L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
L-Evanġelju ta’ San Mark ipoġġi r-rakkont tat-Trasfigurazzjoni, li qegħdin niċċelebraw illum, propju f’nofs l-Evanġelju. Huwa l-iqsar Evanġelju li nkiteb b’16-il kapitlu. F’kapitlu 8 San Mark ipoġġi din l-esperjenza straordinarja ta’ Ġesù li jixduha biss tlieta mid-dixxipli tiegħu, it-tliet magħżulin.
L-Evanġelju ta’ San Mark jibda bil-magħmudija ta’ Ġesù u fih ma nsibux ir-rakkont tat-twelid u tat-tfulija ta’ Ġesù. Jibda mill-ewwel bid-deċiżjoni ta’ Ġesù, il-mastrudaxxa ta’ Nazaret, li jissieħeb mal-ġgajta jitlob il-magħmudija ta’ ndiema li kien qed joffri Ġwanni l-Għammied, Ġwanni l-Battista. Għalkemm hu l-Ħaruf bla Tebgħa, li jneħħi d-dnubiet tad-dinja, jagħżel li jitħallat magħna u jieħu fuqu l-kundizzjoni tagħna ta’ midinbin.
Ġwanni qiegħed jgħammed fil-wied tal-Ġordan, wieħed mill-iżjed postijiet baxxi fuq wiċċ id-dinja li jwasslek lejn il-Baħar il-Mejjet, li huwa l-iżjed post fond fid-dinja biex donnu jgħid: ‘jiena magħkom lest immiss il-qiegħ’. Imma f’nofs l-Evanġelju, Ġesù jitla’ fuq muntanja għolja li tħares lejn għolja oħra f’Ġerusalemm: l-Għolja tal-Kalvarju. Din l-għolja — li aħna nafuha bħala l-għolja tat-Tabor u li s-Salmi jkantaw għall-ġmiel tagħha u lill-Iżrael tagħtu r-rebħa fi żmien Deborah il-Profetessa — hija l-għolja tal-ġmiel ta’ Ġesù.
Jagħżel tliet xhieda partikolari; huma wħud mill-ewwel dixxipli li sejjaħ fuq ix-xtajta tal-Għadira ta’ Ġenesaret jew il-Baħar ta’ Tiberijade. Lil Pietru, ’l Ġakbu u ’l ħuh Ġwanni jgħidilhom “ejja warajja”. Lil dawn it-tlieta kien diġà sejħilhom biex ikunu xhieda ta’ dak li għamel lil bint Ġajru, tfajla ta’ 12-il sena. Missierha Ġajru, wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, kien mar u nxetħet għarkupptejh quddiem l-Imgħallem jgħidlu: “Binti marida, qiegħda tmut, ejja fejjaqha” (ara Mt 9:18). Fi triqtu jiltaqa’ ma’ mara li kienet ilha snin twal tbati ħafna bit-tnixxiegħa tad-demm, li nefqet kollox biex tipprova tfieq u ma rnexxilhiex, tmiss it-tarf tal-libsa ta’ Ġesù u tfieq għax misset it-tarf tal-mantar tiegħu. Ġesù jkompli sejjer u mbagħad jidħol fid-dar li ormaj hija dar tan-niket, dar tal-ilfieq, tal-biki, tad-dulur għax it-tifla ta’ 12-il sena mietet. Jgħidilhom: “Dik rieqda,” u jibdew jidħku bih. “Ilkoll ’il barra” u jidħol ħdejha ma’ ommha u missierha Ġajru u mat-tliet dixxipli Pietru, Ġakbu u Ġwanni. “Qabdilha idha, u qalilha: ‘Talitha, qum!’ jiġifieri: “Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!’. Minnufih it-tfajla qamet u qabdet timxi,” u qalilhom jagħtuha tiekol (ara Mk 5:21-43).
“Rajna b’għajnejna stess il-kobor tiegħu”
It-tliet dixxipli kienu xhieda tal-qawwa ta’ Ġesù u sitt ijiem qabel din il-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni semgħu wkoll lil Ġesù jistaqsihom: “‘Min jgħidu n-nies li jien?’ Weġbuh u qalulu: ‘Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, wieħed mill-profeti.’ ‘Imma intom,’ staqsiehom, ‘intom min tgħidu li jien?’ Qabeż Pietru u qallu: ‘Inti l-Messija’” (Mk 8:27-29). Sitt ijiem wara lil dawn it-tlieta jtellagħhom miegħu fuq l-għolja tat-Tabo, waqt li qed jitlob, “wiċċu jsir jiddi bħax-xemx, ilbiesu abjad bħad-dawl” (Mt 17:2). Kemm hija ħaġa sabiħa li aħna nifhmu li huwa diffiċli ħafna għall-evanġelisti jispjegaw din l-esperjenza. “Ilbiesu,” jgħidilna San Mark, “sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb, ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib ħwejjeġ bojod daqshekk” (Mk 9:3). Fit-tieni qari tal-festa tal-lum smajna lil San Pietru jispjega x’kienet din l-esperjenza għalihom: “Aħna ma konniex qegħdin nibnu fuq ħrejjef maħluqa minn moħħna meta għarrafniekom dwar il-qawwa ta’ Sidna Ġesù Kristu dwar il-miġja tiegħu, rajna b’għajnejna aħna stess il-kobor tiegħu meta hu ħa minn għand Alla l-Missier ġieħ u sebħ” (2 Pt 1:16).
