Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal issiġilla ftehim ieħor mal-Fondazzjoni Caritas, bi ftehim li jlaħħaq l-€4.2 miljun. Dan l-investiment se jkun qed iwassal biex jitmexxa l-proġett New Hope, li jgħin persuni jegħlbu diffikultajiet b’rabta mal-użu tad-droga.
Il-proġett New Hope se jkun qed jipprovdi programmi ta’ rijabilitazzjoni, għall-irġiel u n-nisa rispettivament f’San Blas. Dan il-ftehim mifrux fuq medda ta’ tliet snin, hu mħejji biex jagħti sapport lill-klijenti u sens ta’ empowerment, li jwassalhom biex jerġgħu jintegraw lura fis-soċjetà.
Il-ftehim finanzjarju maqbul, se jkun qed jiggarantixxi l-użu ta’ 42 sodda u sessjonijiet terapewtiċi ta’ 7,500 siegħa fis-sena.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru Michael Falzon. Fl-aħħar ħames snin il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal ħadem mill-qrib mal-Caritas, fosthom fit-tmexxija taċ-Ċentru tal-Ibwar u ta’ Dar Charles Miceli.