L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Onorevoli Ministru, membri tal-Fondazzjoni, membri tal-Kapitlu Metropolitan, distinguished guests, especially members of the diplomatic corps. Thank you very much for your presence among us today.
Illum huwa mument importanti ta’ gratitudni għal tant nies li ħadmu biex wasalna f’dan l-istadju li kull min iżur dan il-maqdes, dan it-tempju, ikollu wkoll spazju fejn jikber fl-għarfien u jirrifletti. Il-maqdes mhuwiex biss spazju reliġjuż fejn aħna niċċelebraw il-fidi tagħna imma wkoll spazju ta’ sbuħija. Biex ngħidu hekk, mument fit-triq tas-sbuħija, fil-via pulchritudinis, li minnha nnifisha — għax twassalna għas-sbuħija — twassalna wkoll għall-verità u għat-tjubija. Għaliex l-għerq tal-pulchrum, tas-sbuħija, huwa dak kollu li hu veru, u dak kollu li hu tajjeb. Allura, dan l-ispazju li l-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann qiegħda toffri lill-viżitaturi, imma mhux biss, anke lilna lkoll, huwa strument fejn aħna niltaqgħu mal-isbuħija, ma’ min għamilha, u flistess ħin tressaqna lejn il-verità u lejn it-tjubija.
Sbuħija partikolari għaliex sbuħija li twieldet minn ruħ f’kunflitti kbar, minn karattru kumpless li fl-istess ħin turina wkoll li ma hemm l-ebda persuna li ma tistax toħloq xi ħaġa li tbiddel l-ambjent għall-aħjar. Meta aħna nersqu lejn Caravaggio, nersqu lejn personalità kumplessa. Qegħdin ingawdu x-xogħol ta’ dan il-ġenju li ħalla d-dinja f’sitwazzjonijiet melodrammatiċi u anke oskuri, mitluq fuq ir-ramel ’il fuq fit-Toscana fl-Italja, abbandunat u marid. Miegħu kellu l-aħħar kwadri tiegħu; imma ħalla din id-dinja b’mod drammatiku, u ħalla fl-istess ħin patrimonju ta’ sbuħija straordinarja li aħna qegħdin ingawdu biċċa minnu, biċċa importanti ħafna minnu.
Dejjem insemmu li qegħdin quddiem l-ikbar inkwatru li pinġa Caravaggio, l-uniku wieħed iffirmat. Imma qegħdin quddiem inkwatru li hu dejjem attwali: quddiem it-traġedja ta’ meta l-arroganza u l-abbuż tal-poter iħallu vittmi innoċenti. Il-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann huwa monument tat-traġedja tal-umanità li hi attwali: li seħħ fl-Ukrajna llum, f’Gaża, u li seħħ fis-Sudan u f’tant postijiet oħra tad-dinja. Dik il-mara li żżomm nasha, kważi f’għafsa ta’ dulur u li tantiċipa l-inkwatru ta’ Munch — li huwa inkwatru li jfisser id-disperazzjoni tal-umanità — hija l-viżjoni attwali ta’ tant nisa u tant ommijiet li bħalissa qegħdin fid-dulur.
Aħna u napprezzaw il-ġenju ta’ Caravaggio, ejjew ilkoll nifhmu li għad għandu messaġġ tant importanti u attwali.
Il-Battista kien bniedem li kellu l-kuraġġ jitkellem il-verità lill-poter. He spoke truth to power. U ħalla rasu. Ngħidu: ‘tilef rasu’, kważi letteralment, għax qatgħulu rasu. Il-platt ta’ dik il-qaddejja fl-inkwatru huwa proprju lest biex jilqa’ r-ras tal-Battista, biex tiġi ppreżentata lil Erodija, li ma ssapportietx il-kelma tal-Battista li bħala rigal riedet id-demm innoċenti ta’ bniedem onest. M’hemmx inkwatru forsi iżjed attwali.
Jalla aħna u napprezzaw il-verità tal-arti, anke bl-għajnuna ta’ dan il-proġett li llum qegħdin inniedu, nifhmu li l-verità tixprunana għat-tajjeb. Is-sabiħ jaf jittrasformana, bħalma ttrasforma l-ħajja ta’ Caravaggio. Jalla l-patrimonju li ħallielna jittrasforma lilna wkoll. Grazzi ħafna.
✠ Charles Jude Scicluna
Archbishop of Malta