Fondazzjoni Suret il-Bniedem, stabbilita mill-Kapuċċini fl-1999, illum is-Sibt 26 ta’ Ottubru bi kburija qed tfakkar il-25 anniversarju tagħha, filwaqt li tirrifletti fuq kwart ta’ seklu ta’ servizz iddedikat lill-individwi li qed jesperjenzaw sitwazzjoni li waslithom bla dar f’Malta.

Iggwidata mill-valuri ewlenin tal-kompassjoni, id-dinjità, u l-appoġġ għall-emarġinati, il-Fondazzjoni mhux biss ipprovdiet kenn iżda ħadmet ukoll bla heda biex terġa’ tagħti t-tama u d-dinjità lil dawk fil-bżonn.

Fi stqarrija ntqal li sspirata mit-tagħlim ta’ San Franġisk t’Assisi, Fondazzjoni Suret il-Bniedem inħolqot biex tindirizza l-persuni mingħajr dar b’approċċ ħolistiku.

“Il-missjoni tagħna hija li nagħtu s-setgħa lill-individwi biex jerġgħu jibnu ħajjithom, billi noffru mhux biss saqaf fuq rashom iżda mogħdijiet personalizzati għar-riintegrazzjoni fis-soċjetà,” tgħid l-istqarrija ffirmata mill-Maniġer Ġenerali tal-Fondazzjoni Sarah Bondin.

Intqal li matul l-aħħar 25 sena, l-organizzazzjoni għenet aktar minn 2,000 individwu, u li rċeviet 281 referenza fl-aħħar sena biss.

Il-Fondazzjoni tenfasizza li l-persuni mingħajr dar hija kwistjoni multidimensjonali, li ħafna drabi ġejja minn instabbiltà finanzjarja, tfixkil fil-familja, sfidi tas-saħħa mentali, u mard.

Studji ta’ diversi każijiet jenfasizzaw l-impatt profond tas-servizzi tal-Fondazzjoni. B’eżempji, individwu li tħabat ma’ abbuż ta’ sustanzi u kwistjonijiet ta’ saħħa mentali, sab it-tama f’Dar Victoria, fejn pjan ta’ kura apposta ppermettielu jerġa’ jikseb l-indipendenza. “Il-vjaġġ tiegħu jenfasizza l-importanza tal-appoġġ tal-familja u r-riżorsi tal-komunità biex jegħlbu l-avversità,” irrimarkat l-istqarrija.

Persuna oħra, li hija omm ta’ 30 sena, iffaċċjat sfidi sinifikanti wara vjolenza domestika u ġlidiet għas-saħħa mentali. B’appoġġ estensiv mill-Fondazzjoni, hija kisbet b’suċċess impjieg u akkomodazzjoni stabbli għaliha u għal binha, u wriet ir-reżiljenza u l-qawwa trasformattiva tal-assistenza komunitarja.

Biex issostni l-ħames faċilitajiet residenzjali tagħha, il-Fondazzjoni kienet teħtieġ madwar €1.25 miljun fl-2023, appoġġjati mill-Ministeru għall-Politika Soċjali, il-Ministeru għas-Saħħa, u diversi donaturi.

Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Dr Marique Sciberras esprimiet ottimiżmu għall-ġejjieni, u qalet li “niċċelebraw 25 sena huwa mument profond għalina lkoll. Il-missjoni tagħna hija ċara: ħadd m’għandu jitħalla mingħajr dar jew tama”.

Il-Fondazzjoni se tkompli tadatta s-servizzi tagħha biex tissodisfa l-ħtiġijiet tas-soċjetà li qed jinbidlu, tappoġġja lill-emarġinati u taħdem mill-qrib mal-partijiet interessati biex ittejjeb il-kura u l-appoġġ għal dawk li qed jiffaċċjaw bla dar.

Hekk kif il-Fondazzjoni Suret il-Bniedem tħares ‘il quddiem, l-impenn tagħha li tipprovdi kenn sigur għal individwi vulnerabbli jibqa’ sod, immexxi mill-istejjer ta’ ispirazzjoni ta’ trasformazzjoni li seħħew matul l-aħħar kwart ta’ seklu.

F’intervista fuq What’s on Newsbook, il-Viċi Chairperson tal-Fondazzjoni Suret il-Bniedem Fr Elmar qal li fl-ewwel sena tiegħu bħala Kappuċċin, li kien għadu biss kemm beda l-esperjenza ta’ patri, kien imur f’grupp ta’ tlieta u jmorru fid-Dar Victoria fil-Marsa u jagħmlu esperjenza ma’ dawn in-nies.

Stqarr li jaf b’nies li ilhom f’Dar Victoria minn dak iż-żmien, hekk kif esprima ruħu li hi ta’ sodisfazzjoni kbir li jagħti l-appoġġ tiegħu lil dawn in-nies.

Ftakar fl-esperjenza li kellu ma’ raġel Taljan li mar jieħu kaxxa pasti lill-Dar Patri Leopaldo għax għandu kumpanija tal-ħelu, u stqarr ma’ Fr Elmar li jibqa’ leali lejn din id-Dar għax darba kien fi ħdanha hu wkoll.

Fr Elmar qal li bla dubju din hija storja ta’ suċċess għax mhux biss ma baqax mingħajr dar u fil-kundizzjoni li waslitu biex ikun bla dar, imma illum, dan it-Taljan huwa raġel stabbilit.

Tista’ ssib iktar informazzjoni dwar il-fondazzjoni hawnhekk: www.suretilbniedem.com

By Maria Daniela Camilleri

Sors: Newsbook Malta