-
-
***
Direttur: Lawrence Sher
Atturi: Owen Wilson, Ed Helms, J.K. Simmons, Katt Williams, Terry Bradshaw, Ving Rhames, Harry Shearer, June Squibb, Christpher Walken u Glenn Close
Ħin tal-Film: 113min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Kyle u Peter Reynolds huma tewmin fraterni li jsiru jafu li missierhom bioloġiku ma kienx mejjet wara kollox. Meta kienu għadhom żgħar, ommhom, Helen Baxter, ġagħlithom jemmnu dan. Ommhom Helen fis-snin sebgħin kienet tgħix ħajja promiskwija. Din l-aħbar ħasdithom għall-aħħar. It-tnejn trabbew differenti minn xulxin: waqt li Kyle kien għamel il-flus billi kien jagħmel riklami għal kumpanija li tipproduċi żalża għal BBQs; Peter kien sar proktoloġist, divorzjat u fil-preżent kien għaddej minn żmien ħażin minħabba l-fatt li ibnu Ethan, teenager, ma kienx imur tajjeb miegħu. Peter kien iħoss li n-nuqqas ta’ missier f’ħajtu ma għenitux biex isir missier tajjeb u li ibnu jkun jista’ jifhmu aħjar. Fil-qagħda li sabu ruħhom fiha, Kyle u Peter xtaqu li jsiru jafu l-verità u min kien fil-fatt missierhom bioloġiku. Meta Peter ħaseb li kien ra lill-missieru f’episodju “Law and Order: Special Victims Unit”, Helen, waqt iż-żwieġ tagħha ma’ Gene Baxter, irrevelatilhom, li missierhom kien Terry Bradshaw, il-famuż eks futboler. Iżda meta t-tnejn marru jfittxu lil Terry, b’ritratt tiegħu m’ommhom, hu spjega li ma kienx il-każ. Kien biss ħabib kbir m’ommhom iżda daqshekk. Wara din ir-rivelazzjoni, Peter u Kyle bdew tfittxija biex jippruvaw jsibu min kien tassew missierhom. F’din it-tfittxija, waslithom biex jikxfu iktar sigrieti tal-familja l-aktar dwar ommhom u x’kienet tagħmel meta kienet għada żagħżugħa u fuq tagħha. Fost dawk li dehru li kienu kontendenti, nsibu lil Roland Hunt, li kien darba jaħdem bħala investitur finanzjarju u Dr. Walter Tinkier, veterinarju. Iżda dawn ukoll ċaħdu li qatt kien hemm mumenti ntimi m’ommhom meta huma kienu ħbieb tagħha, għalkemm għamlu sforz biex jippruvaw jiftakru x’kienu jagħmlu sewwasew f’dawk il-jiem ta’ Studio 54 fis-snin sebgħin. It-tfittxija li Kyle u Peter wettqu flimkien swiet għal xejn ghalkemm din għenithom biex isiru jafu japprezzaw aktar lil xulxin. X’jiġri minn hawn, hekk kif Helen tizvela sigriet li kienet żammet għaliha tul dawn is-snin kollha?
Film Amerikan, kummiedja taħt id-direzzjoni ta’ Lawrence Sher, u kitba ta’ Justin Malen. Minħabba xi xeni ta’ sess pervers, kliem ħażin u goff u mhux tant rafinat, kif ukoll umoriżmu bla sens u maħmuġ, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.