L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ġesù huwa ppreokkupat biex il-liġi ta’ Alla neħduha bis-serjetà. Hu jinsisti li sal-aħħar taż-żmien: “anqas l-iżgħar ittra jew tikka waħda mil-Liġi ma titneħħa sa ma jkun seħħ kollox” (Mt 5:18). Imma jissuġġerixxi li ma niqfux biss fil-wiċċ, imma nħarsu lejn il-qalb, meta ngħidu: ħa nimxi fuq il-liġi t’Alla.
F’din is-silta, pjuttost twila mill-kapitlu 5 ta’ San Mattew, Ġesù jieħu diversi eżempji tal-liġi imma jgħallimna wkoll immorru lejn il-qalb tal-liġi. U jibda bir-rabja. “Smajtu xi ntqal lin-nies ta’ dari, ‘La toqtolx’” (Mt 5:21). Imma biex tifhem din il-liġi, trid tibda bir-rabja li hemm f’qalbek u ssaffiha – taħdem fuqha bil-mod – kif titkellem fuq il-proxxmu u mal-proxxmu. U jgħid: aħna se jkollna wkoll nagħtu kont tal-kliem iebes li ngħidu lil xulxin. Illum kieku jinkludi l-media soċjali. Imma dak iħallih f’idejna biex nagħrblu lilna nnfusna. Jista’ jkun li ma qtilt lil ħadd imma bi kliemi kissirt il-fama tajba ta’ xi ħadd. U Ġesù qed jgħidlek: ħu ħsieb ta’ kull kelma li tgħid għax għalkemm ma qtiltx lil xi ħadd bis-sejf jew b’xi xkubetta, xorta ridt jew irnexxielek tagħmel il-ħsara.
Jitkellem dwar il-fedeltà fil-ħajja taż-żwieġ. U jinsisti li l-fedeltà tibda mill-qalb. Mhix kwistjoni ta’ x’ġara u ma ġarax fl-intimità ta’ bejn il-persuni; imma l-fedeltà tibda f’qalbek. U għalhekk nitolbu li l-ħbiberiji u l-imħabbiet tagħna, ikunu tassew mill-qalb. U nitolbu fid-dawl tal-Kelma ta’ Ġesù llum, għall-koppji kollha tagħna: dawk li qed jippreparaw għaż-żwieġ, dawk li qed jgħixu ż-żwieġ, biex il-fedeltà tagħhom ma tkunx biss minn barra jew taparsi, imma tibda mill-qalb. Nitolbu wkoll għal dawk li għaddew jew għaddejjin minn diffikultà kbira fiż-żwieġ u għandhom it-tentazzjoni, kif ngħidu bil-Malti: ‘iqattgħu l-karti’. Mhux il-mument li ngħaddu ġudizzju fuq ħutna imma ejjew nifhmu kemm Ġesù jinsisti li jekk hemm ċans taħfer u tirranġa, dan iċ-ċans għandek tieħdu. Għaliex Ġesù jikkundanna d-divorzju leġġer: li dak li jkun, għax bir-riħ isfel, jibdel kollox. Intom tifhmuni x’qed nipprova ngħid.

Ġesù jitkellem ukoll fuq il-kelma li nagħtu lil xulxin, u nżeffnu lil Alla bħala xhud tagħna. Jgħidilna: m’hemmx għalfejn toqogħdu żżeffnu lil Alla xhud tagħkom, kunu onesti u sinċieri: meta tgħid iva, ħa jkun iva; imma meta jkun le, ikun le. U jinsisti, għaliex l-onestà tibda wkoll mill-qalb.
Il-Mulej qed jgħidilna llum: jekk inqast lil xi ħadd, itlob maħfra. Qabel tiġi l-quddies, irranġa.
Mela Ġesù, qed jagħtina kriterju, kejl, ta’ x’jiġifieri timxi fuq il-liġi: il-liġi tibda mill-qalb tiegħek, u wara kollox issir triq tal-imħabba. Għaliex x’inhu l-aqwa kmandament? X’inhu l-qofol tal-liġi li Ġesù qed jgħid li ma tispiċċa qatt? Hu stess jgħid: “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek… u lil għajrek bħalek innifsek” (Mt 22:37-39). U allura f’dawn iċ-ċirkustanzi kollha nistgħu ngħidu: fejn tiġi r-rabja u d-diskors żejjed, jew il-malafama u l-kalunja; fejn tiġi l-fedeltà fil-ħbiberija fiż-żwieġ; fejn tiġi l-kelma li nagħtu lil xulxin, u nżeffnu lil Alla bħala xhud, x’tixtieq li ħaddieħor jagħmel miegħi? Hekk għandi nagħmel ma’ ħaddieħor jien.

Ħin minnhom jgħid: li jekk ikollok xi tgħid ma’ xi ħadd, irranġa kemm jista’ jkun malajr; jew jgħid: “Jekk tiftakar li ħuk għandu xi ħaġa kontra tiegħek, ħalli l-offerta tiegħek hemmhekk… u mur l-ewwel irranġa ma’ ħuk” (Mt 5:24). X’qed jipprova jgħid? Qed jipprova jħajjarna nagħmlu kuraġġ u nitolbu maħfra meta nkunu nqasna lil xi ħadd. Li taħfer huwa diffiċli, li titlob maħfra, huwa diffiċli wkoll. Imma l-Mulej qed jgħidilna llum: jekk inqast lil xi ħadd, itlob maħfra. Qabel tiġi l-quddies, irranġa.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Sir 15:15-20
Responsorju: 118 (119):1-2,4-5,17-18,33-34
Qari II: 1 Kor 2:6-10
L-Evanġelju: Mt 5:17-37





