L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd” (Mk 7:36). Dan hu li naqraw fuq Ġesù llum, fl-Evanġelju skont San Mark, wara li fejjaq lil wieħed raġel li kien trux u mbikkem. L-Evanġelju jgħid li lil dan ir-raġel ġabuh quddiem Ġesù biex “iqiegħed idejh fuqu” (Mk 7:32). U li jagħmel Ġesù l-ewwel hu li joħorġu għalih waħdu minn qalb in-nies. Fl-Evanġelju hemm dik id-deskrizzjoni ta’ kif Ġesù jfejqu u kif dal-bniedem beda jisma’ u beda jitkellem. Imbagħad Ġesù wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd.
Mhix l-ewwel darba li Ġesù għamel hekk. Niftakru meta Pietru kien qallu: “Inti l-Messija ta’ Alla” (Lq 9:20). Immedjatament wara hemm fl-Evanġelju li Ġesù lid-dixxipli qalilhom, anzi kkmandahom, “biex ma jgħid lil ħadd b’dan” (Lq 9:21). Għalina mal-ewwel daqqa ta’ għajn din tidher stramba. Dan għaliex ma jgħidu lil ħadd, f’dal-każ illum, b’miraklu li sar? Mhux ġid kien qed jagħmel? In-nies stess jgħidu fl-aħħar: “Kollox għamel tajjeb” (Mk 7:37). U jekk qed tagħmel il-ġid, mhux aħjar li jxandruh ma’ kulħadd? U mhijiex ovvja li jekk tagħmel miraklu, se jmorru jxandruh? Mela għaliex Ġesù wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd?
Nifhmu dan li qal Ġesù meta niftakru li Ġesù ma riedx li l-fidi nibnuha fuq dak li hu sensazzjonali, fuq l-għeġubijiet li jsiru, fuq il-mirakli. Imma ried jinżel ħafna aktar fil-fond. Meta n-nies imorru jgħidu x’sar – bħalma fil-fatt għamlu, għax l-Evanġelju jgħid li “aktar ma wissiehom, aktar bdew ixandruh” (Mk 7:36) – aktarx li ħafna baqgħu biss bl-impressjoni ta’ Ġesù li hu dak li jagħmel l-għeġubijiet, li jagħmel affarijiet sensazzjonali, u għalhekk ta’ min jammirah u ta’ min jiġri warajh, għax dejjem se jagħmel xi ħaġa speċjali. “Mimlijin bil-għaġeb” (Mk 7:37) fil-fatt jgħid l-Evanġelju. Imma nafu li Ġesù ried li l-mirakli li jagħmel ikunu marbuta mal-fidi, il-fidi fih li hi l-aktar importanti, aktar minn għax għamel l-għeġubijiet; il-fidi li hu s-Salvatur, li hu l-Iben ta’ Alla, Alla li ġie fostna. Dak hu l-aktar importanti. Fil-fatt, Ġesù dejjem faħħar il-fidi ta’ min resaq lejh b’xi talba. Għalih il-fidi li hi l-importanti, u dik li ried jibni u jsaħħaħ.
Kultant jiġrilna li iktar nippreferu statwa li qed tiċċaqlaq, jew li qed tagħmel xi movimenti, minn Ġesù preżenti fl-Ewkaristija …
Dan hu messaġġ importanti ħafna għalina llum. Għax aħna wkoll nistgħu nintrikbu mit-tendenza li niġru wara dak li hu sensazzjonali. Għandna hawnhekk l-Ewkaristija, insibuha fil-knisja, l-akbar miraklu, Ġesù realment preżenti, Ġesù li qiegħed magħna u fostna. Imma kultant jiġrilna li iktar nippreferu statwa li qed tiċċaqlaq, jew li qed tagħmel xi movimenti, minn Ġesù preżenti fl-Ewkaristija; iktar nippreferu xi ħadd li għandu viżjonijiet – u nafu li fl-Istorja tal-Knisja hemm dawk li huma veri u dawk li mhumiex, dawk li huma fake, u li ebda viżjoni ma żżid xi ħaġa ġdida mar-Rivelazzjoni. Kultant jiġri li nippreferu dan milli Ġesù preżenti fl-Ewkaristija. Nippreferu dak li hu sensazzjonali. Irridu dejjem noqogħdu attenti li l-fidi nibnuha fis-sod, fuq dak li hu essenzjali, u norbtu qalbna ma’ dak li hu importanti.
Kieku xi ħadd kellu jgħidlek, pereżempju: isma’, Ġesù nhar it-Tlieta ġej fuq l-għolja ta’ Għammar jew l-Għolja ta’ Ħammuna. X’tagħmel? Naħseb ikollok kurżità biex titla’ fuq l-għolja, tieħu miegħek banketta u fanal, ħalli forsi tiltaqa’ ma’ Ġesù. U tieħu anke miegħek forsi xi talba, tqegħidha f’envelowp, u tagħtiha lil Ġesù biex jaqraha. Imma Ġesù qiegħed magħna hawnhekk fl-Ewkaristija. Nistgħu niġu fil-knisja, noqogħdu fuq bank jew banketta, u nkellmuh, ngħidulu t-talbiet tagħna, ix-xewqat tagħna. Din hi preżenza reali tiegħu. Għalhekk lil min jgħidli li Ġesù ġej xi ġurnata l-ġimgħa d-dieħla, ngħidlu: hawn qiegħed Ġesù magħna, kuljum. Ejja kellmu, iftaħ qalbek miegħu, urih dak li tixtieq tgħidlu.
Nitolbu lill-Mulej illum li nagħrfu l-preżenza tiegħu. Nitolbuh jiftħilna widnejna ħalli nisimgħu dejjem il-kelma tiegħu, u jiftħilna fommna ħalli nfaħħruh dejjem bi kliemna.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju