L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

L-Evanġelju li għadna kemm qrajna huwa Evanġelju li forsi wieħed jgħid: imma dan huwa l-Evanġelju li naqraw l-għada tal-Milied? Jintagħżel minħabba l-festa ta’ San Stiefnu li kien l-ewwel dixxiplu li jagħti ħajtu għall-istqarrija tal-fidi tiegħu f’Ġesù.

Huwa wieħed mid-djakni magħżula biex ikun qaddej tal-komunità imma l-ispirtu tal-Mulej kien fuq Stiefnu biex ukoll ixandar il-Kelma. Fil-fatt jagħti xhieda sabiħa li Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla. Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Għal dawn il-kliem il-Lhud li ma kinux għadhom laqgħu lil Ġesù, ma jifilħux għal din il-kelma, u jiddeċiedu li qed jidgħi u jiddeċiedu li joħorġuh minn Ġerusalemm u jħaġġruh.

Min imur l-Art Imqaddsa, min imur Ġerusalemm jara wkoll il-post fejn ħaġġru lil Stiefnu ’l barra mill-belt ta’ Ġerusalemm. Hija knisja f’idejn ħutna l-Ortodossi Griegi u mhux ’il bogħod anke qabel taqsam il-wied tal-Kedron biex tmur lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. Hemmhekk ħaġġru lil Stiefnu.

Stiefnu, bħall-Mulej tiegħu, hu u jmut, jitlob lil Alla biex jaħfer lil min qatlu. Ġesù, fuq is-salib, lill-Missier jgħidlu: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq 23:34). U Stiefnu jagħmel l-istess. Il-martirju ta’ Stiefnu jsegwi ħafna wkoll il-passjoni ta’ Ġesù fis-sens li jintelaq f’idejn Alla u ħin minnhom l-aħħar kelmiet tiegħu, bħalma kien fil-każ tal-Mulej Ġesù, jgħidlu: “Jiena nintelaq f’idejk” (ara Atti 7:59).

San Ġorġ Preca bħal-lum xtaq li s-soċji tiegħu jaqraw ittra li Dun Ġorġ stess kien kiteb lill-poplu Malti. Fil-fatt din l-ittra semmieha ‘Ittra Popolari fuq il-Manswetudni’. Il-manswetudni hija dik il-qawwa, mhux ċkejkna, li biha l-Mulej jgħinna naħfru lil min għamlilna d-deni, naħfru lil min għamlilna xi ħsara, naħfru lill-għedewwa tagħna.

Fil-fatt, anke l-Knisja stess fit-talba tal-festa tal-lum titlob li aħna nitgħallmu wkoll inħobbu l-għedewwa kif talab San Stiefnu għal dawk li ħaqruh. Anke l-Knisja titlob din il-grazzja fuq kull wieħed u waħda minna li aħna nitgħallmu nħobbu l-għedewwa. Mhux faċli, ħadd mhu qed jgħid li faċli. Imma din hija l-kelma li tana Ġesù: ħobbu lill-għedewwa tagħkom.

Tgħiduli, imma kemm hu iebes dan il-kliem? Forsi aħna nisimgħuh ukoll fil-festa ta’ San Stiefnu biex nifhmu li l-Milied mhuwiex li inti tkun OK ma’ min iħobbok u ma’ min tkun komdu, imma l-Milied huwa wkoll li inti taħdem fuqek innifsek biex fis-sena l-ġdida tkun strument ta’ maħfra u rikonċiljazzjoni.

Ma ninsewx li l-Mulej, meta għallimna t-talba tiegħu, għallimna ngħidu hekk: “Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12). Din hija l-festa fejn aħna nieħdu dan il-vers tal-Missierna u naraw fiex aħna fih. Għax aħna għandna bżonn li Alla jaħfrilna. Kemm jaħfrilna malajr u bil-qalb jekk aħna naħfru lil xulxin.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 6: 8-10; 7:54-59
Salm: 30
Evanġelju: Mt 10: 17-22

More Photos >>