisser: bla limitu. Għandek taħfer dejjem. Dak hu li jrid minna Ġesù, lilna bħala Nsara. Diffiċli taħfer mhux biss f’ċirkustanzi partikulari tal-ħajja, imma kultant anke fil-ħajja ta’ kuljum, meta tiltaqa’ ma’ esperjenzi iebsa. Pereżempju, xi ħadd li ppruvajt taqdih, u tisma’ li qed jgħid kontrik; xi ħadd li fdajtu, u tħoss li jkun lagħbek minn wara dahrek; xi ħadd li għamiltlu l-ġid, u tħoss li pattielek bid-deni. Diffiċli, u tħoss meta tgħaddi minn esperjenza bħal din!
Diffiċli taħfer mhux biss f’ċirkustanzi partikulari tal-ħajja, imma kultant anke fil-ħajja ta’ kuljum, meta tiltaqa’ ma’ esperjenzi iebsa.
Imma – hawn kultant li niżbaljaw aħna – il-maħfra mhijiex qiegħda f’li tħoss imma f’li tagħżel, fid-deċiżjoni tiegħek. Dik hi l-maħfra: li int, anke jekk tħoss, tagħżel li ma tpattix deni b’deni, li ma tagħmilx vendikazzjoni, li ma żżommx f’qalbek, li tipprova tagħmel il-ġid anke lil min naqsek. Hija deċiżjoni. Jista’ jkun li int tgħid: taf x’qed inħoss jien? Imma minkejja dak li nħoss – mhux għax qed inħossni tajjeb, imma minkejja dak li nħoss – nagħżel li naħfer.
Il-maħfra ma tfissirx li int ma taħdimx għal dak li hu sewwa, għall-ġustizzja. Ħa nsemmi eżempju: il-vjolenza domestika fid-djar, fil-familji. Ma tistax tgħid: jien naħfer, allura nkompli nsofri l-vjolenza u l-abbuż minn ħaddieħor. Għandek taħdem biex tneħħi l-abbuż, għandek taħdem biex tieqaf il-vjolenza domestika. Ma tfissirx li ma taħfirx. Il-maħfra tfisser li taħdem ukoll għal dak li hu ġust, u tkompli taħdem għal dak li hu sewwa, imma mhux li tagħmel vendikazzjoni.
Ġesù hawnhekk jgħidilna xi ħaġa oħra importanti permezz ta’ din il-parabbola. Jgħid: ftakru kif Alla jaħfer lilkom: Alla jaħfrilkom ħafna, mela intom aħfru wkoll. Għalhekk jagħmel dak il-paragun bejn dak ir-raġel li kellu d-dejn ta’ għaxart elef talent mas-sultan, u s-sultan ħafirlu; imma mbagħad dan ma kienx lest li jaħfer lill-ieħor li kellu jagħtih mitt dinar. Id-differenza hi enormi: għaxart elef talent hi somma kbira ħafna ħdejn mitt dinar. Il-messaġġ ta’ Ġesù hu: ftakru kemm Alla jaħfrilkom, intom ukoll għandkom taħfru lill-oħrajn.
Il-maħfra tfisser li int tgħix iktar u iktar ħieles, ma tkun priġunier ta’ ħadd.
Nindunaw, bħal ħafna affarijiet oħra fil-ħajja tagħna, li meta nimxu kif qalilna Ġesù, aħna mmorru aħjar, aħna ngħixu aktar fil-paċi. Għax il-maħfra tfisser li int tgħix iktar u iktar ħieles, ma tkun priġunier ta’ ħadd. Ġieli jkun hemm każijiet, pereżempju fil-familji, meta tiġri xi ħaġa u wieħed jibqa’ s-snin b’esperjenza kerha, u ma tħallihx jgħix fil-paċi, qisu mblukkat. Il-maħfra tgħinna biex aħna ngħixu tassew ħielsa, kif iridna l-Mulej.
Nitolbuh f’din il-quddiesa, ispirati minn din il-kelma tiegħu, biex aħna dejjem naħfru, ma npattux deni b’deni, ma nagħmlux vendikazzjoni; u li nitolbu kuljum dik it-talb – imma ngħixuha tassew – “aħfrilna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina”.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju