L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
Hemm kelma waħda li jgħidha Ġesù fl-Evanġelju llum u jirrepetiha tliet darbiet u li fiha tiġbor il-messaġġ l-aktar importanti fil-kelma ta’ Alla llum. Ġesu jgħid: “ishru” (Mk 13:33.35.37).
Xi tfisser tishar? Aħna l-kelma “sahra” nużawha l-aktar għal min jaħdem iktar milli hu normalment mitlub minnu fix-xogħol tiegħu, min jagħmel overtime. Imma l-kelma “ishru” hawn għandha tifsira partikulari, li hi t-tifsira li Ġesù stess jagħti meta jgħid: “Kunu għajnejkom miftuħa” (Mk 13:33).
Ħarsa lejn dak li għadda u dak li ġej
Tajjeb nistaqsu: għaliex Ġesù qed jgħid hekk proprju llum, meta qed niċċelebraw l-Ewwel Ħadd tal-Avvent? It-talba li għedna fil-bidu tal-quddiesa tispjega dan b’mod tajjeb. Tlabna biex “bl-għemejjel tajba tagħna” noħorġu nilqgħu lil Kristu li ġej.
L-Avvent ifisser preparazzjoni għall-ġurnata tal-Milied meta niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesù fostna tant snin ilu, Alla li sar bniedem fostna; imma wkoll preparazzjoni għat-tieni miġja ta’ Ġesù, meta jiġi fil-glorja. Hemm dawn iż-żewġ aspetti preżenti fiż-żmien tal-Avvent, fejn aħna mhux biss immorru lura fiż-żmien imma nħarsu wkoll ’il quddiem.
Ngħixu l-preżent
Bejn dawn iż-żewġ miġjiet, aħna msejħin biex nagħmlu dak li jgħid Ġesù lid-dixxipli tiegħu: “Kunu għajnejkom miftuħa”. Ġesù qed jgħid li aħna għandna l-mument preżenti f’idejna. Iż-żmien li għadda għandna memorja tiegħu, li ġej ma nafux x’se jkun, imma l-mument ta’ issa hu dak li għandna f’idejna.
L-aħjar preparazzjoni għal meta niltaqgħu ma’ Ġesù hu li aħna naqdu d-dmirjiet u r-responsabbiltajiet tagħna ta’ issa bl-aħjar mod. Mhux li ngħixu mwaħħlin fil-passat jew b’ħarsitna biss fuq x’jista’ jiġri fil-ġejjieni, imma li ngħixu dak li għandna f’idejna issa.
Ngħarfu s-sinjali tiegħu f’ħajjitna
Għalhekk Ġesù jgħid “għajnejkom miftuħa”. Fil-fatt, Ġesù jurina kemm hu importanti li aħna ma ngħixux il-ħajja aljenati, b’mod li ma ngħarfux ngħixu l-ħajja ta’ issa bl-isbaħ mod. Ngħixu tajjeb billi ngħarfu dak li l-Mulej irid minna u s-sinjali tiegħu f’ħajjitna.
Il-ġrajja tal-Milied stess tfakkarna f’dan, għax meta Ġesù ġie fid-dinja, ħafna min-nies ma għarfuhx għax ma ġiex kif kienu qed jistennew huma, u għalhekk Ġesù spiċċa mhux milqugħ u mwarrab sa mill-bidu – ma kienx hemm post għalih fil-ħajja ta’ ħafna nies sa minn dak inhar stess li twieled. Għajnejhom kienu magħluqa għall-misteru kbir tat-twelid ta’ Alla fostna.
“Kunu għajnejkom miftuħa”. Hemm ħafna affarijiet li jistgħu jqarrqu bina jew jaljenawna. Għalhekk it-talba li nagħmlu llum, waqt li aħna nippreparaw għall-ġrajja tal-Milied, u nistennewh jiġi fil-glorja, nitolbuh li għajnejna jkunu tassew miftuħa biex nistgħu ngħarfu ngħixu ż-żmien ta’ issa kif iridna hu.
Aħna t-tafal u hu l-fuħħari
Il-kliem ta’ Ġesù qatt ma hu kliem biex ibeżża’. Meta nisimgħu din is-silta tal-lum, jista’ jkun hemm min jaħseb li l-intenzjoni ta’ Ġesù hi li jbeżża’ bi kliemu. Imma Ġesù li jagħmel hu li jurina r-realtà kif inhi, bla ħabi u bla tidwir tal-kliem, u fl-istess waqt jagħtina wkoll il-mezzi neċessarji biex ngħixu din ir-realtà bla biża’, bla tensjoni jew qtigħ ta’ qalb.
L-isbaħ mod kif ngħixu r-realtà ta’ issa hu billi nagħmlu esperjenza f’ħajjitna tal-kliem li smajna fl-Ewwel Qari mill-Profeta Isaija: “Mulej int missierna. Aħna t-tafal u int il-fuħħari. Aħna lkoll għemil idejk” (Isaija 64:7).
Hu meta nħallu lilu jmexxina, jiffurmana, b’attitudni ta’ disponibilta min-naħa tagħna, li nistgħu nagħmlu dawk l-għemejjel tajba li bihom nilqgħu lil Ġesù li ġej.
Nitolbu lill-Mulej biex il-paċi u l-ferħ li tnissel fina l-ġrajja tal-Milied ikunu wkoll f’qalbna aħna u nistennew li niltaqgħu miegħu meta jiġi fil-glorja.
✠ Joseph Galea-Curmi
Auxiliary Bishop of Malta