L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hija tassew talba sabiħa din li l-appostli għamlu lil Ġesù meta qalulu: “Kattar fina l-fidi!” (Lq 17:5) L-appostli kienu viċin Ġesù, kienu qed jaraw ħafna sinjali, jisimgħu t-tagħlim tiegħu, jagħrfu li hemm xi ħaġa speċjali f’Ġesù, jiskopruh dejjem aktar, imma riedu li hu jsaħħaħhom fil-fidi. 

U r-risposta ta’ Ġesù hija li l-fidi, iktar milli tgħid li hi kbira jew żgħira, hi fidi li mbagħad tiżviluppa. Għalhekk isemmi ż-żerriegħa tal-mustarda – li hi żerriegħa żgħira ħafna. Jgħid: jekk ikollkom fidi mqar “daqs żerriegħa tal-mustarda” (Lq 17:6), tagħmlu ħwejjeġ kbar. Imma żerriegħa tal-mustarda hi żerriegħa bil-kapaċità, bil-potenzjal li tikber. Għalhekk din hija talba sabiħa ħafna.

L-Evanġelju għandu qisu tliet punti differenti. Hawnhekk Ġesù jitkellem fuq il-fidi, imma f’dak li jgħid illum jurina kif il-fidi hi dik li għandna ngħixu flimkien ma’ oħrajn. Il-fidi ma tagħlaqniex f’bozza, waħedna, imma ngħixuha proprju fir-relazzjonijiet mal-oħrajn. Għalhekk isemmi fl-Evanġelju kif aħna għandu jimpurtana mill-oħrajn. Jgħid: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, widdbu” (Lq 17:3). Mhux qisek: tagħtux kasu, qisu jagħmel fattih, imma widdbu, biex tiġbidlu l-attenzjoni. U jgħid: “jekk jindem, aħfirlu” (Lq 17:3). U jgħid: taħfirlu mhux darba, imma ħafna drabi. Għax il-fidi, meta ngħixuha bis-serjetà, tfisser li aħna naħfru lil min hu ħati għalina, u li nagħmlu dan fuq l-eżempju ta’ Ġesù stess li jrid li aħna f’qalbna jkollna dejjem dan l-ispirtu ta’ maħfra, u mhux vendikazzjoni, u mhux tpattija. Għalhekk Ġesù jgħid “seba’ darbiet” (Lq 17:4). Meta jgħid “seba’ darbiet” hi espressjoni li tfisser li dejjem għandna naħfru, u. għandna nitolbu lil Alla din il-qawwa biex aħna naħfru lil min hu ħati għalina.

Jgħid xi ħaġa oħra importanti ħafna wkoll fl-Evanġelju llum meta jitkellem fuq l-iskandli. Din marbuta mal-fidi. Tfisser li meta aħna ngħixu l-fidi tagħna, ma nistgħux nagħlqu għajnejna għal dak li jiġri, għal dak li hu ħażin. Il-fidi tgħinna biex nagħrfu nagħżlu bejn it-tajjeb u l-ħażin. U quddiem il-ħażin, ma nistgħux nagħlqu għajnejna. Jgħid Ġesù: irridu noqogħdu attenti li ma nkunux aħna li nagħtu skandlu bil-kliem tagħna jew bl-għemil tagħna; imma wkoll li fejn hemm skandlu rridu nieħdu passi. 

Ġesù juża espressjoni li hi iebsa ħafna. Jgħid, għal min jagħti skandlu: “iktar jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla ta’ tħin u jitfgħuh il-baħar milli jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin” (Lq 17:2). Ġesù qed jgħid għal min jagħti skandlu, mhux għal min jikxef l-iskandlu – li jorbtulu ġebla ta’ tħin ma’ għonqu – imma għal min jagħti skandlu. Qed jgħid kliem li hu iebes għax jekk lil xi ħadd torbotlu ġebla ta’ tħin u titfgħu l-baħar, ifisser li mhux se tarah iżjed. Ġesù mhux qed jgħid li għandek toqtlu, imma qed juża espressjoni li tfisser li int ma tistax tagħlaq għajnejk għal min jagħti skandlu, u tħalli kollox għaddej, imma trid tieħu passi biex ma jkomplix jagħmel ħsara, biex ma jkomplix jagħmel dak li hu ħażin. Trid tieħu passi. Din marbuta mal-fidi tagħna. Il-fidi ma tagħlqilniex għajnejna għall-ħażin li jiġri u tgħidilna: oqogħdu b’idejkom marbuta, ma tagħmlu xejn. Anzi, tħeġġiġna biex nieħdu passi fejn hemm ħażin ħalli nevitaw dak li jista’ jagħti skandlu lill-oħrajn. 

Għalhekk din hi kelma sabiħa ħafna ta’ Ġesù biex tgħinna nagħrfu l-fidi tagħna. Nitolbuh biex il-fidi jsaħħaħilna, imma wkoll biex nagħrfu ngħixuha – kemm fl-imħabba u l-maħfra li għandna nuru lejn il-persuni, imma wkoll fl-azzjoni li għandna nieħdu biex nevitaw dejjem dak li hu ħażin, biex ma jagħmilx ħsara lill-oħrajn.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta