L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Merfugħ minn erbgħa min-nies” (Mk 2:3e). Hekk jiddeskrivi San Mark fl-Evanġelju tiegħu lil dan il-mifluġ li ħadu quddiem Ġesù, u jenfasizza li dawn kienu n-nies li ħadu lil dan il-mifluġ għand Ġesù. Nafu li ma setgħux idaħħluh minħabba l-folla, u għalhekk fetħu toqba fis-saqaf u daħħluh minn hemm quddiem Ġesù.

Ħa nħarsu l-ewwel lejn dawn l-erbgħa min-nies. X’jolqotna fihom? L-ewwel nett l-imħabba li kellhom lejn dan il-mifluġ. B’solidarjetà miegħu, għenuh biex jasal għand Ġesù. Li ma kienx għalihom, ma kienx jirnexxilu jasal hemmhekk. Kienu dawn li għenuh biex jasal. Tolqotna ħafna l-fidi ta’ dawn in-nies. Dawn emmnu li jekk jaslu quddiem Ġesù, hu jfejjaq lil dan il-mifluġ. L-Evanġelju jgħid li Ġesù “ra l-fidi tagħhom” (Mk 2:5), ta’ dawn l-erbgħa. U tolqotna ħafna t-tama li kellhom, mibnija fuq il-fidi, li jekk jieħdu biċċa xogħol biex jaslu għand Ġesù, ma jkunx għalxejn, imma verament Ġesù se jfejqu li dan il-mifluġ. Kienet din it-tama li mexxiethom biex ikomplu b’determinazzjoni, minkejja kull ostaklu, għax kellhom quddiemhom din il-folla ta’ nies; jaħsbu wkoll b’għaqal u bi kreattività kif jagħmlu ħalli dal- bniedem jispiċċa quddiem Ġesù, għax kellhom din it-tama li dan se jfejqu. Kif nafu, kellhom ostaklu mill-folla. Il-folla kienet qed tisma’ lil Ġesù, ma kienx l-iskop tagħha li ttellef lil dan il-mifluġ; imma dawn inexxielhom ukoll jegħlbu dan l-ostaklu.

Ħa nħarsu lejn Ġesù. Kien qed iwassal il-kelma, b’dawn in-nies quddiemu u barra l-bieb ukoll, u f’daqqa waħda jinfetaħ is-saqaf u mit-toqba jniżżlu lil dan il-mifluġ. Din kienet interruzzjoni kbira fit-tagħlim li kien qed jagħti Ġesù dak il-ħin, għax hu ovvju li n-nies filli qed jisimgħu lilu u filli kulħadd iħares ’il fuq biex jara x’ġara. Ġesù jieqaf, jagħti mal-ewwel attenzjoni lil dal-bniedem li ġie quddiemu, imma jagħmel xi ħaġa li kienet straordinarja għax jgħidlu: “Ibni, dnubietek maħfura” (Mk 2:5). Issa dawn in-nies ma ħadux dik il-biċċa xogħol kollha biex jgħidlu hekk, imma Ġesù, li jagħraf il-qalb, kien jaf x’jiġi l-ewwel. Il-prijorità kienet li internament dal-bniedem ikun fil-paċi, fil-grazzja ta’ Alla, mimli bl-imħabba ta’ Alla u għalhekk il-maħfra ta’ Alla li tagħmlu ħieles minn ġewwa. Seta’ jgħidlu hekk għaliex Ġesù hu Alla, u jista’ jaħfer id-dnubiet. Fil-fatt, dik hi r-reazzjoni tal-kittieba li ma kinux jaċċettaw lil Ġesù, u qalu: “Min jista’ jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla biss?” (Mk 2:7) Qalu verament sentenza tajba, għax Ġesù seta’ jaħfirhom għax kien Alla.

Imbagħad nafu li Ġesù lil dal-bniedem fejqu wkoll fiżikament. Għax fejn naraw lil Ġesù, dejjem narawh ifittex il-ġid sħiħ tal-bniedem. L-ewwel dak li jiġi l-ewwel, li hu l-aktar importanti; imma mbagħad ukoll ifejqu fiżikament, u dar-raġel imbagħad joħroġ minn hemm imfejjaq. Ġesù tah lura l-ħajja ġdida b’dinjità.

Dan l-Evanġelju jgħallimna ħafna. Nistgħu nieqfu fuq kull dettall, għax verament hu Evanġelju li jgħallimna għal ħajjitna. Meta nħarsu lejn dawn l-erbgħa min-nies, jgħallmuna l-fidi sħiħa li kellhom, it-tama mibnija fuq il-fidi, u l-imħabba li kellhom għal dal-bniedem mifluġ. Meta nħarsu lejn Ġesù, niftakru li hu Ġesù li lilna jagħtina dak li hu tassew ta’ ġid għal ħajjitna, u l-ewwel billi jgħinna ħa nkunu fil-grazzja ta’ Alla, ħa nkunu fil-paċi fil-qalb tagħna. Kultant ifejjaq ukoll fiżikament illum, imma l-aktar fejqan u l-ewwel fejqan li jkollna bżonn hu ta’ ġewwa, biex inkunu fil-grazzja ta’ Alla u għalhekk jagħtina l-maħfra li għandna bżonn għall-ħajja tagħna.

Hemm dettall sabiħ ħafna fl-aħħar ta’ dan ir-rakkont, meta wara kollox jgħidlek li n-nies “bdew ifaħħru lil Alla” (Mk 2:12). Kemm hu sabiħ li tara dan-nies kollha jfaħħru lil Alla għal dak li għamel ma’ dan il-mifluġ! Aħna wkoll ħa nfaħħru lil Alla għall-ġid li jagħmel magħna. Nitolbuh ukoll li jagħmel il-ġid permezz tagħna, bħal dawk l-erbgħa min-nies, li ngħinu lill-oħrajn biex jaslu għand Ġesù, għaliex fih biss insibu s-salvazzjoni, fih biss insibu tassew dak li aħna tant nixtiequ fil-qalb tagħna.

✠ Joseph Galea-Curmi 
    Auxiliary Bishop of Malta