L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ħafna drabi staqsejt lili nnifsi: imma dawn it-tliet kelmiet ta’ Ġesù dwar l-iżball tad-dinja, xi jfissru eżattament? Għax il-Mulej jgħid li meta jiġi l-Ispirtu s-Santu, meta jingħata l-Ispirtu s-Santu jipperswadina dwar l-ideat żbaljati li għandha d-dinja dwar tliet affarijiet. U rrid nammetti li ħafna drabi ninduna li anke jien naqa’ f’dan l-iżball għax qiegħed fid-dinja u kultant nittieħed mill-ispirtu tad-dinja.

L-Ispirtu s-Santu “juri lid-dinja li għandha żball dwar id-dnub, il-ġustizzja u l-ġudizzju” (Ġw 16:8). U l-mistoqsija hi: imma eżattament fejn u kif? U rridu nammettu wkoll li trid naqra ħsieb biex tifhem eżattament ir-risposta t-tajba x’inhi u għaliex Ġesù jgħid li l-Ispirtu s-Santu se jgħallimna fejn hu l-iżball. Ovvjament se jgħidilna fejn hu l-iżball għax se jurina l-verità.

Għal Ġesù l-ikbar dnub hu li ma taċċettahx bħala s-salvatur tiegħek. Ħafna drabi meta naħsbu fid-dnub nieqfu fil-ftietaq li ġejjin mid-dgħufija tagħna – mhux qed ngħid mhumiex dnubiet – jew fl-affarijet li jfixkluna matul il-ġurnata u ninsew li s-Salm jgħid li l-bniedem ġust jaqa’ seba’ darbiet kuljum, aħseb u ara aħna li m’aħniex ġusti!

Imma hemm id-dnub fundamentali li lejh iħares Ġesù u li jikkorrispondi għall-mistoqsija li jħobb jagħmel il-Papa Franġisku: imma inti lil Alla għandek bżonnu? Jew qed tgħix qisek Alla ma jeżistix? Jew jekk jeżisti inti oqgħod hemm u jien inkompli bl-affarijiet tiegħi, m’għandix bżonnok.

Għaliex li temmen f’Ġesù hu fuq kollox li temmen ukoll min bagħtu, ħaġa li jgħidha hu stess: li tilqa’ lil Ġesù tilqa’ lill-Missier li batu, li kontinwamet tirrealizza kemm għandna bżonnu. “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn” (Ġw 15:5). U allura t-talba sabiħa li għallimna San Ġorġ Preca, għeżiez saċerdoti ġodda, tinsewhiex din, irrepetuha jek jogħġobkom lin-nies: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’.

Illum hawn il-moda tat-tattoo, mhux qed ngħidlek nagħmlu tattoo ‘Sinjur Alla jiena għandi bżonnok’, imma almenu kieku nwaħħluha fuq il-qurriegħa ta’ rasna din it-talba: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok!’

It-tieni żball hi dwar il-ġustizzja. Tgħidli l-ġustizzja? U xi tfisser ir-risposta li jagħti Ġesù li: “Jiena sejjer għand il-Missier u intom m’intomx se tarawni iżjed” (Ġw 16:10). Imma xi tfisser din il-ħaġa li aħna niċċelebraw il-Ħadd li ġej b’Lapsi, bi tlugħ is-sema tal-Mulej, il-glorifikazzjoni tiegħu? X’għandha x’taqsam mal-ġustizzja? Għax fil-ġustizzja kif jifhimha Ġesù sseħħ il-fedeltà kollha ta’ Alla. Il-ġustizzja mhix xi ħaġa li għandi jien. Il-ġustizzja hi l-fedeltà ta’ Alla bil-mod kif iħobbna. U allura f’dan il-misteru kbir li l-Mulej imur għand il-Missier, aħna ma nibqgħux narawh iżjed għax itemm il-missjoni tiegħu fuq l-art. 

Hemm ukoll imma r-risposta ta’ Alla li hi risposta ta’ mħabba u ta’ fedeltà. Lil Ibnu ma ħellsux mill-mewt imma gglorifikah u l-Mulej – għax dan li se niċċelebraw il-Ħadd li ġej meta niċċelebraw it-tlugħ is-sema tal-Mulej – ma telaqx minn magħna. Aħna veru ma narawhx iżjed imma t-tlugħ is-sema tal-Mulej huwa l-mod kif aħna niċċelebraw li huwa Alla magħna. “Jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien.” Din hija l-kelma ta’ Ġesù u din hija l-ġustizzja tiegħu, il-fedeltà tiegħu.

Il-preżenza ta’ Ġesù mhix preżenza bħalma għamel dawk it-33 sena fostna, hi fl-Ispirtu s-Santu u l-Ispirtu s-Santu jipperswadina fuq din il-ġustizzja ta’ Alla, li Alla hu magħna dejjem. Alla hu Yeshua, Salvatur, hu Ghimmanu-El, Alla magħna.

It-tielet fuq il-ġudizzju. Aħna mwerwrin li se jkollna ġudizzju ħażin. Nitolbu ’l Alla jeħlishielna. Hemm talba skandaluża ta’ Dun Ġorġ: ‘Sinjur Alla, aħfirli qabel tiġġudikani’. Talba sabiħa dik għax jekk ħfirtlek, issa ma nistax nikkundannak. La ħfirtlek issa daqshekk, checkmate! Aħfirli qabel, l-ewwel aħfirli imbagħad iġġudikani, nagħmlu l-kontijiet wara. Issa ħfirtlek kollox, ħabib, m’għandek xejn xi tħallas. Aħfirli qabel tiġġudikani. Ovvjament jiddependi minni li ngħidhielu dik it-talba.

Imma l-ġustizzja prinċipali hi dik li aħna mwerwrin li x-xitan għandu xi qawwa. lx-xitan għandu qawwa kemm nagħtuh aħna, kemm irridu aħna. Il-prinċep ta’ did-dinja hu ġa kkundannat. Mhux qed ngħidu ma jeżistix jew ma toqgħodx attent minnu għax il-Mulej stess għallimna nitolbu: “iddaħħalniex fit-tiġrib u eħlisna mid-deni, mill-ħażen u mill-ħażin.” Eħlisna, eħlisna.

U l-Knisja anke bil-qawwa tal-qrar teħlisna mill-qawwa tal-ħażen fuqna. Imma dan hu l-ġudizzju sabiħ: il-ġudizzju tal-ħniena ta’ Alla fuqi u l-kundanna ta’ dak li fis-suppervja qal: jiena lil Alla ma naqdihx. U fil-fatt hu l-konklużjoni tal-konfront fil-bidu tal-Evanġelju ta’ San Mark ix-xitan permezz ta’ bniedem mxajtan lil Ġesù jgħidlu: “Jiena naf min int. Int il-qaddis ta’ Alla ġejt biex teqridna?” Ir-risposta hi ‘iva’. Dak hu l-ġudizzju tal-qawwa ta’ Alla li aħna qegħdin niċċelebraw.

Għeżież saċerdoti ġodda, jiena nafdakom f’dan il-misteru kbir ta’ verità u ħelsien li jgħarrafna bih l-Ispirtu qaddis tal-Mulej. U jekk tgħaqqadhom kollha kemm huma tista’ tagħsarhom f’kelma waħda: il-ħniena. Bħalma jgħidi il-Papa Franġisku: il-ħniena hu l-isem ta’ Alla. Kunu ministri tal-isem ta’ Alla billi twasslu l-ħniena, tipperswadu lid-dinja mid-dnub, tipperswaduha dwar il-fedeltà u l-ġustizzja ta’ Alla u mix-xitan tibżgħux għax intom qaddejja li teħilsu l-poplu mill-ħakma tiegħu imma oqgħodu attenti mill-inganni. Kunu umli u intom li issa qegħdin tqarru, tinsewx tqerru.

Illum nixtieq li t-talb tagħna jinġabar f’talba lill-Madonna biex tipproteġi ’l dawn is-saċerdoti ġodda tagħna u ngħidulha tliet Ave Marijiet lill-Madonna taħt it-titlu sabiħ tal-Madonna tal-Għar.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 16:22-34
Salm: 137 (138):1-2a,2bċ-3,7ċ-8
L-Evanġelju: Ġw 16:5-11