L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Minn fuq is-salib Ġesù ra diversi persuni. Tħaddet ukoll ma’ dawk li kienu msallbin miegħu. Imma fost dawn in-nies kollha, kien hemm żewġ persuni, li l-Evanġelju ta’ San Ġwann, li għadna kemm smajna, jinnutalna bħala wieqfa: “Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu” (Ġw 19:25). Il-persuna l-oħra hu d-dixxiplu li Ġesù kien iħobb, wieqaf ħdejha. Dawn iż żewġ persuni weqfin, ħdejn is-salib ta’ bniedem ikkundanat għall-mewt l-iżjed infami, għat-tortura l-iżjed ħarxa, għal kundanna inġusta. Il-Mulej Ġesù, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, imneżża’ minn kull dinjità, pjaga waħda; tant li Iżaija jgħid, ma stajniex nagħrfuh, imbenġel, imbikkem, imsawwat. Il-ħarsa tiegħu tinżel fuq dawn iż-żewġ persuni, li huma skola ta’ solidarjetà, u ta’ mħabba. U Ġesù jafdahom lil xulxin.

Iħares lejn ommu u jgħidilha dwar id-dixxiplu l-maħbub: “Mara, hawn hu ibnek.” Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok.” U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu” (Ġw 19:26-27). Idaħħalha fid-dar tiegħu, issir parti mill-familja tiegħu, u hu jsir parti mill-familja tagħha. Din l-armla ta’ Nazaret, li kienet tgħix bis-solidarjetà tal-qraba, ta’ familja estiża li kienet tgħix ġo Nazaret, tant li l-Evanġelju sikwit jirreferi għall-aħwa ta’ Ġesù; li x’aktarx kienu dawk li jsostnu lill-armla, li sfat weħidha, b’mod speċjali fit-tliet snin li Ġesù telaq minn Nazaret, u kien iterraq il-Lhudija u l-Galilija, jipprietka, ifejjaq, jagħmel il-ġid. Din l-armla setgħet tiġi afdata lill-familja tagħha. L-Evanġelju stess jgħidilna, li kien hemm oħtha wkoll ħdejn is-salib ta’ Ġesù. Innutaw x’jgħid l-Evanġelju ta’ San Ġwann: “Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala.” (Ġw 19:25) Imma Ġesù ma jafdax lil ommu lil oħtha li kienet hemm; jafdaha lid-dixxiplu l-maħbub. Mill-ħarsa tiegħu minn fuq is-salib, jinawgura familja ġdida. “Min hi ommi? U min huma ħuti?” (Mt 12:48). “Dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jagħmluha” (Lq 11:28). Dawk huma ommi u ħuti. U minn fuq is-salib, Ġesù jistitwixxi din il-familja ġdida tad-dixxipli tiegħu, tad-dixxipli li Hu jħobb.

“Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jien” (Ġw 15:9). Kemm hi profonda din il-kelma ta’ Ġesù! Kemm hi ta’ faraġ! Jalla dil-kelma tiegħu tinżel fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Bħalma ħabbni Missieri, hekk jien ħabbejtkom; jiena nħobbok, jgħid lil kull wieħed u kull waħda minna. Lil dawn il-persuni li Hu kien iħobb bi mħabba speċjali; lil ommu kien iħobbha fl-ordni tan-natura. Għax li tħobb lil ommok hu istint naturali, jekk tkun f’sensik. Anke meta ma tkunx, u tiġi f’tiegħek, tirrealizza li dak hu istint qawwi. Daqskemm hu qawwi l-istint tal-maternità, hekk hu wkoll l-istint li tkun iben, jew bint; għaliex il-kelma ‘omm’, u l-kelma ‘missier’, il-kelma ‘iben’, u l-kelma ‘bint’, li kultant il-kultura tagħna trid tikkanċella biex tkun politkament korretta, jibqgħu l-azzjonijiet fundamentali ta’ mħabba, meditazzjonijiet sani, li aħna hemm bżonn li nkomplu nippromwovu.

U l-Mulej, iħares lejn din il-mara, li jħobbha fl-ordni tan-natura bħala ommu, imma wkoll iħobbha fl-ordni tal-grazzja għax fiha ra l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, dik li semgħet il-Kelma ta’ Alla u għamlitha. Dik hi ommu li tisma’ l-Kelma ta’ Alla u tagħmilha. Li l-aħħar kelma li għandna mingħandha fl-istess Evanġelju ta’ San Ġwann hi dik li qalet lill-qaddejja fit-tieġ ta’ Kana: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Agħmlu dak li jgħidilkom ibni. Il-persuna l-oħra li Ġesù kien iħobb hu d-dixxiplu. Id-dixxiplu magħżul bi mħabba ta’ ħbiberija, bi mħabba ta’ preferenza; magħżul għal missjoni. L-ewwel missjoni li jirċievi d-dixxiplu l-maħbub hu li jieħu ħsieb lil omm Ġesù. Waqt li jsir wieħed mill-ewwel membri tal-familja ġdida ta’ Ġesù, li aħna lkoll membri tagħha.

L-istedina li din l-okkażjoni tagħtina llum hi dik li aħna wkoll nadottaw id-deċiżjoni, u l-atteġġjament tad-dixxiplu l-maħbub. L-ewwel nett nagħrfu lilna nfusna bħala dixxipli. Id-dixxiplu hu dak li dejjem għandu bżonn jitgħallem. Id-dixxiplu, li ġej mill-verb ‘discere’, li titgħallem. Dak li għandu mgħallem u għandu bżonn jitgħallem. Aħna kemm aħna bravi, għandna kemm għandna żmien, nibqgħu dixxipli; għandna bżonn nitgħallmu mingħand il-Mulej, fl-iskola tal-imħabba, il-ħniena, il-mogħdrija, il-ġustizzja, ir- rettitudni. Dixxiplu maħbub. Ejjew nikkonvinċu lilna nfusna, li aħna min aħna, għamilna x’għamilna, naħsbu x’naħsbu, il-Mulej iħobbna: “Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jien” (Ġw 15:9). X’se tkun ir-risposta tagħna imma?

Ejjew nagħrfu kemm iħobbna. Imma x’se tkun ir-risposta tagħna għall-imħabba? Għax il-fidi tagħna din hi. Mhix li tgħid il-Kredu u titgħallmu bl-amment. Jew temmen x’hemm fil-Kredu, għax San Ġakbu jgħid “li x-xjaten ukoll jemmnuh u jitriegħdu” (Ġak 2:19). Imma l-fidi hi risposta ta’ mħabba, għall-imħabba ta’ Alla; li tagħraf li Alla jħobbok, u inti tirrispondi bl-imħabba. Imma Ġesù jinsisti li l-imħabba lejn Alla ma tistax tifridha mill-imħabba lejn il-proxxmu, lejn ħutek. “Għax min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah?” (1 Ġw 4:20). Kif tista’ tgħid inti, li tħobb lil Alla li ma tarahx, u tistmerr ix-xbieha tiegħu li qiegħda quddiemek, f’ħuk u f’oħtok?

Id-dixxiplu l-maħbub x’għamel? Hu u jisma’ l-Kelma ta’ Ġesù: “Hawn hi ommok.” Minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu (Ġw 19:27). Xi tfisser li tieħu għandek lil Marija, jekk mhux li tidħol fl-intimità tal-iben, jew tal-bint mal-omm, li tadotta lil Marija bħala l-omm tiegħek, titgħallem minnha, tilbes il-libsa sabiħa tal-virtujiet tagħha; l-aqwa fosthom hi l-umiltà. Il-Mulej ħares “lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli hienja għax is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien” (Lq 1:48-50). Li inti tidħol fl-iskola ta’ Marija, li tilqa’ għandek lil Marija hi li tilbes il-libsa tal-umiltà; li tinħabb min-nies għax jagħrfu min inti tassew, mingħajr bżonn ta’ maskri, mingħajr bżonn ta’ preżunzjonijiet jew ta’ arroganza. Aħna ninsabu quddiem Alla talli aħna għax Alla jagħraf il-qalb. Bejnietna ejjew ninżgħu l-maskri tal-pretensjonijiet, tat-tjubija fiergħa; ejjew nilqgħu lil xulxin kif aħna, u nkunu aħna. Li tilqa’ lil Marija għandek tfisser li inti tkun dejjem fid-djalogu magħha, u titgħallem minnha.

It-talba tar-Rużarju, li tagħha din il-knisja parrokkjali llum formalment tiġi kkonfermata bħala Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima (il-Madonna tar-Rużarju), li missirijietna jirrikorru lejha fit-tajjeb u l-ħażin, fil-mard u fis-saħħa; tkun ukoll triq għal kull familja, li permezz tagħha nimmeditaw fuq il-ħajja ta’ Ġesù u ta’ Marija. Nidħlu fl-ispirtu tat-talb, ningħaqdu bejnietna u nirċievu l-grazzji kollha li l-Mulej, permezz tal-Knisja jagħti lil kull min miġbur fit-talb jgħid imqar ħames posti tar-Rużarju.

Din il-Knisja mżejna b’vetrati sbieħ iddedikati lill-15-il posta Rużarju, qabel ma’ San Ġwann Pawlu II, ispirat ukoll mill-qaddis tagħna San Ġorġ Preca, introduċa l-ħames misteri tad-dawl. Aħna l-Maltin għandna nkunu kburin, li minħabba Dun Ġorġ Preca, permezz ta’ San Ġwann Pawlu II, dħalna fl-istorja ta’ din it-talba għażiża u qaddisa. San Ġorġ Preca ssuġġerixxa l-ħames misteri tad-dawl fl-1956. U kien imbagħad San Ġwann Pawlu II li f’dan il-millenju introduċa dawn il-ħames misteri tad-dawl. U aħna rridu nkunu wkoll promoturi, li l-Mulej għażilna. Ħares ukoll lejn iċ-ċokon tagħna, imma għażilna għal din il-providenza kbira, li l-poplu ċkejken tagħna, permezz ta’ saċerdot umli u ħabrieki, jidħol ukoll fl-istorja ta’ din it-talba tar-Rużarju, li l-patrijiet Dumnikani, ħadmu fis-sekli biex jippromwovu, bħalma arma qaddisa kontra l-ħażen.

Lil Sidtna Marija ta’ Fatima nkurunata Reġina tar-Rużarju, nitlobha wkoll id-don tal-paċi fostna. Din l-inkurnazzjoni qiegħda sseħħ f’sena partikolari għall-gżejjer tagħna; is-sena li fiha qed niċċelebraw is-60 sena mill-Indipendenza, 50 sena mir-Repubblika, m’ilux iċċelebrajna u fakkarna 20 sena mis-sħubija tagħna fl-Unjoni Ewropea. Imma dan kollu xi jfisser? Ifisser okkażjoni biex nistaqsu lilna nfusna f’liema direzzjoni sejrin u f’liema waħda rridu mmorru. Għadu jagħmel sens għalina l-kliem tal-Innu Malti? Għax il-kliem tal-Innu Malti, mhux slogan, hu talba lil Alla; talba lil min jifhem, li l-barkiet kollha jiġu minn Alla. Li aħna rridu nxammru l-kmiem, u naħdmu flimkien, biex il-Mulej fostna jseddaq l-għaqda u s-sliem. Imma nitolbu għad-dehen, għall-ħniena, għas-saħħa għal kulħadd, aħna min aħna. Nitolbu, allura, li l-għażliet tagħna, ikunu skont ir-rieda ta’ Alla; li fuq kollox jiġġudikana, għax Hu mħallef ġust, fuq l-imħabba. Fit-tmiem ta’ kollox, il-Mulej jiġġudikak fuq l-imħabba.

Jekk aħna rridu nitolbuha grazzja kbira lil Sidtna Marija ta’ Fatima, ippermettuli nikkonkludi b’talba għall-familji tagħna. Minn dan is-Santwarju nixtieq nafda lil kull familja ta’ Malta u Għawdex. Nitolbu għad-don tal-għożża, il-fedeltà, l-imħabba u x-xewqa għall-ulied. Fuq min jixtieq l-ulied nitlob d-don tal-fertilità. Fuq dawk li ma jafux jekk iridux jiżżewġu jew le, nitlob id-don tad-dehen u tal-kuraġġ biex wieħed jagħmel il-pass. U fuq kollox nitlob, li aħna nibqgħu kultura li tgħożż il-ħajja; nibqgħu poplu li naraw barka fit-tarbija li se titwieled, u mhux toqol jew piż. Nibqgħu poplu li jgħożż lit-tfal tagħna; imma jgħożż ukoll lill-ġenituri u l-anzjani tagħna. Dawn huma laqtiet sbieħ tal-kultura tagħna, li jagħmlu l-familja Maltija oasi sabiħa ta’ mħabba. Imma intom tifhmu wkoll, li fuq din l-oasi kultant iberraq; imma aħna għandna l-protezzjoni ta’ Sidtna Marija, ma nibżgħux. Għaliex il-kelma li ta l-Profeta Iżaija, u li smajna fl-ewwel qari hi kelma li tingħata lil kull wieħed u waħda minna: “Il-Mulej magħna” (Iż 43:2). Biex inkunu persważi minnha, nisimgħuh fuq is-salib jgħidilna: “Hawn hi ommok” (Ġw 19:27). Viva Marija inkurunata Reġina tar-Rużarju.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Atti 10:25-26,34-35,44-48
Salm: 97(98):1,2-3ab,3ċd-4
Qari II: 1 Ġw 4:7-10
L-Evanġelju: Ġw 15:9-17