Ejjew niflu ftit xi kliem juża San Pietru, wieħed mix-xhieda tat-Trasfigurazzjoni, biex jipprova jispjega din l-esperjenza. “Aħna rajna l-qawwa ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-essenza tal-miġja tiegħu, rajna b’għajnejna stess il-kobor tiegħu, is-sebħ u l-ġieħ mogħti lilu mill-Missier” (2 Pt 1:16-17). Dawn huma kliem li jippruvaw jiġbru l-esperjenza tat-Trasfigurazzjoni. Ma’ Ġesù jidhru r-rappreżentanti ta’ dak kollu li huwa l-Kelma ta’ Alla lill-poplu tiegħu, il-Liġi u l-Profeti: Mosè u Elija.
Aktar ’il quddiem Ġesù stess jinsisti — u jirrepeti wkoll l-Appostlu Misierna — li l-qofol tal-Liġi u l-Profeti, li jirrappreżentawhom Mosè u Elija, huwa l-kmandament tal-imħabba. Meta nħarsu lejn ix-xena tat-Trasfigurazzjoni, nistgħu ngħidu li naraw is-sintesi tal-Kelma ta’ Alla għalina: il-Liġi u l-Profeti li qed jiddjalogaw ma’ dak li huwa l-imħabba magħmul bniedem, l-Iben ta’ Alla. Huwa għalhekk li fit-tmiem tar-rakkont tal-lum Ġesù, quddiem ix-xhieda magħżula, jinstab waħdu. Mosè u Elija m’għadhomx jidhru. Huma li kienu beżgħanin quddiem din l-esperjenza, iħossu lil Ġesù magħhom. Imma jsibu lilu għax min għandu lil Ġesù għandu kollox u m’għandu bżonn l-ebda ċavetta oħra biex jifhem ir-realtà u jgawdi l-ħajja ta’ nies.
Hu ried jagħtihom sinjal tal-qawwa tiegħu u mhux biss fuq il-mewt għal ftit.
Imma għaliex kien hemm bżonn din l-esperjenza? Għaliex Ġesù ried li bħala xhieda tal-glorja tiegħu li tiddi fil-ġisem tiegħu ta’ bniedem, ikollu mhux biss ix-xhieda tal-Antik Testment, jiġifieri lil Mosè u Elija, imma wkoll lit-tliet dixxipli. Hu ried jagħtihom sinjal tal-qawwa tiegħu u mhux biss fuq il-mewt għal ftit. Wara kollox it-tifla ta’ Ġajru veru mietet u Ġesù reġġagħha lura mill-mewt, imma eventwalment xi darba din mietet ukoll.
Ir-rakkont tal-Evanġelju ta’ San Mark jibda mill-fondoq tal-wied tal-Ġordan u jħares lejn il-qabar vojt. Imma mill-Għolja tat-Tabor iħares ukoll lejn l-Għolja tal-Kalvarju. Għandna l-wied tal-Ġordan, il-qabar fil-ġnien, il-qabar ġdid li ħadd ma kien indifen fih, u bejn dawn iż-żewġ abbissi — l-abbiss tal-umiljazzjoni tad-dnub u l-abbiss tal-mewt —hemm ż-żewġ għoljiet: it-Tabor u l-Kalvarju. Għax il-Kalvarju ma jagħmilx sens mingħajr it-Tabor u t-Tabor ma jagħmilx sens mingħajr il-Kalvarju.
San Ljun il-Kbir jgħid: “Ġesù kellu bżonn ineħħi mis-salib in-niggieża tal-iskandlu”. Hu għalhekk quddiem xhieda magħżula huwa wera l-glorja tiegħu. Midd idu lejn dik it-tifla u fejjaqha kif midd idu lejn id-dixxipli beżgħanin biex jagħmlilhom kuraġġ. U jisimgħu leħen il-Missier mis-shaba: “Dan hu ibni l-għażiż, isimgħu lilu” (Mk 9:7). Il-kelma tal-Missier taqbel ħafna mal-kelma tal-omm għax Sidtna Marija, fit-tieġ ta’ Kana — mument ieħor fejn Ġesù juri l-glorja tiegħu lid-dixxipli — tgħidilhom: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Isimgħu l-kelma tal-omm, “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”, u isimgħu leħen il-Missier etern, “Dan hu ibni l-għażiż, isimgħu lilu”. Ovvjament aħna l-Maltin nifhmuha din għax ommijietna miċ-ċokon tagħna jgħidulna biex nisimgħu minnhom u mhux minn waħda jidħol u mill-oħra joħroġ. Mhix kwistjoni biss ta’ smigħ imma ta’ ubbidjenza. Il-glorja tal-omm hi meta l-iben jisma’ minnha, jobdiha, u jimxi fuq il-vuċi tal-imħabba tagħha.
