L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Qabdu jiddieħku bih” (Mt 9:24). Dan hu li naqraw f’din l-istorja mill-Evanġelju skont San Mattew, li tirrakkontalna anzi żewġ stejjer flimkien: il-fejqan tal-mara li kienet ilha tnax-il sena tbati mit-tnixxija tad-demm, u l-qawmien għall-ħajja tat-tifla ta’ wieħed mill-kapijiet. Ħa naraw ftit din il-ġrajja, u nħarsu lejn dawn in-nies li resqu lejn Ġesù, kif ukoll lejn Ġesù nnifsu.

L-ewwel nett, wieħed mill-kapijiet li mar ikellem lil Ġesù, inxteħet f’riġlejh, u qallu: “Binti iss’issa għadha kemm mietet. Imma int ejja qiegħed idek fuqha u hija tgħix” (Mt 9:18). Naraw f’dan il-missier l-imħabba kbira lejn bintu, li ried jagħmel minn kollox għaliha; u l-fidi li kellu f’Ġesù. Mar sabu, u meta nxteħet f’riġlejh, ma qallux: ejja, forsi tista’ tagħmel xi ħaġa. Imma qallu: “ejja qiegħed idek fuqha u hija tgħix”. Ara x’fidi!

Imbagħad għandna din l-istorja li qisha tidħol fin-nofs. Mela Ġesù mar warajh, biex imur għand din it-tifla tiegħu, imma f’daqqa waħda kien hemm mara li kienet ilha snin tbati, u din irraġunat hekk, qalet: “imqar jekk immiss il-libsa tiegħu, infiq” (Mt 9:21). Fil-fatt, messet tarf il-libsa tiegħu. Ara x’fidi kellha dil-mara, li qalet: tant huwa bniedem speċjali dan, li lanqas hemm għalfejn ikolli l-opportunità li nkellmu, nispjegalu minn xiex għaddejja, imbagħad ifejjaqni; biżżejjed immiss il-libsa tiegħu. Fil-fatt, Ġesù hekk qalilha: “il-fidi tiegħek fejqitek” (Mt 9:22). Kemm hi sabiħa meta naraw dawn it-tnejn min-nies – wieħed li hu kap, għat-tifla tiegħu; u l-oħra mara ordinarja, li lanqas nafu isimha, li resqet biex Ġesù jfejjaqha!

Ħa nħarsu lejn Ġesù. Lil Ġesù dejjem narawh mimli mħabba u kompassjoni, u lest biex jgħin lil kulħadd – kemm jekk ikun wieħed mill-kapijiet għal bintu, kemm jekk tkun mara li nzertat hemmhekk u li fittxitu biex tfiq. Għandu dejjem din il-qalb mimlija ħniena u mħabba lejn kulħadd. Anke l-mod kif l-Evanġelju jispjega dawn il-mirakli li għamel Ġesù. Lil dil-mara li missitlu tarf il-libsa, hu qalilha “Agħmel il-qalb”, inkoraġġiha. Ried hu li jiltaqa’ magħha biex jgħidilha “il-fidi tiegħek fejqitek”, u jfejjaqha. Anke meta narawh li kif kellmu wieħed mill-kapijiet fuq bintu, mar mal-ewwel mad-dixxipli tiegħu, u meta daħal id-dar, l-ewwel ma għamel Ġesù hu li ried il-kwiet, mhux il-ħafna storbju li kien hemm – “folla nies jagħmlu storbju sħiħ” (Mt 9:23), jgħid l-Evanġelju. Għalhekk qalilhom: “it-tifla mhijiex mejta, imma rieqda” (Mt 9:24) – jiġifieri, hemm diġà indikazzjoni ta’ dak li kien se jagħmel hu. Bdew jiddieħku bih, għalhekk keċċiehom ’il barra, u baqa’ waħdu mat-tifla. L-Evanġelju jgħid: “qabad id it-tifla u din qamet” (Mt 9:25), u hu ta l-ħajja mill-ġdid.

Kemm hu sabiħ meta aħna nintebħu li dawn mhumiex biss ġrajjiet tal-passat imma ġrajjiet li juruna min hu Ġesù għalina llum. Ġesù hu dak li jimpurtah minna – kulħadd, kull persuna hi importanti – u lilna jixtieq jgħinna. Għandna nieħdu l-eżempju ta’ dan il-kap u ta’ din il-mara li mmorru lejh u nitolbuh, inressqulu t-talbiet tagħna, konvinti li jagħtina dak li hu ta’ ġid għalina.

Għandna wkoll, f’dan l-Evanġelju, dal-messaġġ sabiħ: għandna nieħdu l-eżempju tiegħu bil-mod kif aħna nittrattaw lin-nies. Ħalli aħna wkoll mal-oħrajn inkunu nies ta’ mħabba, ta’ kompassjoni, li lesti nieqfu magħhom fit-tbatija u nagħmlu minn kollox biex ngħinuhom, bħalma għamel Ġesù. Aħna niltaqgħu ma’ diversi nies li jkunu għaddejjin mit-tbatija, mill-uġigħ. Għandna nagħmlu minn kollox biex, fejn hu possibbli, ifiqu; imma fejn mhux possibbli jfiqu, itaffu l-uġigħ. Dejjem minn kollox biex jittaffa l-uġigħ – noqtlu l-uġigħ, mhux il-ħajja tal-persuna, bħalma jgħallimna Ġesù. Nuru tassew, ma’ min qed ibati, imħabba u kompassjoni vera.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta