L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna
Ġesù jipprova jispjega lil tnejn mid-dixxipli ta’ Ġwanni l-Battista x’kien qiegħed jiġri. Il-mistoqsija tagħhom hija mistoqsija importanti. Ġwanni jixtieq ikun jaf jekk Ġesù huwiex dak li għandu jiġi, jekk Ġesù huwiex il-Messija. “Inti huwa dak li għandu jiġi jew nistennew lil ħaddieħor?” (Mt 11:3). Huwa mument ta’ għażla. Il-mistoqsija hija importanti għaliex jekk Ġesù mhuwiex dak li għandu jiġi, allura Ġwanni qed jgħid “nistennew lil ħaddieħor”. U Ġesù ma jintilifx f’ħafna diskors. Ipoġġi quddiem dawn iż-żewġ dixxipli, għaliex Ġwanni ma setax imur hu għax kien il-ħabs minħabba l-verità fuq iż-żwieġ, u jgħidilhom “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li qegħdin tisimgħu u taraw” (Mt 11:4).
Ħa niġbed l-ewwel riflessjoni. Ġesù ma jippruvax jimpressjona bil-kliem. Diversi mumenti fl-Evanġelju nsibu li hu jgħidilna: ‘ħarsu lejn l-opri, ħarsu lejn dak li qed nagħmel’. U dan kien l-aqwa argument għan-nies ta’ żmienu b’mod speċjali għal dawk li ma setgħux jifhmuh, dawk li ħassew li l-kliem tiegħu jew kien tqil jew inkella diffiċli biex jemmnuh, diffiċli li jemmnu li Iben Alla jkun mastrudaxxa, li jgħix Nazaret u jissejjaħ Ġesù ta’ Nazaret. “X’jista’ joħroġ minn Nazaret?” (Ġw 1:46).
Kemm hu importanti li aħna, qabel nitkellmu, inkunu xhieda. Ħafna ġenituri kultant iħossuhom f’diffikultà kif se jgħaddu l-fidi lil uliedhom b’mod speċjali meta jikbru jkunu żgħażagħ bil-libertà, bl-awtonomija tagħhom. U hija esperjenza komuni fil-familji li iżjed ma tgħid, inqas jirnexxilek. Jekk inti tridu jmur il-quddies, staqsi lilek innifsek: imma inti qiegħed tmur? Inti qiegħda tmur? Għaliex bħalna, iż-żgħażagħ tagħna jinnutaw kollox. Kultant jaħsduna għaliex donnhom mhumiex imħajrin għaż-żwieġ, imma aħna x’xhieda qegħdin nagħtu tal-ħajja miżżewġa?
Il-kliem għandu qawwa kbira imma li tgħix, ħafna iżjed. Il-kelma tqanqal imma l-eżempju jkaxkar. U din l-ewwel tagħlima li jixtieq ifakkarna Ġesù. U x’jgħid Ġesù? Xi prova juri biex jipperswadi lil dawn iż-żewġ messaġġiera li bagħat Ġwanni l-Battista, li hu l-Messija? “L-għomja jaraw, iz-zopop jimxu, il-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, l-Evanġelju jixxandar lill-foqra” (Mt 11:5).
Imma l-familja trid tkun dan l-ambjent ta’ fejqan, fejn jien min jien, inħossni komdu kif jien għax ommi u missieri se jilqgħuni kif jien!
Il-familja Nisranija – u din hija t-talba li nagħmlu llum – trid tkun esperjenza ta’ dan li qed jgħid Ġesù. Tgħiduli: ‘Mela aħna sptar?’ Il-Papa kultant, meta jħares lejn il-Knisja, jgħid: ‘aħna bħal sptar’. San Ġorġ Preca kellu din l-intuwizzjoni ħafna snin ilu. Kiteb ktieb ħelu jismu ‘L-Isptar ta’ Kristu’. U San Ġorġ Preca jimmaġina lil Ġesù jżur sptar u f’kull sala hemm xi marda tal-ispirtu, xi vizzju, u jidħol għax Ġesù huwa t-tabib tar-ruħ u jgħid kif inti tista’ tirbaħ din il-marda tal-ispirtu: ir-regħba, ir-rabja, l-għira, iż-żina, is-serq – sala, sala. U Ġesù hawnhekk qed jagħtina ħafna kategoriji.
“Il-għomja jaraw.” Aħna bil-Malti x’ngħidu liema hu l-ikbar għami? Dak li ma jridx jara. Il-miżżewġin għandhom din is-sejħa li jaraw lil Ġesù f’xulxin. Issa jekk inti tara lil Ġesù f’dak li jkun, se twaddablu xi platt? Jew se tvenvillu xi kelma iebsa? Apparti li jekk tkisser platt trid tixtri ieħor, tiġik naqra għolja, imma kultant il-kliem iweġġa’ ħafna iżjed.
“Iz-zopop jimxu.” Ħafna drabi aħna, fil-mixja tal-fedeltà fiż-żwieġ, nogħtru. Il-Mulej qiegħed hemm biex jagħtina l-qawwa nerġgħu nibdew. Imma jrid ikun hemm il-maħfra ta’ xulxin. Ħafna drabi xi ħaġa, xi nuqqas inpoġġuh ġol-komma hawn, biex imbagħad meta jasal il-mument nużawh: ‘Erfajthieli din ġol-komma!’
Dal-Milied irid ikun ukoll il-Milied li min fuq ir-radar tagħna m’għadux jeżisti, jerġa’ jidħol fil-lista tal-ħajjin.
“Il-lebbrużi jfiqu.” Il-lebbrużi jkunu nies maqtugħin mis-soċjetà. Il-familja trid tkun ambjent fejn kulħadd iħossu komdu. Għandna żgħażagħ li jsibu diffikultà li fil-familja jkunu dak li huma għax jibżgħu li mhux se jkunu milqugħa. Imma l-familja trid tkun dan l-ambjent ta’ fejqan, fejn jien min jien, inħossni komdu kif jien għax ommi u missieri se jilqgħuni kif jien, iħobbuni kif jien, mhux kif jixtiequ huma li jien, kif jien! Tifhmuni intom.
“It-torox jisimgħu.” Dawn bħall-għama. L-ikbar trux min ma jridx jisma’. Kemm nitkellmu, ngħidu kliem lil xulxin imma minn waħda jidħol u mill-oħra joħroġ. Jekk ma nkunux ukoll quddiem it-televiżjoni kulħadd iħares lejn l-istess kaxxa tad-dawl u m’hemmx komunikazzjoni bejnietna. L-unika ħaġa: ‘taqliblux issa’. Imma l-familja trid tkun l-ambjent fejn tassew nisimgħu lil xulxin, nisimgħu bil-qalb u bir-ruħ.
“Il-mejtin iqumu.” Tgħiduli: ‘Issa sew, x’se nagħmlu hawnhekk?’ Inti qatt ħsibt f’xi ħadd li ilek ma tarah u tisimgħu? Kultant, qed ngħid anke għall-ġenituri u għan-nanniet, qishom diġà mietu. Qegħdin ġo home, impustajniehom hemmhekk, dawk jieħdu ħsiebhom! Dal-Milied irid ikun ukoll il-Milied li min fuq ir-radar tagħna m’għadux jeżisti, jerġa’ jidħol fil-lista tal-ħajjin. Bħall-ulied ukoll li telqu. Kemm hi ħaġa sabiħa tisma’ stejjer li jimlewlek il-qalb tiegħek ta’ wlied li jerġgħu jiltaqgħu mal-ġenituri tagħhom għax minħabba xi disgwid, ma jkunux iżjed semgħu lil xulxin u jkun hemm it-tgħanniqa tal-imħabba. Dawk ukoll huma mejtin li reġgħu għall-ħajja, kemm il-ġenituri u kemm l-ulied.
“L-Evanġelju jixxandar lill-foqra.” F’dan l-Avvent tajjeb nagħmlu l-esperjenza tal-ikbar faqar: dik li inti tmur quddiem Alla u tgħidlu: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Aħna nippruvaw kultant ngħixu mingħajru, imma jekk għandna bżonn xi ħadd, huwa Alla.
“Hieni min hu li ma jitfixkilx minħabba fija.” Qabel il-quddiesa kont qed nara klip żgħir ta’ Deutsche Welle dwar familja Ġermaniża li ddeċidiet tilqa’ għandha seba’ żgħażagħ mis-Sirja, jgħixu magħhom u kiem hemm din l-intervista ma’ din il-koppja u ma’ dawn iż-żgħażagħ, li kienu refuġjati tturufnati minn pajjiżhom. Din il-koppja laqgħethom id-dar tagħha. L-ewwel kien hemm wieħed, imbagħad ġie ħabib tiegħu, imbagħad ġie l-ħabib tal-ħabib u waslu sa sebgħa.
Ovvjament xejn mhu bla diffikultajiet, xejn mhu bla sfida, imma kemm tkun ħaġa sabiħa li aħna ngħixu l-ħajja tal-familja bħala ambjent li jilqa’ lil kulħadd. Nibdew minn tagħna stess għax kultant ikollna d-diffikultajiet nilqgħu lil xulxin. Donnu biex tkun magħna, trid tkun perfett, min hu perfett b’mod speċjali fejn hemm il-mard mentali. Hemm kampanja fiċ-soċjetà ċivili – jiena nissapportjaha bil-qalb kollha għax nifhem il-bżonn tagħha – li aħna ma nibqgħux nistgħu naċċettaw u nammettu li kif jista’ jkollok il-mard fiżiku, jista’ jkollok ukoll il-mard psikiku u li inti ma tagħżilx jekk tkunx b’saħħtek jew marid. U hemm bżonn naħdmu fuqha din il-ħaġa: li ngħinu lil xulxin, li nilqgħu lil xulxin, li ma jkun hemm l-ebda kundizzjoni li tgħidlek: ‘dawk iva imma inti le, ħija naraw x’nagħmlu’.
Dan nitlob jien f’dan il-Milied imqaddes. Meta fil-familji tagħna ngawdu x-xena sabiħa tal-presepju li hija parti mill-kultura tagħna. Il-Papa Franġisku kiteb ittra appostolika lill-Knisja kollha dwar is-sinifikat sabiħ tal-presepju. Aħna għall-grazzja t’Alla, il-presepju għadu, anke minħabba l-insistenza ta’ San Ġorġ Preca, parti qawwija u sabiħa mill-kultura tagħna. Ikollkom ċans fittxuh dan id-dokument tal-Papa fuq il-presepju, iffirmah fl-1 ta’ Diċembru ta’ din is-sena 2019.
Hu jgħid li dan huwa mod ukoll kif in-nanniet, il-missirijiet u l-ommijiet iwasslu l-fidi lil uliedhom, lil ulied uliedhom. Kemm hi ħaġa sabiħa li inti ssib naqra ħin u n-neputi tgħidlu: ‘Ara hemmhekk hemm baby Jesus, hemm il-Madonna, San Ġużepp, il-baqra u l-ħmara’ U dak li jixxabbat, x’inhu? U dak l-anġlu, x’inhu jagħmel? Il-Papa jagħti spjega lill-persunaġġi għeżież għalina fil-presepju, imma ħin minnhom jgħid kemm hi ħaġa sabiħa li fil-familja l-presepju jsir għodda ta’ kif tgħaddi l-fidi, li inti tifhem li l-Iben ta’ Alla li ħalaq kollox, huwa tarbija f’maxtura ġo għar.
Ejjew nitolbu għall-familji kollha Maltin u nitolbu li aħna nkunu xhieda ħajja ta’ min hu Ġesù, min jiltaqa’ magħna jgħid: din l-imħabba minn fejn ġejja? Ġejja mill-qawwa li jagħtina l-Ispirtu qaddis tiegħu.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Is 35, 1-6a. 10
Salm: 146 (147), 7.8-9a.9bc-10
Qari II: Ġak 5, 7-10
Evanġelju: Mt 11, 2-11