It-tifsira tal-mewt
Ġesù jagħmel kuraġġ lid-dixxipli imma jkellimhom fuq xi ħaġa ħafna ikbar minnhom. Huma u neżlin mill-muntanja tahom ordni biex qabel ma’ Bin il-Bniedem ikun qam mill-imwiet, ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw. Imma xi tfisser din? Li tqum mill-imwiet? Xi tfisser? Huma żammew kollox moħbi imma huma wkoll bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser tqum mill-imwiet.
Minn hawn trid tibda tinseġ in-newl li jwasslek għall-ħajja ta’ dejjem. Għax il-qawmien mill-imwiet huwa dak il-bieb miftuħ fid-destin tagħna; huwa l-ġenna maħluqa għalija u għalik.
Din hija mistoqsija li aħna wkoll irridu nagħmlu fil-festa tas-Salvatur. Għaliex tkun ħasra kbira għalina jekk ngħixu ħajjitna daqslikieku li l-ħajja ta’ fuq l-art biss tgħodd; bħal donnu għandna din il-ħajja biss u allura rrid nagħmel kollox fiha u rrid inkun bilfors kuntent. Mhux qed ngħid li għandek tgħix ħajja ta’ tbatija biex imbagħad tmur il-ġenna, imma għandek tgħix ta’ nies minn issa għax inti qiegħed fl-għatba ta’ ħajja li ma tispiċċa qatt. Minn hawn trid tibda tinseġ in-newl li jwasslek għall-ħajja ta’ dejjem. Għax il-qawmien mill-imwiet huwa dak il-bieb miftuħ fid-destin tagħna; huwa l-ġenna maħluqa għalija u għalik. L-infern hu maħluq għax-Xitan u mhux għalija u għalik. Dak mhuwiex id-destin tiegħi u tiegħek. Tmur l-infern jekk trid int u mhux jekk tgħid lill-Mulej: ‘Agħtini l-grazzja li ma ninfired qatt minnek minkejja d-dnubiet tiegħi, minkejja d-dgħufija tiegħi, minkejja xi tgħaffiġa ’l hawn u ’l hemm’. Din it-talba nitolbuhielu lis-Salvatur: ‘Agħtini l-grazzja li qatt ma ninfired minnek, li jiena nħoss fuqi t-taptipa ħelwa fuq spallejja tal-id imqaddsa tiegħek li fuq it-Tabor tittajjar ’il fuq u tilqa’ l-imħabba tal-Missier imma li fuq is-salib inti ssammart għalina’.
Qabel nikkonkludi, nixtieq li ssegwu miegħi s-sunett li qed noffri din is-sena. Ispiratni dik it-taptipa tal-id ta’ Ġesù li mhux biss qajmet it-tfajla ta’ Ġajru quddiem it-tliet xhieda, imma wkoll tagħmel kuraġġ lid-dixxipli li beżgħanin quddiem il-glorja ta’ Ġesù, ikomplu jikkonfondu xi tfisser tqum mill-imwiet? Tistgħu timmaġinaw kif kienu jirrakkuntaw l-esperjenza wara li Ġesù miet il-mewta ħarxa fuq is-salib u qam rebbieħ fuq il-mewt. Kien diġà qalina meta fuq l-għolja qaddisa smajna leħen il-Missier u rajna l-glorja u l-ġieħ li ta lil ibnu.
Fuq l-għolja tat-Tabor isaltan is-sliem,
u jitla’ l-Imgħallem ifittex il-kwiet
ma’ tlieta minn sħabu jsegwu bla kliem
jiftakru fit-tfajla li radd lill-imwiet.
Fit-talba ta’ qalbu jsir kollu dija
u ħarstu ħanina tintrefa ’l fuq;
Mosè u Elija bil-ħrara mogħnija,
jitkellmu b’imħabba fuq ġrajjet it-tluq.
Il-kelma ta’ għożża tinstema’ mas-sħab
tfakkarna li l-Iben hu l-għaxqa tal-ġmiel;
It-tlieta minn sħabu jinxteħtu fit-trab;
“Tibżgħux,” u kif messhom medd idu fis-sliem.
Ġesù ħanin tagħna midd idek għalina,
erfagħna f’dis-siegħa b’dik ħarstek ħanina.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta