L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Tahom qawwa u setgħa” (Lq 9:1). Fl-Evanġelju skont San Luqa, meta Ġesù jsejjaħ lit-tnax madwaru, l-Evanġelju jgħidilna li “tahom qawwa u setgħa”. Kien hu li sejħilhom, kien hu li tahom qawwa u setgħa, kien hu li bagħathom imbagħad ixandru s-Saltna ta’ Alla, ifejqu l-morda, ikeċċu x-xjaten.
Minnu ġejja l-qawwa
Hawn diġà għandna messaġġ tassew importanti għalina lkoll li naħdmu fi ħdan il-Knisja għalikom li intom operaturi pastorali f’diversi oqsma ta’ din il-parroċċa tal-Iklin. Irridu niftakru li hu Alla li sejħilna, huwa hu li jagħtina l-qawwa u s-setgħa, hu li jibgħatna f’din il-missjoni ta’ ħidma fi ħdan il-komunità. Jekk aħna nżommu dan f’moħħna u f’qalbna matul din is-sena pastorali li qed nibdew, diġà ħafna. Meta niftakru li aħna mhux sempliċiment qed noħolqu inizjattivi aħna nfusna jew immexxu ’l quddiem ħidma li togħġobna, imma qed inwieġbu għas-sejħa tiegħu, u għalhekk li dak li nagħmlu nagħmluh bil-qawwa tiegħu, hemmhekk ikollna l-grazzja li naħdmu fit-triq it-tajba.
Għalhekk l-ewwel messaġġ għalina lkoll hu li dejjem niftakru li mill-Mulej tiġina s-sejħa, minnu l-qawwa u s-setgħa, minnu wkoll id-direzzjoni għall-ħidma tagħna għax hu li jibgħatna f’din il-missjoni. Iktar ma aħna niftakru li qed nikkollaboraw ma’ Alla f’ħidma li hi tiegħu u li tibqa’ tiegħu, isbaħ tkun il-ħidma tagħna. Tkun magħmula għall-glorja tiegħu, bl-ispirtu tiegħu, u għall-ġid tal-oħrajn bl-istess imħabba li għallimna u li wriena hu.
Ħidma ħielsa minn dak li jxekkilha
Ġesù fl-Evanġelju jgħid lid-dixxipli: “Tieħdu xejn magħkom fit-triq, la ħatar, la ħorġa, la ħobż u lanqas flus…” (Lq 9:3). Hawnhekk qed jinsisti li l-ħidma tagħna ma għandhiex tkun marbuta ma’ dak li jista’ jxekkilha, imma tkun magħmula bil-libertà li jagħtina Alla.
Għalhekk, la mxekkla minn affarijiet materjali jew magħmula bi skop li niksbu xi ħaġa; la mxekkla minn persuni, jiġifieri li nkun irrid naħdem biss ma’ min naqbel f’kollox miegħu, ma’ min hu simpatiku jew simpatika għalija; u lanqas imxekkla mill-ħerqa ta’ suċċess immedjat fil-ħidma tagħna, jiġifieri li rridu naraw mal-ewwel il-frott tal-ħidma tagħna.
Irridu niftakru li ħafna drabi, il-ħidma tagħna aktar tixbah lil min jiżra’ milli min jaqta’ l-frott ta’ dak li jkun żera’. Għalhekk infittxu li niżirgħu żerriegħa tajba, li nagħmlu kollox sew u kif jixraq, bil-fiduċja f’Alla li huwa hu li jkabbar, hu li joħroġ il-frott mill-ħidma tagħna.
Ħielsa mill-qerq u l-gideb
Fis-Salm tlabna: “Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek, Mulej” (Salm 119:105), u tlabna wkoll: “Biegħed minni triq il-gideb… il-qerq nobogħdu u nistkerrħu (Salm 109:29.163). Hekk smajna wkoll fl-Ewwel Qari, mill-Ktieb tal-Proverbji: “Biegħed minni l-qerq u l-gideb” (Prov 30:8) Fil-fatt, meta Ġesù jibgħat lit-tnax, l-Evanġelju jgħid li “tahom qawwa u s-setgħa fuq ix-xjaten kollha”.
Issa aħna kultant din nifhmu biha l-qawwa kontra l-preżenza ta’ xitan f’persuna. Jeżistu każijiet ta’ possessjoni li tirrikjedi eżorċiżmu, imma dawn huma rari. Ix-xitan l-aktar li jaħdem hu minn taħt, proprju bil-qerq u l-gideb. Hekk naraw fil-Ktieb tal-Ġenesi stess, meta l-ewwel ħidma tax-xitan li naqraw fuqha hija dik li jqarraq.
Għalhekk it-talba: “biegħed minni l-qerq u l-gideb” l-ewwel nett għalina nfusna li naħdmu fi ħdan il-Knisja. Nitolbu lill-Mulej: tħalliniex inkunu mqarrqa f’dak li naħsbu, f’dak li ngħidu, f’dak li nagħmlu. U tħalliniex li nqarrqu b’ħaddieħor. Għinna biex ngħinu lin-nies ibiegħdu minnhom il-qerq u l-gideb.
Din hija ta’ importanza partikulari fi żmienna għax illum, fuq il-medja soċjali, issib diversi nies li jiktbu mal-ewwel dak li jħossu, dak li jiġihom f’moħħhom, u kultant ikunu mqarrqa huma f’dak li jiktbu, u jqarrqu b’ħaddieħor, u jxerrdu l-qerq. Dan hu fenomenu mifrux fi żmienna. Qabel konna ngħidu: aħseb u mbagħad ikteb; illum diversi nies jaqbdu u jiktbu, imbagħad forsi jaħsbu!
Nistedinkom anke fl-istess ħajja tal-Knisja, fuq dak li jikkonċerna l-Knisja, biex tagħmlu attenzjoni għal dan. L-ewwel reazzjoni tagħna meta nisimgħu xi ħaġa li tikkonċerna l-Knisja għandha tkun: ħa nistaqsi, ħa ngħarbel, ħa nara fejn qiegħda l-verità, qabel nitkellem u nikteb. Għandna noqogħdu attenti aħna, u ngħinu lin-nies joqogħdu attenti. Il-kelma ta’ Alla hija l-fanal li jmexxina fit-triq it-tajba.
Kull ħidma għandha valur
Nitolbu lill-Mulej biex ibierek il-ħidma ta’ kull wieħed u waħda minna fi ħdan din il-parroċċa. Irridu niftakru li kull ħidma għandha valur, kull ħidma hija prezzjuża, kemm dik li tidher kif ukoll dik li ma tantx tidher imma hi preżenti fi ħdan il-komunità. Għandna nuru dejjem apprezzament għal kull ħidma.
Nitolbu lill-Mulej biex inkunu dejjem imdawlin bil-kelma tiegħu, ħalli dejjem inżommu f’moħħna u f’qalbna li l-qawwa u s-setgħa ġejjin mingħandu, li l-ħidma tagħna tkun tajba meta ħielsa minn dak li jxekkilha, u li l-kelma tiegħu tgħinna nkunu ħielsa mill-qerq u l-gideb f’dak kollu li nagħmlu fi ħdan il-komunità.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta